21.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/75


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1871

tat-28 ta' Settembru 2016

indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Dublin”) ġie sospiż mill-Istati Membri sa mill-2011, wara żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE) (2), li identifikaw nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-ażil Griega, li rriżultaw fi ksur tad-drittjiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali trasferiti minn Stati Membri oħra għall-Greċja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (3).

(2)

Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ilu jsegwi s-sitwazzjoni fil-Greċja minħabba li s-sentenza M.S.S vs il-Belġju u l-Greċja ngħatat mill-QEDB fl-2011 abbażi ta' rapporti tal-progress li l-Greċja hija mitluba tissottometti bħala evidenza tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u abbażi tal-evidenza minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR), li joperaw fil-Greċja.

(3)

B'riżultat tas-sentenza M.S.S, il-Greċja impenjat ruħha li tirriforma s-sistema ta' ażil tagħha abbażi ta' Pjan ta' Azzjoni nazzjonali dwar ir-Riforma tal-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni ppreżentat f'Awwissu 2010 u rivedut f'Jannar 2013 (minn hawn 'il quddiem “il-Pjan ta' Azzjoni Grieg”). Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Greċja ppreżentat Pjan Direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni u ż-żoni kritiċi lill-Kunsill, li jiddeskrivi wkoll fil-qosor ċerti azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet pendenti li dwarhom kien hemm qbil fl-oqsma tal-ażil u l-akkoljenza.

(4)

Fl-istess ħin, il-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni tkompli tpoġġi pressjoni fuq is-sistemi Griegi tal-ażil u l-migrazzjoni bħala l-pajjiż ewlieni tal-ewwel dħul mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran. Bejn Jannar u t-12 ta' Settembru 2016, 165 202 migranti waslu b'mod irregolari fil-Greċja (4). Anke jekk id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (5) wasslet għal tnaqqis sinifikanti fin-numru ta' wasliet ta' kuljum lejn il-Greċja mit-Turkija (6), din poġġiet ukoll responsabbiltajiet ġodda fuq l-awtoritajiet Griegi. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fil-Greċja nbidlet b'mod sinifikanti wara l-għeluq de facto tar-rotta tal-Balkani tal-Punent, li tipprevjeni li ċittadini ta' pajjiżi terzi jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. B'riżultat ta' dan, 60 528 ċittadin ta' pajjiżi terzi li waslu b'mod irregolari nqabdu fil-Greċja (7). Fl-istess ħin, l-iskemi ta' rilokazzjoni għadhom ma ġewx implimentati b'mod sħiħ mill-Istati Membri kollha u taffew biss parzjalment il-pressjoni li l-Greċja qed tiffaċċja (8).

(5)

Fl-10 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni indirizzat l-ewwel Rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja minħabba t-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin, minn hawn 'il quddiem “l-ewwel Rakkomandazzjoni” (9). Fil-15 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni indirizzat it-tieni Rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja minħabba t-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin, minn hawn 'il quddiem “it-tieni Rakkomandazzjoni” (10). Ir-Rakkomandazzjonijiet ikkonkludew li s-sitwazzjoni fil-Greċja għadha teħtieġ titjib konsiderevoli qabel ma tkun tista' ssir valutazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jissoktaw it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin.

(6)

Fl-14 ta' Lulju 2016, il-Kummissjoni rċeviet mingħand il-Greċja ħarsa ġenerali lejn il-qagħda tal-applikanti għall-ażil fil-Greċja u l-progress li sar dwar il-kwistjonijiet pendenti identifikati fit-tieni Rakkomandazzjoni.

(7)

L-awtoritajiet Griegi rċevew 28 752 applikazzjonijiet għall-ażil imressqa mill-1 ta' Jannar sat-18 ta' Settembru 2016. Fl-1 ta' Settembru 2016, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li ntemm b'suċċess l-hekk imsejjaħ eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni, li beda fit-8 ta' Ġunju 2016 (11). L-għan ta' dan l-eżerċizzju kien li jiġu rreġistrati dawk iċ-ċittadini irregolari ta' pajjiżi terzi li jkunu waslu fil-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 li riedu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali iżda li kienu għadhom ma ġewx mgħoddija fi proċedura ta' ażil mill-awtoritajiet Griegi. Skont l-informazzjoni disponibbli (12), l-awtoritajiet Griegi prereġistraw 27 592 persuna fiż-żoni kontinentali matul Ġunju u Lulju 2016 bħala applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom għad trid tiġi ppreżentata. Mill-1 ta' Settembru 2016, il-proċess ta' tressiq ta' dawn l-applikazzjonijiet beda. 15 253 persuna oħra ġew prereġistrati fil-gżejjer mill-20 ta' Marzu sat-18 ta' Settembru 2016, li minnhom 6 298 issa ppreżentaw applikazzjoni għall-ażil.

(8)

Permezz ta' ittra tad-19 ta' Settembru 2016, il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni dwar l-aħħar sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil fil-Greċja u dwar il-progress li għamlet biex tirriforma s-sistema tal-ażil tagħha. Il-Greċja esprimiet ukoll tħassib dwar il-prospett ta' possibbiltà ta' tkomplija tat-trasferiment skont is-sistema ta' Dublin, minħabba l-għadd attwali ta' migranti maqbuda fil-Greċja, li ħafna minnhom issa ġew mgħoddija fi proċedura ta' ażil, u l-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Il-Greċja bl-istess mod enfasizzat li l-għadd ta' rilokazzjonijiet mill-Greċja għal Stati Membri oħra jibqa' sew taħt il-livell previst fid-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni.

