5.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/90


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1943

tal-4 ta' Novembru 2016

skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu taż-żejt tal-paraffina biex jinkesal-bajd bil-għan li jikkontrolla d-daqs tal-popolazzjoni ta' għasafar li jbejtu

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-3 ta' Marzu 2016, ir-Renju Unit talab lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, jekk iż-żejt tal-paraffina użat biex jinkesal-bajd ta' għasafar li jbejtu bħall-wiżż u l-gawwi bil-għan li jikkontrolla d-daqs tal-popolazzjoni u jillimita l-possibbiltà tal-impatt tal-għasafar ma' inġenji tal-ajru f'ajrudromi u f'ajruporti u madwarhom huwiex prodott bijoċidali għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, il-prattika tat-tidlik tal-bajd biż-żejt iċċaħħad l-iżvilupp tal-embrijun mill-ossiġenu billi timblokka fiżikament il-pori fil-qxur tal-bajd, li jirriżulta f'asfissija tal-embrijun tal-għasfur.

(3)

Huwa importanti li jiġi kkunsidrat, l-ewwel nett, jekk iż-żejt tal-paraffina użat għat-tidlik tal-bajd biż-żejt jissodisfax id-definizzjoni ta' prodott bijoċidali kif previst fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(4)

Iż-żejt tal-paraffina jissodisfa l-kundizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(a) ta' dak ir-Regolament bħala “sustanza” jew bħala “taħlita” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(5)

Iż-żejt tal-paraffina huwa maħsub biex jikkontrolla d-daqs tal-popolazzjoni tal-għasafar li jbejtu, bħall-wiżż u l-gawwi li jissodisfaw id-definizzjoni ta' organiżmu ta' ħsara, stipulata fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ladarba jista' jkollhom effett detrimentali fuq l-annimali jew il-bnedmin.

(6)

L-informazzjoni fornuta tindika li ż-żejt tal-paraffina jintuża f'operazzjonijiet ta' tidlik tal-bajd biż-żejt bl-intenzjoni li jeqred, jiskoraġġixxi, irendi bla ħsara, jimpedixxi l-azzjoni ta', jew li jeżerċita b'mod ieħor effett ta' kontroll fuq organiżmi ta' ħsara.

(7)

Billi ż-żejt tal-paraffina jikkostitwixxi biss ostaklu ta' kuntatt fiżiku għall-kapaċitajiet respiratorju fl-organiżmu fil-mira u billi fl-ebda mument ma sseħħ ebda azzjoni kimika jew bijoloġika taż-żejt tal-paraffina, ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa maħsub sabiex jaġixxi b'mod kimiku fuq dak l-organiżmu.

(8)

Billi ż-żejt tal-paraffina jeżerċita effett ta' kontroll fuq l-organiżmi ta' ħsara li jiġi minn sempliċi azzjoni fiżika jew mekkanika, dan ma jissodisfax id-definizzjoni ta' prodott bijoċidali kif previst fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Iż-żejt tal-paraffina, meta jintuża biex jinkesal-bajd bil-għan li jikkontrolla d-daqs tal-popolazzjoni ta' għasafar li jbejtu, mhuwiex prodott bijoċidali għall-finijiet tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).