29.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 166/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1147

tat-28 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-parametri referenzjarji għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tal-prezz ta' bosta strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew tal-kejl tal-prestazzjoni ta' bosta fondi ta' investiment. Il-kontribuzzjoni għall-parametri referenzjarji u l-amministrazzjoni tagħhom f'ħafna każijiet huma vulnerabbli għall-manipulazzjoni u l-persuni involuti ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' kunflitti ta' interess.

(2)

Sabiex jissodisfaw ir-rwol ekonomiku tagħhom, huwa meħtieġ li l-parametri referenzjarji jkunu rappreżentattivi tar-realtà ekonomika jew tas-suq sottostanti li jirriflettu. Jekk parametru referenzjarju ma jibqax rappreżentattiv tas-suq sottostanti, bħar-rati interbankarji offruti, hemm riskju ta' effetti negattivi fuq, fost l-oħrajn, l-integrità tas-swieq, il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi (self u ipoteki) u n-negozji fl-Unjoni.

(3)

Ir-riskji għall-utenti, għas-swieq u għall-ekonomija tal-Unjoni ġeneralment jiżdiedu meta l-valur totali tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li jirreferenzjaw parametru referenzjarju speċifiku jkun għoli. Ir-Regolament (UE) 2016/1011 għalhekk jistabbilixxi kategoriji differenti ta' parametri referenzjarji u jipprevedi rekwiżiti addizzjonali li jiżguraw l-integrità u r-robustezza ta' ċerti parametri referenzjarji meqjusa bħala kritiċi, inkluż is-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jinfurzaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, kontribuzzjonijiet lil parametru referenzjarju ta' importanza kritika jew l-amministrazzjoni tiegħu.

(4)

L-obbligi u s-setgħat addizzjonali tal-awtoritajiet kompetenti tal-amministraturi tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika jeħtieġu proċess formali għad-determinazzjoni tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika. F'konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, parametru referenzjarju jitqies li huwa parametru referenzjarju ta' importanza kritika meta jintuża direttament jew indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali ta' mill-inqas EUR 500 biljun, fuq il-bażi tal-firxa kollha tal-maturitajiet jew tat-termini tal-parametru referenzjarju, meta applikabbli.

(5)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 (2) li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011. Analiżi ta' data u kontributi mill-Bank Ċentrali Ewropew urew li l-valur ta' strumenti finanzjarji u ta' kuntratti finanzjarji li jirreferenzjaw l-EONIA (Euro OverNight Index Average) fl-Unjoni jeċċedi l-livell ta' EUR 500 biljun stabbilit fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011.

(6)

L-EONIA hija medja ta' tranżazzjonijiet ta' self ta' perjodu qasir u mhux garantit ta' grupp ta' banek fis-suq interbankarju fl-Unjoni u fl-EFTA. Hija r-rata ta' imgħax ta' referenza għal swaps tar-rati tal-imgħax fl-Euro. Hija għalhekk kruċjali għall-funzjonament tas-suq ta' swaps fl-Euro u għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni.

(7)

Abbażi ta' kalkoli mill-Bank Ċentrali Ewropew li joħorġu mir-rapporti ta' kuljum tal-akbar 52 bank Ewropew li jaqgħu taħt ir-rappurtar statistiku tas-suq tal-flus, l-ammonti pendenti tal-istrumenti katturati tas-suq tal-flus fis-suq mhux garantit u dak garantit li jirreferenzjaw lill-EONIA jista' jiġi stmat għal madwar EUR 450 biljun u EUR 400 biljun għal dan il-kampjun waħdu ta' banek. Barra minn dan, huwa stmat li l-maġġoranza vasta ta' tranżazzjonijiet fis-suq tal-Euro ta' swaps tal-Indiċi mil-Lum għall-Għada (OIS), b'ammont nozzjonali ta' madwar EUR 5,2 triljun, huma marbuta mal-EONIA. L-EONIA tintuża għalhekk b'mod dirett jew indirett fi ħdan taħlita ta' parametri referenzjarji bħala referenza għal strumenti finanzjarji jew kuntratti finanzjarji jew għall-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment, b'valur totali ta' mill-inqas EUR 500 biljun, fuq il-bażi tal-firxa kollha tal-maturitajiet.

(8)

L-EONIA hija pprovduta mill-istess amministratur tal-parametri referenzjarji bħall-EURIBOR u l-grupp ta' banek li jikkontribwixxu data tal-input għall-EURIBOR huwa effettivament parti mill-grupp ta' banek li jikkontribwixxu data tal-input għall-EONIA. Filwaqt li l-EURIBOR tirrifletti self fit-tul, l-EONIA tkopri self fuq perjodu qasir. Huwa għal ta' importanza vitali għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji li l-EONIA tkun stabbilita bħala parametru referenzjarju ta' importanza kritika ukoll.

(9)

Jenħtieġ għalhekk li l-lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika stabbilita bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 tiġi emendata billi tiddaħħal l-EONIA.

(10)

Fid-dawl tal-importanza kruċjali tal-EONIA għas-suq interbankarju u l-għadd kbir ta' derivattivi fl-Unjoni li jirreferenzjawha, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'mod urġenti.

(11)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1368 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1368 tal-11 ta' Awwissu 2016 li jistabbilixxi lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika użati fis-swieq finanzjarji skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 1).


ANNESS

ANNESS

Lista ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Nru

Parametru referenzjarju

Amministratur

Post

1

Euro Interbank Offered Rate (EURIBOR®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju

2

Euro OverNight Index Average (EONIA®)

European Money Markets Institute (EMMI)

Brussell, il-Belġju