(9)

Il-Kummissjoni nnotat it-titjib li għamlet il-Greċja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u wħud mill-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza riformulati tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) ġew trasposti. Liġi ġdida (il-Liġi 4375/2016) ġiet adottata mill-Parlament Grieg fit-3 ta' April 2016, iżda mhux id-dispożizzjonijiet kollha daħlu fis-seħħ (15). Fit-22 ta' Ġunju 2016, il-Parlament approva emenda għal-Liġi Nru 4375/2016 li, fost oħrajn, timmodifika l-kompożizzjoni tal-Kumitati tal-Appelli u d-dritt ta' dawk li jfittxu ażil għal seduta orali mressqa quddiemhom (Liġi 4399/2016) (16). Fil-31 ta' Awwissu 2016, il-Parlament Grieg adotta wkoll liġi rigward it-tfal refuġjati tal-età tal-iskola residenti fil-Greċja (Liġi 4415/2016) (17).

(10)

Wara l-adozzjoni taż-żewġ Rakkomandazzjonijiet, il-Greċja żiedet b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' akkoljenza ġenerali tagħha kemm għal migranti irregolari kif ukoll għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-informazzjoni rilaxxata ta' kuljum mill-awtoritajiet Griegi fl-14 ta' Settembru 2016, hemm 62 987 post disponibbli f'faċilitajiet ta' akkoljenza temporanja kemm għal migranti irregolari kif ukoll għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja (18). Fl-14 ta' Lulju 2016, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li tinsab “f'pożizzjoni li tipprovdi l-kenn, l-ikel u s-servizzi bażiċi kollha lill-maġġoranza l-kbira ta' migranti irregolari u applikanti għall-ażil maqbuda fil-Greċja” u li hija impenjata biex “tipprovdi standard ta' għajxien xieraq għall-popolazzjoni kollha ta' refuġjati”.

(11)

Barra minn hekk, il-Greċja pprovdiet ukoll informazzjoni fl-14 ta' Lulju dwar il-pjan biex tiżdied akkomodazzjoni għal applikanti vulnerabbli, b'mod partikolari għal vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. L-intenzjoni kienet li jiġu stabbiliti 700 post ieħor sa tmiem is-sajf, flimkien mas-622 post li kien hemm f'Lulju, kif ukoll li jintużaw spazji separati fis-siti attwali bl-għajnuna tal-appoġġ finanzjarju tal-UE sakemm siti ġodda għal minorenni mhux akkumpanjati jiġu identifikati. Madankollu, dan l-objettiv ma ntlaħaqx: fid-19 ta' Settembru 2016, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li 891 post huma disponibbli f'postijiet ta' kenn għal minorenni mhux akkumpanjati. Dawn il-faċilitajiet bħalissa huma mimlija u hemm lista ta' stennija għal 1 487 minorenni mhux akkumpanjat li jeħtieġu li jitqiegħdu f'faċilitajiet xierqa (19). Il-progress f'dan il-qasam huwa għalhekk bil-mod, u huwa ċar li l-Greċja teħtieġ tintensifika l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat li numru adegwat ta' faċilitajiet ta' akkoljenza għal minorenni mhux akkumpanjati jkunu f'posthom u jindirizzaw it-talba għal dan it-tip ta' akkomodazzjoni.

(12)

Barra minn hekk, hemm sfidi serji fir-rigward ta' wasliet ġodda fil-gżejjer tal-Eġew. Il-massimu tal-kapaċità ta' akkoljenza jibqa' 7 450 filwaqt li l-għadd totali ta' migranti reġistrati fil-gżejjer kien 13 863 fis-27 ta' Settembru 2016. It-tnaqqis — għalkemm kontinwu — tar-rata ta' wasliet ġodda jwassal għal tħassib dwar sikurezza, sigurtà u iġjene, kif ukoll kundizzjonijiet mhux xierqa għal gruppi vulnerabbli.

(13)

Barra minn hekk, il-parti l-kbira tal-faċilitajiet fil-Greċja huma biss temporanji u xi wħud minnhom jipprovdu biss il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza l-aktar bażiċi għal dawk li huma milqugħa, bħal ikel, ilma, sanità u kura medika bażika. Filwaqt li dan jista' jkun biżżejjed għal perjodu qasir ħafna sakemm l-individwi jkunu jistgħu jiġu trasferiti lejn faċilitajiet aħjar, il-kundizzjonijiet fi wħud mill-faċilitajiet għadhom 'il bogħod milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2013/33/UE dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

(14)

F'Jannar 2016, ġie ffirmat Ftehim ta' Delega għal total ta' EUR 80 miljun bejn il-Kummissjoni u l-UNHCR sabiex jiġu stabbiliti 20 000 post ta' akkomodazzjoni miftuħa (skemi ta' kiri ta' appartamenti, kupuni għal lukandi u programmi ta' familji ospitanti) primarjament għall-benefiċċju ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkunu eliġibbli għal rilokazzjoni (20). Il-Ftehim ta' Delega ġie rivedut f'Lulju 2016 sabiex jinkludi fl-iskema ta' akkomodazzjoni wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti postijiet f'siti ta' rilokazzjoni immaniġġjati mill-UNHCR, u li ssir aktar ċara fit-test li l-grupp fil-mira tal-iskema tal-akkomodazzjoni jinkludi mhux biss il-kandidati għar-rilokazzjoni iżda wkoll dawk li jfittxu l-ażil. Minn Ġunju, il-postijiet ta' akkomodazzjoni disponibbli żdiedu b'mod sinifikanti (b'madwar 5 600). Mill-20 000 post allokati għal applikanti eliġibbli għal rilokazzjoni taħt l-iskema tal-kiri mill-UNHCR f'Diċembru 2015, sad-19 ta' Settembru, 12 045 post kienu disponibbli, inklużi 3 404 postijiet f'lukandi/bini sħiħ, 6 559 post f'appartamenti, 385 post f'familji ospitanti, u 507 postijiet f'faċilitajiet dedikati għal minorenni mhux akkumpanjati (21).

