17.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1380

tas-16 ta' Awwissu 2016

dwar deroga mill-Artikolu 55(2)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 fejn jidħlu r-regoli ta' oriġini applikabbli għall-akkumulazzjoni reġjonali għat-tonn li joriġina fl-Ekwador

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 64(6) u l-Artikolu 66(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (UE) Nru 1384/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Unjoni tat preferenzi tariffarji lill-Ekwador mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2016, bħala arranġament reċiproku interim biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ekwador, wara li nbeda l-Protokoll ta' Adeżjoni tal-Ekwador mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (3), fit-12 ta' Diċembru 2014.

(2)

Għall-fini tal-preferenzi mogħtija bir-Regolament (UE) Nru 1384/2014, għandhom japplikaw ir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Parti I, it-Titolu IV, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (4), inkluż ir-regoli dwar l-akkumulazzjoni reġjonali tal-oriġini fi ħdan grupp ta' pajjiżi li jinkludu l-Bolivja, il-Kolombja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, l-Honduras, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Perù u l-Veneżwela. Mill-1 ta' Jannar 2014, l-akkumulazzjoni reġjonali tista' tapplika biss fl-istess grupp reġjonali għal pajjiżi li, waqt l-esportazzjoni lejn l-Unjoni, ikunu benefiċjarji tas-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (GSP) skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(3)

B'effett mill-1 ta' Mejju 2016, tħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93, u sa dik id-data r-regoli ta' oriġini applikabbli għall-fini tal-preferenzi tariffarji mogħtija għall-merkanzija li toriġina fl-Ekwador huma stabbiliti fit-Titolu II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, is-Subtaqsimiet 2 u 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (6) u fit-Titolu II, il-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, is-Subtaqsimiet 2 sa 9 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (7). Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 jipprovdi għall-istess regoli dwar l-akkumulazzjoni bħar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(4)

Mill-1 ta' Jannar 2016, il-Kolombja, il-Perù, il-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, l-Honduras, in-Nikaragwa u l-Panama, inklużi fl-istess grupp reġjonali mal-Ekwador, ma għadhomx pajjiżi benefiċjarji tal-GSP. Minħabba f'hekk, mill-1 ta' Jannar 2016, it-tonn u l-palamit preparati jew priżervati, u klassifikati fis-subintestatura 1604 14 tas-Sistema ta' Deskrizzjoni Armonizzata u l-Kodifikazzjoni tal-Merkanzija (HS), u t-tonn, il-palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, preparati jew priżervati, tas-subintestatura 1604 20 70 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) ma jistgħux jitqiesu li joriġinaw fl-Ekwador bl-akkumulazzjoni reġjonali ma' dawk il-pajjiżi għall-finijiet tal-preferenzi tariffarji mogħtija bir-Regolament (UE) Nru 1384/2014.

(5)

Fl-4 ta' April 2016, l-Ekwador ressaq talba għal deroga mir-regoli dwar l-oriġini preferenzjali biex l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut fl-Ekwador, għall-finijiet li jiġi determinat l-oriġini tat-tonn u l-palamit preparati jew priżervati, u kklassifikati fis-subintestatura HS 1604 14 u tat-tonn, il-palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, preparati jew priżervati, tas-subintestatura NM 1604 20 70, tkun tista' tikkunsidra l-materjali li joriġinaw fil-Kolombja, fil-Perù, fil-Kosta Rika, f'El Salvador, fil-Gwatemala, fl-Honduras, fin-Nikaragwa u fil-Panama bħala materjali li joriġinaw fl-Ekwador permezz ta' akkumulazzjoni reġjonali. Id-deroga ntalbet biex tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Fit-30 ta' Ġunju 2016 tressqet informazzjoni kumplimentari għal din it-talba inizjali.

(6)

Fit-talba għal deroga, l-Ekwador spjega li għall-produzzjoni tat-tonn preparat u priżervat li l-Ekwador jesporta lejn l-Unjoni, kwantitajiet importanti ta' tonn nej joriġinaw fil-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u fil-pajjiżi Andini. Mingħajr il-possibbiltà ta' akkumulazzjoni ma' dawn il-pajjiżi fl-istess grupp reġjonali, l-esportazzjonijiet tal-Ekwador lejn l-Unjoni tat-tonn preparat u priżervat se jonqsu bi 30 %.

(7)

Sadanittant, fis-16 ta' April 2016, il-kosta tal-Ekwador intlaqtet minn terremot bi skala ta' 7,8. Il-provinċja ta' Manabí u ż-żoni ta' Manta, fejn jopera l-biċċa l-kbira tas-settur tas-sajd tal-Ekwador, kienu affettwati bil-bosta. Ġie rrapurtat li saru ħsarat materjali kbar fosthom fuq infrastrutturi ewlenin li jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni tal-industrija tal-ipproċessar tal-ħut fl-Ekwador.

