23.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/810

tat-23 ta' Jannar 2015

li tikkonċerna l-iskema tal-Għajnuna mill-Istat SA.20326 (2013/C) (ex 2012/NN) implimentata mill-Belġju

(notifikata bid-dokument C(2015) 130)

(It-testi bil-Franċiż u bl-Olandiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 108(2)(i) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli (2) u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROCEDURA

(1)

B'ittra datata s-7 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Belġjani li kienet se tniedi eżerċizzju ta' kontroll tal-iskema N 649/2005 — Miżuri ta' eżenzjoni parzjali tat-taxxa fuq is-salarju favur ir-R&Ż (minn hawn 'il quddiem “l-iskema”).

(2)

B'ittri datati s-7 ta' Ottubru 2011, it-2 ta' Frar 2012 u s-6 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni talbet għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-iskema. B'mod speċifiku talbet lill-awtoritajiet Belġjani biex jibgħatulha lista tal-kumpaniji li bbenefikaw minn għajnuna ta' iktar minn EUR 200 000 fl-2009 u fl-2010. L-awtoritajiet Belġjani wieġbu b'ittri datati s-17 ta' Novembru 2011, it-2 ta' Mejju u l-4 ta' Ġunju 2012 u t-23 ta' Mejju 2013.

(3)

Saret ukoll laqgħa bejn id-dipartiment tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Belġjani fit-13 ta' Ġunju 2013.

(4)

B'ittra datata l-4 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Belġju dwar id-deċiżjoni tagħha (minn hawn 'il quddiem “id-deċiżjoni tal-ftuħ”) (3) li tibda l-proċedura kif imniżżla fl-Artikolu 108(2) TFUE (minn hawn 'il quddiem “il-proċedura ta' investigazzjoni formali”).

(5)

L-awtoritajiet Belġjani ssottomettew il-kummenti u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet imqajma fid-deċiżjoni tal-ftuħ b'ittri datati t-3 ta' Marzu, l-1 ta' April, l-4 u s-27 ta' Lulju 2014. Huma pprovdew informazzjoni supplementari permezz ta' e-Mail fis-17 ta' Settembru, fis-17 ta' Ottubru u fil-21 ta' Novembru 2014. Sal-21 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex teżamina l-kompatibbiltà tal-iskema mas-suq intern.

(6)

Il-kumpanija D39S SPRL issottomettiet il-kummenti tagħha fid-9 ta' April 2014. B'ittra datata s-16 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Belġjani. Huma ma ssottomettew l-ebda kumment bħala tweġiba.

2.   DEFINIZZJONI TAL-MIŻURA

2.1.   Objettiv tal-miżura

(7)

L-iskema kienet approvata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 2941 finali tal-4 ta' Lulju 2006 (4) (minn hawn 'il quddiem “id-Deċiżjoni”).

(8)

L-iskema pprovdiet għat-tliet miżuri li ġejjin:

(a)

L-eżenzjoni għall-impjieg ta' riċerkaturi assenjati għal proġetti ta' riċerka mwettqa bi sħubija ma' universitajiet jew kulleġġi ta' edukazzjoni ogħla (minn hawn 'il quddiem “il-miżura 1”): eżenzjoni ta' 50 % mit-taxxa fuq is-salarju għal riċerkaturi assenjati għal proġetti ta' riċerka mwettqa skont ftehimiet ta' sħubija ma' universitajiet jew kulleġġi ta' edukazzjoni ogħla bbażati fiż-Żona Ekonomika Ewropea (5). Il-baġit allokat għall-miżura 1 kien ta' EUR 34 miljun.

(b)

L-eżenzjoni għall-impjieg ta' riċerkaturi li għandhom ċerti kwalifiki (minn hawn 'il quddiem “il-miżura 2”), eżenzjoni ta' 25 % mit-taxxa fuq is-salarju għal riċerkaturi li għandhom ċerti kwalifi xjentifiċi. (6) Il-baġit allokat għall-miżura 2 kien ta' EUR 62 miljun.