(15)

Minn dan ta' hawn fuq isegwi li l-Greċja għad trid tagħmel progress fl-istabbiliment ta' kapaċità permanenti ta' akkoljenza miftuħa suffiċjenti, adegwata u ddedikata għal applikanti għall-ażil li jkun ta' standard xieraq. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Greċja fl-ittra tal-25 ta' Awwissu, it-total tal-kapaċità ppjanata ta' 39 sit permanenti fil-Greċja kontinentali huwa stmat għal madwar 32 700 post. Fl-ittra tad-19 ta' Settembru, il-Greċja sostniet li dawn is-siti l-ġodda li jissodisfaw kundizzjonijiet tal-għajxien dinjitużi skont l-istandards tal-UE ġew identifikati u se jiġu rinnovati kompletament. Huwa importanti ħafna li dawn il-pjanijiet jiġu implimentati b'mod effettiv bħala kwistjoni ta' urġenza, u billi xi faċilitajiet temporanji se jinbidlu f'permanenti, tiġi żgurata wkoll kapaċità suffiċjenti f'termini ta' faċilitajiet temporanji biex takkomoda kull nuqqas fil-kapaċità li jirriżulta minn dħul mhux mistenni. Barra minn hekk, kif kien mitlub fit-tieni Rakkomandazzjoni, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jipprovdu informazzjoni aktar preċiża dwar il-kapaċità ta' akkoljenza kif ukoll valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u aġġornata kontinwament f'termini ta' kapaċità ta' akkoljenza totali u n-natura ta' din il-kapaċità.

(16)

Ġie nnutat titjib sostanzjali għat-twaqqif ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil. Il-liġi tal-Greċja tipprevedi l-istabbiliment ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil fir-reġjuni ta' Attica, Salonika, Traċja, Epirus, Tessalija, il-Greċja tal-Punent, Kreta, Lesvos, Chios, Samos, Leros u Rodi (22). B'deċiżjoni tad-Direttur tas-Servizz tal-Ażil huwa wkoll possibbli li jitwaqqfu Unitajiet Awtonomi tal-Ażil sabiex ikopru ż-żieda fil-ħtiġijiet tas-Servizz tal-Ażil. Sa issa tmien Uffiċċji Reġjonali bdew joperaw fir-reġjuni ta' Attica, Traċja, Salonika, Lesvos, Samos u Rodi. Barra minn hekk, ġew stabbiliti żewġ unitajiet addizzjonali ta' ażil f'Chios u Kos, u b'hekk l-għadd totali ta' unitajiet ta' ażil żdied għal ħamsa. Kif tistipula l-liġi, tliet Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil għandhom isiru operattivi fiż-żona ta' Kos, Epirus (Ioannina), Kreta (Heraklio) u Tessalja (Volos). Barra minn hekk, l-Unità tal-Ażil fil-Greċja tal-Punent (Patras) huwa meħtieġ li jiġi aġġornat bħala Uffiċċju Reġjonali għall-Ażil. Ġiet ukoll stabbilita Unità ta' Riallokazzjoni f'Alimos u bdiet topera mis-26 ta' Settembru 2016.

(17)

Fir-rapporti tagħhom, l-awtoritajiet Griegi għarrfu wkoll lill-Kummissjoni li kienu fil-proċess li jirreklutaw aktar persunal għas-Servizz tal-Ażil biex tiżdied il-kapaċità tiegħu tal-ipproċessar. Skont l-informazzjoni mogħtija fl-14 ta' Lulju 2016, kien hemm 350 membru tal-persunal jaħdmu fis-Servizz tal-Ażil f'dak il-mument, li kien id-doppju tal-2015. Terz tal-persunal huwa b'kuntratt fiss, iffinanzjat minn diversi sorsi ta' finanzjament tal-UE u taż-ŻEE. Il-Parlament Grieg approva 300 post ieħor għal membri permanenti tal-persunal li għandhom jiġu impjegati matul ix-xhur li ġejjin. Dan minbarra l-persunal impjegat għal żmien fiss mill-UNHCR u l-esperti tal-Istati Membri mibgħuta permezz tal-EASO lis-Servizz tal-Ażil Grieg għal perjodu fiss.

(18)

Sabiex jittratta l-applikazzjonijiet għall-ażil ippreżentati minn persuni ġodda prereġistrati li jfittxu l-ażil, is-Servizz tal-Ażil qed jippjana li jirrekluta gradwalment minn nofs Settembru sa nofs Novembru 177 membru tal-persunal ġdid biex tiżdied il-kapaċità ta' riċeviment u pproċessar skont dan: 56 uffiċjal se jirreġistraw applikanti eliġibbli għal rilokazzjoni, 25 uffiċjal se jirreġistraw l-applikazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin, 7 uffiċjali se jittrattaw każijiet manifestament bla bażi bi proċedura aċċellerata, 60 uffiċjal se jirreġistraw u jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali taħt il-proċedura regolari, u 29 uffiċjal se jintużaw għal diversi funzjonijiet ta' natura amministrattiva u statistika.

(19)

Minħabba ż-żieda qawwija ħafna fin-numru ta' dawk li jfittxu l-ażil mgħoddija fi proċedura ta' ażil fil-Greċja, huwa ċar li n-numru attwali u ppjanat tal-livelli tal-persunal tas-Servizz tal-Ażil għadhom 'il bogħod milli jissodisfaw dak li huwa meħtieġ sabiex jipproċessaw l-ammont ta' każijiet kurrenti u futuri b'mod adegwat, b'mod partikolari billi l-Greċja indikat f'Lulju li l-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati jistgħu jdumu sa tliet snin. L-awtoritajiet Griegi ddikjaraw fl-ittra tal-14 ta' Lulju 2016 li espansjoni aktar rapida tal-persunal mhuwiex fattibbli minħabba n-nuqqas ta' persunal ta' livell għoli biex iħarrġu, jiggwidaw u jissorveljaw il-persunal ġdid reklutat. Madanakollu, ikun importanti li s-Servizz tal-Ażil jissaħħaħ aktar b'għadd sostanzjali ta' aktar persunal u riżorsi materjali sabiex ikun kapaċi jipproċessa ż-żieda fl-applikazzjonijiet għall-ażil. Għal dan l-għan, għandha ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u aġġornata kontinwament li tqis l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li bħalissa huma pendenti u li x'aktarx jiġu pproċessati mis-Servizz tal-Ażil Grieg f'waqt wieħed u n-numru ta' persunal disponibbli meħtieġ jew x'aktarx li jkun meħtieġ biex jiġu pproċessati dawk l-applikazzjonijiet. Dan mhux biss se jippermetti li jiġu stmati r-riżorsi umani meħtieġa għas-Servizz tal-Ażil iżda wkoll biex jippermetti l-evalwazzjoni ta' kif il-Kummissjoni, l-Aġenziji tagħha u l-Istati Membri jistgħu jgħinu bl-aħjar mod lill-Greċja sabiex tlaħħaq ma' dawn l-applikazzjonijiet f'limitu ta' żmien iqsar