(8)

Meta wieħed iqis iċ-ċirkostanzi, ir-raġunijiet tat-talba tal-Ekwador u l-impatt ħażin tat-terremot fuq l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut tiegħu, l-Ekwador għandu jibbenefika minn deroga temporanja mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 55(2)(a) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446, skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 64(6) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Għaldaqstant, il-materjali li joriġinaw fil-Kolombja, fil-Perù, fil-Kosta Rika, f'El Salvador, fil-Gwatemala, fl-Honduras, fin-Nikaragwa u fil-Panama u li jintużaw għall-manifattura tat-tonn u tal-palamit preparati u priżervati u klassifikati fis-subintestatura HS 1604 14 u tat-tonn, il-palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, preparati jew priżervati, tas-subintestatura NM 1604 20 70 għandhom jitqiesu li joriġinaw fl-Ekwador, diment li jkunu ssodisfati ċertu kundizzjonijiet.

(9)

Sabiex ikun evitat it-tfixkil fil-kummerċ, u sabiex teħfief il-kisba tal-għanijiet tal-preferenzi tariffarji mogħtija lill-Ekwador skont ir-Regolament (UE) Nru 1384/2014, id-deroga temporanja għandha tkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016.

(10)

Fid-dawl tal-provi ta' oriġini li jistgħu jintużaw għall-materjali li joriġinaw fil-Kolombja, fil-Perù, fil-Kosta Rika, f'El Salvador, fil-Gwatemala, fl-Honduras, fin-Nikaragwa u fil-Panama, l-akkumulazzjoni tista' tapplika wkoll fuq il-bażi tal-prova ta' oriġini prevista bil-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, jew bil-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali min-naħa l-oħra (8), rispettivament.

(11)

Sabiex ikun żgurat li l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni mal-Kolombja, mal-Perù, mal-Kosta Rika, ma' El Salvador, mal-Gwatemala, mal-Ħonduras, man-Nikaragwa u mal-Panama taħdem sew, l-Ekwador għandu jiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri fil-qasam tal-koperazzjoni amministrattiva.

(12)

Sabiex ikun jista' jsir monitoraġġ effiċjenti tat-tħaddim tad-deroga, fi tmiem l-applikazzjoni tad-deroga, l-awtoritajiet tal-Ekwador għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dettalji tal-Formola A taċ-ċertifikati tal-oriġini li nħarġu fi ħdan il-qafas tad-deroga.

(13)

Sabiex ikun evitat li l-implimentazzjoni tad-deroga tieħu fit-tul, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'mod urġenti.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tal-akkumulazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(1)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u b'deroga mill-Artikolu 86(2)(a) ta' dak ir-Regolament, l-Ekwador għandu jkun intitolat għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2016 sat-30 ta' April 2016 biex juża l-materjali li joriġinaw fil-Kolombja, fil-Perù, fil-Kosta Rika, f'El Salvador, fil-Gwatemala, fl-Honduras, fin-Nikaragwa jew fil-Panama ħalli jipproduċi t-tonn u l-palamit preparati jew priżervati u kklassifikati fis-subintestatura HS 1604 14 u tat-tonn, il-palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, preparat jew priżervat, tas-subintestatura NM 1604 20 70.

Il-prova tal-oriġini tal-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titfassal skont l-Artikolu 97 l tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

2.   Għall-fini tal-akkumulazzjoni msemmija fl-Artikolu 55(1)(b) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 u b'deroga mill-Artikolu 55(2)(a) ta' dak ir-Regolament, l-Ekwador għandu jkun intitolat għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016 biex juża l-materjali li joriġinaw fil-Kolombja, fil-Perù, fil-Kosta Rika, f'El Salvador, fil-Gwatemala, fl-Honduras, fin-Nikaragwa jew fil-Panama ħalli jipproduċi t-tonn u l-palamit preparati jew priżervati u kklassifikati fis-subintestatura HS 1604 14 u tat-tonn, il-palamit jew ħut ieħor tal-ġeneru Euthynnus, preparat jew priżervat, tas-subintestatura NM 1604 20 70.

Il-prova tal-oriġini tal-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha titfassal skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Ekwador talbu biex tinħareġ il-Formola A taċ-ċertifikat tal-oriġini għax il-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu joqogħdu wkoll fuq ċertifikat ta' moviment EUR 1 maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kolombja, tal-Perù, tal-Kosta Rika, ta' El Salvador, tal-Gwatemala, tal-Honduras, tan-Nikaragwa jew tal-Panama skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, jew tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra, rispettivament.

4.   L-Ekwador għandu jiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni mal-Kolombja, mal-Perù, mal-Kosta Rika, ma' El Salvador, mal-Gwatemala, mal-Honduras, man-Nikaragwa jew mal-Panama fil-qasam tal-koperazzjoni amministrattiva.

5.   Għandu jiġi kkunsidrat li r-referenza għal “ċirkustanzi speċjali” tal-Artikolu 74(2)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 hi applikabbli għall-prodotti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li għalihom ma nħarġet l-ebda Formola A taċ-ċertifikat tal-oriġini waqt l-esportazzjoni.

Artikolu 2

Sal-31 ta' Jannar 2017, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ekwador għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet u l-valuri li għalihom inħarġu Formoli A taċ-ċertifikati tal-oriġini għall-finijiet tad-deroga msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 1, u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1384/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador (ĠU L 372, 30.12.2014, p. 5).

(3)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558)

(8)  ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.