(c)

L-eżenzjoni għal Young Innovative Companies (minn hawn 'il quddiem “il-Miżura 3”), eżenzjoni ta' 50 % mit-taxxa fuq is-salarju għal kumpaniji li jikkwalifikaw bħala “Young Innovative Companies (7) u l-ħlas tas-salarji tal-persunal xjentifiku tagħhom. Il-baġit allokat għall-miżura 3 kien ta' EUR 20 miljun.

(9)

It-taxxa fuq is-salarju tinżamm mis-sors fuq is-salarji tal-impjegati minn dawk kollha li jimpjegaw u mħallsa lill-Istat. It-tliet miżuri li hemm referenza għalihom fil-premessa 8 jeżentaw il-kumpaniji kkonċernati milli jħallsu parti mit-taxxa fuq is-salarju miżmuma fuq is-salarji tar-riċerkaturi identifikati fil-premessa 8, il-punti (a) u (b) u l-persunal xjentifiku identifikat fil-premessa 8, il-punt (c).

(10)

Fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni qieset l-opinjoni li l-miżuri 1 u 2 kienu miżuri ġenerali li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(11)

Il-miżura 3 ma kinitx ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE iżda wara investigazzjoni nstab li kienet kumpatibbli mas-suq intern skont il-kriterji mfassla fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 (8).

(12)

L-Artikolu 5a tar-Regolament (KE) Nru 70/2001 jistabbilixxi regoli dwar għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-miżura 3 kienet ikklasifikata bħala għajnuna għal proġetti ta' R&Ż liema spejjeż eliġibbli kienu spejjeż ta' persunal fir-rigward persunal impjegat fuq proġett ta' riċerka (9). Il-limitu ta' intensità tal-għajnuna ta' 35 % kien il-limitu applikabbli għal proġetti ta' żvilupp prekompetittivi (10).

2.2.   Raġunijiet għall-bidu tal-proċeduri ta' investigazzjonijiet formali

(13)

L-eżerċizzju ta' skrinjar identifika xi rregolaritajiet fir-rigward kemm id-dispożizzjonijiet tal-liġi Belġjana li tistabbilixxi l-miżura 3 kif ukoll l-implimentazzjoni tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fid-dawl tal-fatturi li ġejjin:

(a)

il-Belġju naqas milli jadotta l-miżuri neċessarji biex iġib il-liġi tiegħu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali m'għandhom l-ebda referenza għall-kategoriji ta' riċerka mniżżla fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Ma kinux konformi sa Ġunju 2013 (11);

(b)

Il-Belġju naqas milli jemenda l-iskema biex iġibha f'konformità qabel l-1 ta' Jannar 2008 bil-miżuri xierqa proposti mill-Kummissjoni u aċċettati mill-Belġju (12);

(c)

Il-Belġju naqas milli jinnotifika l-Kummissjoni ta' kemm l-emenda jew l-estensjoni tal-iskema u għalhekk implimenta għajnuna illegali (13); u

(d)

matul l-eżerċizzju ta' skrinjar, il-Belġju naqas milli jipproduċi biżżejjed informazzjoni dwar l-għajnuna individwali mħallsa.

(14)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-kwistjoni tal-bażi legali applikabbli għall-analiżi tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mogħtija illegalment skont l-iskema. Hi kkonkludiet fil-premessa 40 li l-għajnuna għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-qafas tal-Komunità għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka, l-żvilupp u l-innovazzjoni (minn hawn 'il quddiem “il-qafas ta' R&Ż&I” (14))

3.   KUMMENTI MILL-AWTORITAJIET BELĠJANI

(15)

Matul l-eżerċizzju ta' skrinjar, l-awtoritajiet Belġjani rrikonoxxew li kienu naqsu milli jemendaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex tinkludi referenza għall-kategoriji ta' riċerka li hemm referenza għalihom fil-premessa 13(a), biex jinnotifikaw l-emendi għall-iskema (irid jiġi kkunsidrat li kienu saru fl-ispirtu tad-Deċiżjoni) u biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni li l-iskema ġiet estiża sa lil hinn mill-4 ta' Lulju 2011.