(20)

Skont is-sentenza M.S.S, dawk li jfittxu l-ażil għandu jkollhom aċċess għal rimedju effettiv kontra deċiżjoni negattiva dwar it-talba tagħhom. Sar progress importanti f'dan ir-rigward. L-Awtorità tal-Appelli u l-Kumitati tal-Appelli ġew stabbiliti bil-liġi 4375/2016 adottata f'April 2016. Numru xieraq ta' Kumitati tal-Appelli għandhom jiġu stabbiliti biex jippermettu li l-Awtorità tal-Appelli tkun qed tiffunzjona bis-sħiħ sa tmiem l-2016.

(21)

Il-Liġi 4399/2016 li ġiet adottata reċentement tistabbilixxi Kumitati tal-Appelli ġodda. Huma responsabbli biex jeżaminaw kull appell kontra deċiżjonijiet tas-Servizz tal-Ażil Grieg imressaq mill-24 ta' Ġunju 2016 'il quddiem. Bħala prijorità, il-Kumitati tal-Appelli għandhom jiffokaw primarjament fuq każijiet imressqa fil-gżejjer Griegi, sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Il-Kumitati għall-Appelli l-ġodda ħarġu l-ewwel deċiżjonijiet tagħhom f'nofs Awwissu. Bħalissa hemm ħamsa minnhom. Il-Liġi Nru 4399/2016 emendat ukoll l-istruttura ta' dawn il-Kumitati li issa huma magħmula minn tliet membri: żewġ imħallfin tal-Qorti Amministrattiva u ċittadin Grieg wieħed bi sfond u esperjenza rilevanti li se jkunu ppreżentati mill-UNHCR jew il-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(22)

Il-Kumitati tal-Appelli “Pendenti” li ġew stabbiliti sabiex jinstemgħu l-appelli għall-ażil pendenti mill-Greċja fil-bidu kien mogħti mandat addizzjonali biex jisimgħu, minbarra dawk l-appelli sostantivi ibbażati fuq deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, l-appelli kontra deċiżjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta' ammissibilità bħala parti mid-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Il-ħolqien ta' Kumitati tal-Appelli addizzjonali f'Ġunju għandhom inaqqsu l-piż minn fuq 20 Kumitat tal-Appelli “Pendenti” li jippermettulhom iħaffu l-pass tal-proċeduri ta' kawżi ta' appell pendenti.

(23)

Sar aktar progress dwar it-talbiet pendenti fit-tul ta' appelli skont il-“proċedura l-antika” rregolata mid-Digriet Presidenzjali 114/2010. It-talbiet pendenti bħalissa jammontaw għal madwar 8 075 każ fil-21 ta' Settembru 2016 (minn total ta' madwar 51 000 każ li ġew ikkunsidrati bħala parti mit-talbiet pendenti fil-bidu tal-2013 u madwar 13 975 każ f'Ġunju 2016). Skont il-Liġi Griega 4375/2016, l-awtoritajiet Griegi taw permessi għal skopijiet umanitarji lil persuni li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil kienet ilha pendenti għal żmien konsiderevoli u li kienu eliġibbli li jiksbu permessi ta' residenza fuq bażi umanitarja jew raġunijiet eċċezzjonali oħra. Il-permessi ta' residenza jinħarġu għal perjodu ta' sentejn u jistgħu jiġġeddu (23). Dawn jipprovdu lill-benefiċjarji l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk mogħtija status ta' protezzjoni sussidjarja fil-Greċja (24), u dawn il-persuni ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala applikanti għall-ażil. Uħud mill-appelli pendenti huma, madankollu, eżaminati fis-sustanza tagħhom. Minkejja l-progress sinifikanti li għamlet il-Greċja mill-ewwel Rakkomandazzjoni, għandha tkompli tagħmel sforzi biex tittratta l-appelli ta' talbiet pendenti f'dan ir-rigward, u tiżgura li l-applikanti b'appell pendenti jkollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

(24)

Minħabba ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' applikazzjonijiet li saru fil-Greċja sa mill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, Awtorità tal-Appelli b'għadd sħiħ ta' persunal, li jkollha l-kapaċità li tittratta żieda sinifikanti mistennija fin-numri ta' appelli, hija iktar u iktar essenzjali. Hija meħtieġa valutazzjoni kontinwa li titwettaq ukoll fuq il-bażi tan-numru ta' appelli li bħalissa huma pendenti quddiem id-diversi korpi ta' appell u li x'aktarx ikunu qed jieħdu ħsieb tagħhom.

