4.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/100


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1183

tal-20 ta' April 2017

li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta' informazzjoni u dokumenti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 67(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 223(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 ħassru u ssostitwixxew ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (3) u (KE) Nru 1234/2007 (4) rispettivament. Ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 u l-atti adottati abbażi ta' dawk ir-Regolamenti jistipulaw firxa wiesgħa ta' obbligi fuq l-Istati Membri sabiex jinnotifikaw l-informazzjoni u d-dokumenti lill-Kummissjoni. Dawn ir-regolamenti jagħtu s-setgħa wkoll lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni u d-dokumenti jiġu notifikati lill-Kummissjoni mingħajr xkiel, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' tali atti. Dawn ir-regoli għandhom jissostitwixxu r-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (5), li għalhekk għandu jitħassar.

(2)

Il-Kummissjoni intensifikat l-isforzi tagħha biex tiżviluppa sistemi kompjuterizzati li jippermettu l-ġestjoni elettronika ta' dokumenti u proċeduri, kemm fil-proċeduri ta' ħidma interni tagħha stess kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika agrikola komuni. L-Istati Membri żviluppaw ukoll sistemi kompjuterizzati fil-livell nazzjonali mmirati biex jiżguraw il-ġestjoni kondiviża tal-politika agrikola komuni.

(3)

F'dan il-kuntest, qafas legali għandu jistabbilixxi regoli komuni applikabbli għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti bl-għan li l-Istati Membri jinnotifikaw l-informazzjoni u d-dokumenti lill-Kummissjoni.

(4)

In-natura u t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi notifikata skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu stipulati wkoll.

(5)

Fejn huwa meħtieġ li wieħed jirċievi informazzjoni dwar is-suq li tkun addizzjonali għal dak previst f'dan ir-Regolament u fir-regolament ta' implimentazzjoni li jakkumpanjah minħabba żviluppi fis-suq, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li titlob tali informazzjoni għal perjodu ta' żmien limitat.

(6)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-sistema tan-notifika, dawk awtorizzati li jagħmlu n-notifiki għandhom dejjem jiġu identifikati fi ħdan is-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti. Il-proċess ta' identifikazzjoni għandu jkun taħt ir-responsabbiltà ta' korp uniku ta' kuntatt maħtur minn kull Stat Membru. Barra minn hekk, għandhom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-drittijiet tal-aċċess għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula regoli li jissupplimentaw ir-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tan-natura u t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi notifikata u d-drittijiet tal-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sistemi ta' informazzjoni magħmulin disponibbli biex jissodisfaw l-obbligi ta' notifika stipulati f'dawn ir-Regolamenti u fl-atti adottati abbażi ta' dawk ir-Regolamenti.

2.   L-obbligi ta' notifika stipulati b'dan ir-Regolament ikopru s-setturi elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 2

In-natura u t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi notifikata

1.   L-obbligu ta' notifika għandu jinkludi kull informazzjoni meħtieġa għal dawk il-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 223 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jew għall-fini ta' applikazzjoni tal-atti adottati abbażi ta' dawk ir-Regolamenti jew għall-finijiet ta' konformità ma' ftehimiet internazzjonali konklużi skont it-TFUE.

2.   L-obbligu ta' notifika għandu jinkludi dejta kwantitattiva li tikkonsisti prinċipalment minn ċifri u dejta kwalitattiva li tikkonsisti prinċipalment minn testi u rapporti.

Artikolu 3

Informazzjoni addizzjonali għall-ġestjoni tas-swieq agrikoli

1.   Meta tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali fl-ambitu tal-Kapitolu II tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 (6) b'mod urġenti minħabba żviluppi fis-suq, il-Kummissjoni tista' titlob mingħand l-Istati Membri n-notifika ta' tali informazzjoni addizzjonali u tagħmel il-formoli neċessarji disponibbli sabiex tiġi kkomunikata.

2.   Talba skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal mhux aktar minn 12-il xahar mid-data ta' dik it-talba.

Artikolu 4

Korp uniku ta' kuntatt u r-responsabbiltà tiegħu

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp uniku ta' kuntatt u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar id-dettalji ta' kuntatt rilevanti kollha tiegħu.

2.   Il-korp uniku ta' kuntatt għandu jkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin fir-rigward tas-sistema ta' informazzjoni:

(a)

li jagħti drittijiet ta' aċċess lill-utenti;

(b)

li jiċċertifika l-identità tal-utenti li jkunu ngħataw id-drittijiet ta' aċċess;

(c)

li jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-drittijiet ta' aċċess għas-sistema ta' informazzjoni mogħtijin lill-utenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tattiva d-drittijiet ta' aċċess tal-utenti abbażi tan-notifiki li tirċievi mingħand il-korp uniku ta' kuntatt f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 2.

Artikolu 5

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 792/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 792/2009 għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament Delegat u għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1185.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta' Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta' appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta' appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta' April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notofiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni (ara l-paġna 113 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).