(16)

B'ittri datati t-3 ta' Marzu u l-1 ta' April 2014, l-awtoritajiet Belġjani bagħtu lista ta' kumpaniji li bbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq is-salarju bejn l-2006 u l-2013 (l-iktar dejta tat-taxxa riċenti disponibbli). B'kollox ibbenefikaw 231 kumpanija mill-iskema f'dan il-perjodu.

(17)

L-awtoritajiet Belġjani stqarrew ukoll fl-ittra tagħhom datata t-3 ta' Marzu 2014 li kienu qed iħarsu lejn il-kompatibbiltà tal-iskema mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (15) u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu dwar għajnuna għal proġetti ta' riċerka u żvilupp. L-awtoritajiet Belġjani ma infurmawx lill-Kummissjoni dwar l-eżitu ta' dan l-eżerċizzju.

4.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET TERZI

(18)

Il-kumpanija D39S, li hi ċentru ta' riċerka u żvilupp fis-settur tal-elettronika u t-telekomunikazzjonijiet, stqarret li l-eżenzjoni fuq it-taxxa fuq is-salarju pprovdiet appoġġ sinifikanti għal kumpaniji innovattivi żgħażagħ biex ikunu jistgħu jingaġġaw persunal addizzjonali. L-eżenzjoni ppermettiet iż-żieda fl-attività tagħha ta' riċerka u żvilupp filwaqt li tissodisfa f'ħin qasir id-domandi tas-suq.

5.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

5.1.   L-eżistenza ta' Għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(19)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-istat, fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(20)

Biex miżura nazzjonali tiġi kkwalifikata bħala għajnuna tal-Istat, il-kriterji kumulattivi li ġejjin iridu jiġu sodisfati: (i) il-miżura għandha tagħti vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarju; (ii) il-vantaġġ għandu joriġina mill-Istat; (iii) il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura għandha tkun ta' distorsjoni jew ta' theddida għall-kompetizzjoni biex x'aktarx taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

(21)

F'dan il-każ, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq is-salarju mogħtija lil Young Innovative Companies hija miżura tat-taxxa finanzjata minn riżorsi tal-Istat. Il-miżura hija disponibbli biss lil kumpaniji li jaqgħu fid-definizzjoni ta' Young Innovative Company, u bħala tali hi selettiva. Billi tgħin fil-finanzjament tal-ispejjeż tagħhom ta' riċerka u żvilupp, il-miżura tagħtihom vantaġġ ekonomiku. Fl-aħħar nett, hekk kif il-benefiċjarji joperaw minn swieq li huma miftuħin għal kummerċ intra-UE, il-miżura x'aktarx taffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn Stati Membri.

(22)

L-iskema kienet ikklassifikata bħala għajnuna tal-Istat fid-Deċiżjoni (16). Din il-klassifikazzjoni ma ġietx disputata mill-awtoritajiet Belġjani waqt l-eżerċizzju ta' skrinjar.

5.2.   Leġittimità tal-għajnuna

(23)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni sabet li fin-nuqqas li tinnotifika dwar iż-żieda fir-rata ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq is-salarju (minn 50 % sa 75 % skont l-Att ta' Irkupru Ekonomiku tas-27 ta' Marzu 2009 u minn 75 % sa 80 % skont l-Att tas-17 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonjiet tat-taxxa u finanzjarji u dispożizzjonijiet fuq l-iżvilupp sostenibbli), u li l-iskema ġiet estiża għal lil hinn mill-4 ta' Lulju 2011 (id-Deċiżjoni pprovdiet għal tul inizjali ta' ħames snin), il-Belġju kien implimenta għajnuna illegali. Il-Belġju ma kkontestax dan is-sejbien u waqt il-proċedura ta' investigazzjoni formali pprovda d-dejta dwar l-għajnuna rċevuta mill-benefiċjarji skont l-iskema li l-Kummissjoni kellha bżonn sabiex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