(25)

Fil-liġi l-ġdida (il-Liġi 4375/2016) ġie inkluż l-għoti ta' għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti fl-istadju tal-appell. Madankollu, il-miżuri kollha li jimplimentaw din il-liġi fil-prattika għadhom ma ttiħdux. Deċiżjoni Ministerjali li timplimenta d-dispożizzjoni dwar l-għajnuna legali skont il-liġi 4375/2016 ġiet adottata fid-9 ta' Settembru 2016, u skont l-awtoritajiet Griegi wara l-ħruġ tad-deċiżjoni l-passi kollha meħtieġa għandhom jittieħdu malajr biex tingħata għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti kollha fl-istadju tal-appell fil-Greċja. Il-finanzjament għall-implimentazzjoni ta' assistenza legali bla ħlas kien garantit permezz tal-programmi nazzjonali tagħhom skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF). Barra minn hekk, ingħata ftehim ta' għotja lill-UNHCR skont is-sistema ta' finanzjament għal għajnuna ta' emerġenza AMIF għall-ammont totali ta' EUR 30 miljun (25). Fost affarijiet oħra, dan il-finanzjament qed jintuża mill-UNHCR biex jipprovdi għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fi stadju ta' appell sal-bidu tal-2017 meta l-awtoritajiet Griegi huma mistennija li jimplimentaw l-iskema tagħhom ta' għajnuna legali bla ħlas. Fid-19 ta' Settembru, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li r-roster tal-avukati li għandu jinżamm mis-Servizz tal-Ażil se jiġi stabbilit sal-bidu tal-2017. Il-Greċja għandha tieħu l-passi meħtieġa biex mingħajr dewmien tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas fil-proċedura tal-ażil.

(26)

Il-Liġi l-ġdida 4375/2016 tipprevedi Direttorat ġdid għall-Akkoljenza u Direttorat għall-Integrazzjoni Soċjali li t-tnejn li huma jinkludu dipartimenti speċjalizzati għall-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva, inkluż il-provvediment ta' rappreżentant legali. Minkejja dan, il-miżuri ta' implimentazzjoni għad iridu jiġu adottati mill-awtoritajiet Griegi biex jiġi żgurat li garanziji proċedurali xierqa u kundizzjonijiet ta' akkoljenza jiġu pprovduti fil-prattika lil minorenni mhux akkumpanjati. Filwaqt li diġà ġiet adottata Deċiżjoni Ministerjali li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-età tal-minorenni mhux akkumpanjati li qed ifittxu l-ażil mill-Gvern Grieg (26), għad irid jiġi adottat Digriet Presidenzjali addizzjonali li għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal sistema effiċjenti ta' kurazija.

(27)

L-NGOs esprimew tħassib dwar il-fatt li ħafna tfal fil-Greċja ma jistax ikollhom aċċess għal edukazzjoni. Il-progress f'dan ir-rigward sar permezz tal-adozzjoni tal-Liġi 4415/2016 f'Awwissu 2016 li għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tiżgura appoġġ psikosoċjali u edukazzjoni għat-tfal ta' dawk li jfittxu l-ażil, kif ukoll integrazzjoni bla xkiel fis-sistema edukattiva Griega ta' dawk li se jibqgħu fil-Greċja, wara perjodu tranżitorju ta' tħejjija. Huwa essenzjali li dan il-qafas legali jkun implimentat effettivament u bis-sħiħ bħala kwistjoni ta' urġenza. Barra minn hekk, skont ċerti NGOs, is-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati hija ġeneralment prekarja, bi wħud jgħidu li t-tfal għadhom ikunu detenuti għal perjodi twal f'kundizzjonijiet iffullati u mhux iġeniċi mingħajr rappreżentant jew aċċess għal għajnuna legali, sakemm tinstab akkomodazzjoni adatta għalihom (27). Kif iddikjarat fil-Premessa 11, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni xierqa għat-tfal hija problema importanti li għad trid tiġi rimedjati b'mod urġenti.

(28)

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet finanzjament sostanzjali lill-Greċja biex tappoġġa lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex is-sistema tal-ġestjoni tal-ażil tkun skont l-istandards tal-UE. Mill-bidu tal-2015, ingħataw iktar minn EUR 352 miljun f'assistenza ta' emerġenza permezz ta' Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)) lill-Greċja, jew direttament lill-awtoritajiet Griegi inkella permezz ta' Aġenziji tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fil-Greċja. Minn dan l-ammont, madwar EUR 90 miljun ġew mogħtija direttament mill-awtoritajiet Griegi f'Lulju 2016 biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u biex jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa primarja f'ċentri ta' akkomodazzjoni għar-refuġjati, kif ukoll li jagħtu akkoljenza u servizzi tal-kura tas-saħħa lill-migranti. Finanzjament sostanzjali (madwar EUR 198 miljun) immirati biex ikopru l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi tal-migranti u tar-refuġjati qed jiġi pprovdut ukoll lil organizzazzjonijiet umanitarji sħab permezz tal-Istrument ta' Appoġġ ta' Emerġenza li nħoloq reċentement. Dan il-finanzjament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' reazzjoni għal emerġenzi żviluppat flimkien mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet Griegi u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja fil-post u l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija.

(29)

Din l-assistenza ta' emerġenza hija apparti mill-EUR 509 miljun allokati lill-Greċja għall-perjodu 2014-2020 permezz tal-programmi nazzjonali tagħha skont il-Fondi AMIF u ISF, biex b'hekk il-Greċja tkun l-ewwel benefiċjarju ta' fondi tal-Affarijiet Interni tal-UE fost l-Istati Membri tal-UE.

(30)

Il-Greċja għandha tiżgura li dawn ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod sħiħ bl-aktar mod effiċjenti u effettiv u mingħajr aktar dewmien. Għal dan l-għan, ir-reviżjoni li għaddejja tal-programmi nazzjonali tal-Greċja skont il-Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF, FSI) biex jiġu aġġustati skont il-prijoritajiet il-ġodda għandha titlesta b'urġenza. Ir-reviżjoni tal-programm nazzjonali tal-AMIF huwa kważi lest, bi ftit kwistjonijiet pendenti li għad iridu jiġu indirizzati qabel il-proċess ta' approvazzjoni, li mistenni li jitnieda fil-futur qrib ħafna. Fir-rigward tar-reviżjoni FSI għall-Programm Nazzjonali, li huwa inqas avvanzat, verżjoni riveduta tal-programm għandha tintbagħat lill-Kummissjoni b'mod urġenti għal konsultazzjoni formali. Fir-rigward tal-awtorità responsabbli għall-ġestjoni ta' dawn il-fondi, li ġiet trasferita mill-Ministeru għall-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva lill-Ministeru tal-Ekonomija, l-Iżvilupp u t-Turiżmu, il-Greċja issa għandha tinnotifika, mingħajr dewmien ulterjuri, it-tlestija tal-ħatra formali tal-Awtorità Responsabbli l-ġdida, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-bażi legali.

(31)

Kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 dwar “Lura lejn Schengen” (28), l-iżgurar ta' Sistema ta' Dublin li tiffunzjona bis-sħiħ, huwa element indispensabbli tal-isforzi usa' meħtieġa biex il-politika tal-Ażil, il-migrazzjoni u l-fruntieri tiġi stabilizzata. Dawn l-isforzi għandhom iwasslu biex iż-żona Schengen terġa' tibda topera b'mod normali. Għalhekk huwa importanti li l-Greċja tieħu b'urġenza l-azzjonijiet pendenti identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, ir-riforma tar-regoli ta' Dublin kif proposta mill-Kummissjoni (29), ibbażata fuq l-objettiv ta' solidarjetà u qsim ġust tal-piż bejn l-Istati Membri, għandha tkun prijorità. In-negozjati fuq din il-proposta għadhom għaddejjin.

(32)

Rappurtar regolari mill-Greċja dwar il-progress li qed isir fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet, kif ukoll elementi rilevanti oħra inkluż kwalunkwe rapport miksub mingħand l-UNCHR u organizzazzjonijiet rilevanti oħra, ikun essenzjali biex jagħmel valutazzjoni kif xieraq dwar jekk il-kundizzjonijiet humiex tali mod li jippermettu lil Stati Membri biex jerġgħu jibdew it-trasferimenti individwali lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin, filwaqt li jitqies li l-volum tat-trasferimenti u l-kategoriji ta' persuni li jiġu trasferiti għandhom jikkorrespondu mal-progress speċifiku li sar. Il-Greċja għandha tippreżenta rapport aġġornat sal-31 ta' Ottubru 2016 kif stipulat f'din ir-Rakkomandazzjoni.

(33)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress importanti li sar mill-Greċja, megħjuna mill-Kummissjoni, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO), l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi (NGOs), sabiex jitjieb il-funzjonament tas-sistema tal-ażil Griega wara l-adozzjoni taż-żewġ Rakkomandazzjonijiet. Il-Greċja għamlet sforzi sinifikanti biex jiġu stabbiliti strutturi istituzzjonali u ġuridiċi essenzjali ta' sistema ta' ażil li taħdem sew. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi b'mod partikolari li l-Greċja ħadet passi importanti biex twassal il-parti l-kbira tal-migranti irregolari jew għal ażil jew għall-proċedura għar-ritorn permezz tal-eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni. Il-Greċja żiedet il-kapaċità ta' akkoljenza kumplessiva u l-kapaċità tas-Servizz tal-Ażil, naqqset b'mod sinifikanti x-xogħol b'lura ta' appelli u stabbiliet Kumitati tal-Appelli ġodda kif ukoll adottat qafas legali dwar l-għajnuna legali mingħajr ħlas u dwar l-aċċess ta' minorenni għall-edukazzjoni pubblika.

(34)

Madankollu, il-Greċja għadha tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni diffiċli biex tittratta għadd kbir ta' applikanti għall-ażil ġodda, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni u t-tkomplija ta' wasliet ta' migranti irregolari, minkejja li f'livelli aktar baxxi milli kien qabel Marzu 2016. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu passi importanti oħra biex jiġu rimedjati d-defiċjenzi sistemiċi li fadal fis-sistema ta' ażil Griega, b'mod partikolari minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità. Abbażi tal-progress ulterjuri miksub, meta jerġgħu jibdew it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin għandu jittieħed kont tal-impatt li din l-isfida għandha fuq il-funzjonament kumplessiv tas-sistema tal-ażil, u għalhekk dawn għandhom jibdew b'mod gradwali, fuq bażi ta' każ b'każ. F'dan ir-rigward, għandu jiġi evitat li jitpoġġa piż insostenibbli fuq il-Greċja.

(35)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-miżuri li jridu jittieħdu jew ikunu sostnuti mill-awtoritajiet Griegi minħabba li tirrakkomanda li ftit ftit se jerġgħu jibdew it-trasferimenti ta' Dublin sa tmiem Diċembru 2016. Bil-ħsieb ta' dan l-għan, il-Greċja għandha minnufih tieħu l-passi kollha stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha tikkunsidra l-progress li sar f'dan ir-rigward u toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi ulterjuri f'Diċembru 2016. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu juru dak li l-Kummissjoni tqis li jkun l-ambitu u n-natura xierqa ta' bidu gradwali tat-trasferimenti ta' Dublin, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-ħtiġijiet speċifiċi ta' applikanti vulnerabbli, u filwaqt li tingħata attenzjoni għall-mod kif il-proċess jista' jitmexxa f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi.

(36)

Ir-responsabbiltà ta' teħid ta' deċiżjoni dwar li jerġgħu jibdew it-trasferimenti f'każijiet individwali taqa' esklussivament f'idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri taħt il-kontroll tal-qrati, li jistgħu jagħmlu referenzi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ta' Dublin.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza u l-faċilitajiet

(1)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-faċilitajiet ta' akkoljenza huma suffiċjenti biex jintlaqgħu l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha u li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza f'dawn il-faċilitajiet ta' akkoljenza jkunu jissodisfaw l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2013/33/UE. Bħala prijorità għolja, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

timplimenta b'mod sħiħ il-pjanijiet dwar il-faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa permanenti li huma kapaċi jilqgħu l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali li tirċievi jew li huwa probabbli li tirċievi, u d-dipendenti tagħhom, sakemm idum il-proċess tal-ażil;

(b)

toħloq post ta' akkomodazzjoni addizzjonali għal minorenni mhux akkumpanjati, sabiex tiżgura li l-minorenni mhux akkumpanjati li jfittxu l-ażil ikunu immedjatament imqiegħda f'akkomodazzjoni xierqa u ma jkunux miżmuma f'kundizzjonijiet substandard f'detenzjoni, u jiġi żgurat li dawk il-faċilitajiet ikunu sostnuti;

(c)

timplimenta b'mod effettiv il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-aċċess tal-minorenni għas-sistema edukattiva Statali għat-tul tal-proċedura tal-ażil;

(d)

tiżgura li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa, li għandha tinkludi, mill-inqas, kura ta' emerġenza u trattament essenzjali ta' mard u ta' disturbi mentali serji.

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura wkoll li, minbarra faċilitajiet permanenti, għadd xieraq ta' kapaċitajiet ta' akkoljenza miftuħa jinżammu disponibbli, jew li jistgħu jsiru disponibbli bi preavviż qasir, biex jakkomodaw dħul mhux mistenni ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u d-dipendenti tagħhom f'kundizzjonijiet adegwati.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jwettqu valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva skont il-kapaċità ta' akkoljenza totali meħtieġa, u n-natura ta' dik il-kapaċità, u jaġġornaw kontinwament din il-valutazzjoni fid-dawl ta' żviluppi ġodda. Jenħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jiżguraw ukoll ġestjoni kontinwa u effettiva u koordinazzjoni tal-faċilitajiet ta' akkoljenza kollha, inkluż il-hotspots, u jiżguraw li l-ministeri responsabbli jkollhom riżorsi adegwati għal dan l-għan.

Aċċess għal riżorsi u għal proċedura ta' ażil tal-ewwel istanza

(2)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli l-isforzi tagħha biex ikun żgurat li l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil b'mod partikolari billi:

(a)

tidentifika kemm-il membru tal-persunal tas-Servizz tal-Ażil aktarx huma meħtieġa għall-proċess tat-teħid ta' applikazzjonijiet għall-ażil fi ħdan l-iskadenza ta' sitt xhur speċifikat fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 2013/32/UE;

(b)

iżżid b'mod urġenti ir-reklutaġġ ta' persunal fis-servizz tal-Ażil sabiex ikunu jistgħu jiġu trattati malajr kemm jista' jkun b'mod effiċjenti u f'waqtu l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali;

(c)

tistabbilixxi Uffiċċju Reġjonali tal-Ażil addizzjonali fir-reġjun Leros u Kreta (Heraklio), Tessalja u Epirus (Volos u Ioannina) u ttejjeb l-unitajiet ta' Ażil attwalment operattivi f'Leros u l-Punent tal-Greċja (Patra) għal Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil kif tistipula l-liġi.

Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet imsemmija fil-punt (a) għandha tiġi aġġornata kontinwament u għandu jkun fiha tagħrif dwar l-għadd ta' persunal impjegat.

L-Awtorità tal-Appelli

(3)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli l-isforzi tagħha biex tiżgura li jkun disponibbli rimedju effettiv għall-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari billi tiżgura:

(a)

il-funzjonament sħiħ tal-Awtorità tal-Appelli l-ġdida billi jiġi stabbilit l-għadd xieraq ta' Kumitati tal-Appelli;

(b)

ir-riżorsi umani adegwati għall-Awtorità tal-Appelli u l-kumitati, sabiex ikunu jistgħu jittrattaw l-appelli pendenti kollha u dawk li x'aktarx ikun hemm fil-ġejjieni, inklużi l-appelli fi ħdan il-qafas tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija.

(c)

tikkonkludi t-talbiet kollha pendenti għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi li bħalissa huma pendenti mill-aktar fis possibbli u f'kull każ sa tmiem l-2016.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jidentifikaw, abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet sħiħa u kontinwa, l-għadd ta' Kumitati ta' Appelli taħt l-Awtorità tal-Appelli l-ġdida li huma meħtieġa biex jiġu eżaminati l-appelli kollha ppreżentati minn applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-għadd ta' riżorsi umani biex dawk il-Kumitati jkomplu joperaw mingħajr tfixkil.

Għajnuna legali

(4)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li l-qafas legali li jirrigwarda l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas ikun effettiv fil-prattika u li l-applikanti kollha għall-ażil jingħataw l-għajnuna legali meħtieġa għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

timplimenta b'mod effettiv id-Deċiżjoni Ministerjali għall-provvediment ta' servizzi ta' għajnuna legali bla ħlas;

(b)

tistabbilixxi malajr kuntratt għal reġistru ta' avukati li jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi lill-applikanti fl-istadju tal-appell fil-Greċja.

It-trattament ta' minorenni mhux akkumpanjati u persuni vulnerabbli matul il-proċedura tal-ażil

(5)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura t-twaqqif ta' strutturi xierqa għall-identifikazzjoni u t-trattament ta' applikanti vulnerabbli, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

tistabbilixxi b'urġenza proċedura xierqa ta' kurazija billi tadotta d-Digriet Presidenzjali meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 4375/2016;

(b)

tistabbilixxi u tirrekluta l-persunal neċessarju għad-Direttorat għall-Akkoljenza u d-Dipartiment għall-protezzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati sabiex jiġu pprovduti l-garanziji meħtieġa skont l-acquis dwar l-ażil għal traċċar tal-familja, u rappreżentanza legali;

(c)

tiżgura li l-proċeduri biex jiġu identifikati applikanti bi bżonnijiet proċedurali speċjali jiġu implimentati fil-prattika, sabiex dawn l-applikanti jiġu pprovduti b'appoġġ psikosoċjali meħtieġ, partikolarment fil-każ li setgħu kienu vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' sfruttar jew traffikar.

L-użu ta' finanzjament mill-UE skont il-programmi nazzjonali

(6)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li l-finanzjament sostanzjali mill-UE pprovdut jintuża kollu, partikolarment billi mingħajr aktar dewmien jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli skont il-programmi nazzjonali tal-AMIF u l-FSI u jiġi studjat finanzjament kumplimentari mill-Fondi Strutturali. F'dan il-kuntest, il-Greċja għandha b'mod urġenti tlesti r-reviżjoni attwali tal-programmi nazzjonali, biex taġġustahom b'mod aħjar għall-prijoritajiet il-ġodda, u tinnotifika mingħajr dewmien, it-tlestija tal-ħatra formali tal-Awtorità Responsabbli l-ġdida, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-bażi legali.

Ir-Rappurtar dwar l-Azzjonijiet Meħuda

(7)

Il-Greċja ntalbet tipprovdi, sa mhux aktar tard mil-31 ta' Ottubru 2016, rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-15 ta' Ġunju u l-10 ta' Frar 2016. B'mod partikolari, ir-rapporti għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni tan-nuqqasijiet pendenti identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kif l-awtoritajiet Griegi stabbilew, jew qed jippjanaw li jistabbilixxu r-riżorsi umani u materjali meħtieġa msemmija fil-paragrafi 1 sa 5 ta' din ir-rakkomandazzjoni. Dawn ir-rapporti għandhom jinkludu wkoll deskrizzjoni ta' valutazzjonijiet kontinwi tal-ħtiġijiet imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapaċità ta' akkoljenza totali attwali u permanenti u temporanja ppjanata biex jiġu akkomodati l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u n-natura ta' dik il-kapaċità;

(b)

l-għadd totali ta' applikazzjonijiet għall-ażil pendenti fl-ewwel istanza;

(c)

data komprensiva dwar l-appelli pendenti kollha, u deċiżjonijiet li ngħataw fit-tieni istanza, inklużi każijiet ta' ammissibbiltà, kemm mill-Kumitati tal-Appelli l-Ġodda kif ukoll il-Kumitati ta' Appelli Pendenti;

(d)

l-għadd totali ta' persunal attwali u ppjanat biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil irreġistrati mas-Servizz tal-Ażil u għad-Direttorat għall-Akkoljenza; u

(e)

l-għadd totali ta' impjegati attwali u ppjanat ta' persunal u l-għadd ta' Kumitati li permezz tal-Awtorità tal-Appelli bdew joperaw progressivament.

Magħmula fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(2)  M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja (nru 30696/09) u NS vs is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Affarijiet Interni C-411/10 u C-493/10.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1), (li ġie sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 604/2013).

(4)  Data tal-Frontex tat-12 ta' Settembru 2016.

(5)  Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija.

(6)  Ara r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/proposal-implementation-package/index_en.htm

(7)  http://www.media.gov.gr/index.php, aċċessat fis-27 ta' Settembru 2016.

(8)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, is-Sitt Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni, COM(2016) 636 final.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 — C(2016) 871 final.

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja sabiex jerġgħu jibdew it-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 — C(2016) 3805 final.

(11)  http://asylo.gov.gr/en/wp-content/uploads/2016/08/EN-01.08.2016-Press-Release-end-pre-registration.pdf.

(12)  http://asylo.gov.gr/en/wp-content/uploads/2016/08/Preregistration-data_template_5_EN_EXTERNAL.pdf.

(13)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(14)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(15)  “Il-Liġi 4375/2016 dwar l-Istruttura u l-Operat tas-Servizz tal-Ażil, l-Awtorità tal-Appelli u s-Servizz tal-Akkoljenza u l-Identifikazzjoni, l-istabbiliment ta' Segretarjat Ġenerali għall-Akkoljenza, it-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Griega tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) u dispożizzjonijiet oħrajn”, disponibbli fuq: http://www.hellenicparliament.gr/UserFiles/bcc26661-143b-4f2d-8916-0e0e66ba4c50/o-prosf-pap.pdf.

Atti ta' implimentazzjoni fil-forma ta' Deċiżjonijiet Ministerjali jew Koministerjali jeħtieġu li jiġu adottati sabiex l-awtoritajiet Griegi jkunu jistgħu jimplimentaw il-Liġi fl-intier tagħha.

(16)  http://www.asylumineurope.org/sites/default/files/resources/n_4399.2016.pdf.

(17)  https://www.alfavita.gr/sites/default/files/attachments/fek_ellinoglosi.pdf.

(18)  http://www.media.gov.gr/index.php.

http://rrse-smi.maps.arcgis.com/apps/MapSeries/index.html?appid=d5f377f7f6f2418b8ebadaae638df2e1.

Dawn il-faċilitajiet permanenti u temporanji ta' emerġenza jinsabu fuq il-Gżejjer tal-Eġew fiż-żoni kritiċi kif ukoll fil-Greċja kontinentali.

(19)  http://data.unhcr.org/mediterranean/country.php?id=83

(20)  Filwaqt li tingħata prijorità lill-applikanti eliġibbli għar-rilokazzjoni, l-attivitajiet se jagħtu vantaġġ lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkunu qed jistennew li jerġgħu jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom skont ir-Regolament ta' Dublin fi Stat Membru ieħor tal-UE u persuni li jfittxu l-ażil fil-Greċja, b'mod partikolari dawk li jkunu f'kategoriji vulnerabbli inklużi tfal mhux akkumpanjati jew separati, persuni b'diżabbiltà, anzjani, ġenituri waħedhom, dawk b'mard kroniku, nisa tqal eċċ.

(21)  http://data.unhcr.org/mediterranean/country.php?id=83

(22)  L-Artikolu 1(3) tal-Liġi 4375/2016.

(23)  L-Artikolu 22(3) tal-Liġi 4375/2016.

(24)  L-Artikolu 28 tad-Digriet Presidenzjali 114/2010.

(25)  Il-ftehim ta' għotja ġie ffirmat fil-15 ta' Lulju 2016.

(26)  Id-Deċiżjoni Ministerjali 1982/16.2.2016 (Gazzetta Uffiċjali, B' 335).

(27)  Human Rights Watch, “Why Are You Keeping Me Here?”, Settembru 2016 https://www.hrw.org/sites/default/files/report_pdf/greece0916_web.pdf.

(28)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, “Lura lejn Schengen — Pjan Direzzjonali”, COM(2016) 120 final, l-4 ta' Marzu 2016.

(29)  COM (2016)270 final.