5.3.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern

(24)

Fil-premessa 40 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kompatibbiltà tal-iskema għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Qafas ta' R&Ż&I, filwaqt li tħalli miftuħa l-mistoqsija dwar liema taqsima kienet applikabbli: ir-regoli dwar l-għajnuna għal proġetti ta' R&Ż (il-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I) jew ir-regoli dwar l-għajnuna għal kumpaniji innovattivi żgħażagħ (il-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I), peress li kien jidher li l-iskema mmirat din il-kategorija speċifika ta' impriża.

5.3.1.   Metodoloġija

(25)

Kif imsemmi fil-premessa 16 hawn fuq, l-awtoritajiet Belġjani stqarrew li 231 kumpanija bbenefikaw mill-iskema matul il-perjodu ta' referenza. Analiżi tad-dejta żvelat l-elementi li ġejjin:

(a)

183 intrapriża rċevew għajnuna ta' inqas minn EUR 200 000 għal kull perjodu ta' tliet fuq il-perjodu kollu ta' referenza kkunsidrat. Dawn l-għajnuniet huma koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 (17) de minimis, u għalhekk kienu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-analiżi.

(b)

Il-bqija tat-48 kumpanija rċevew għajnuna għal iktar minn EUR 200 000 u kienu għalhekk suġġetti għal analiżi fil-fond. Fir-rigward dawn il-kumpaniji, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni dwar:

il-kumpaniji ta' riċerka li għalihom twettqu l-proġetti għal kumpaniji benefiċjarji (għar-raġunijiet ta' verifika ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I),

il-metodu għall-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna, flimkien ma' eżempji (għar-raġunijiet ta' verifika ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I),

id-data ta' meta twaqqfet kull kumpanija (għar-raġunijiet ta' verifika ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I),

il-perċentwal tan-nefqa tal-kumpanija allokata għal riċerka u żvilupp (għar-raġunijiet ta' verifika ta' konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I),

mill-ammont totali rċevut minn kull kumpanija, il-proporzjon li taqa' taħt il-miżura 3 (u li b'hekk tikkostitwixxi għajnuna tal-Istat) u l-proporzjon li jaqa' taħt il-miżuri 1 u 2 (għar-raġunijiet ta' verifika ta' konformità mat-tielet kundizzjoni stipulata fil-Qafas ta' R&Ż&I).

(26)

L-analiżi tal-aħħar punt (il-proporzjon li jaqa' taħt il-miżura 3) naqqset il-kamp ta' applikazzjoni hekk kif l-ammont ta' għajnuna li wasal skont il-miżura 3 kien inqas mill-ammont totali mogħti mill-awtoritajiet Belġjani (għall-iskema bħala ħaġa sħiħa). Mit-48 kumpanija li hemm referenza għalihom fil-premessa 25(b), 14 irċevew għajnuna skont il-miżura 3 ta' iktar minn EUR 200 000 matul il-perjodu kollu ta' referenza.

5.3.2.   Analiżi fid-dawl tar-regoli dwar għajnuna għal proġetti ta' R&Ż (il-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I)

(27)

Il-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I jistabbilixxi l-kriterji li jridu jiġu sodisfati għal għajnuna għal proġetti ta' R&Ż li nstabu kompatibbli mas-suq intern.

(a)

skont il-punt 5.1.1, “il-parti mgħejjuna tal-proġett ta' riċerka trid taqa' fi ħdan waħda jew iktar mill-kategoriji ta' riċerka li ġejjin: ir-riċerka fundamentali, ir-riċerka industrijali, l-iżvilupp esperimentali”.

Id-digriet irjali tat-23 ta' Marzu 2014 (18) issa jistabbilixxi li d-Dipartiment ta' Pprogrammar tal-Politika Xjentifika Federali (Service public fédéral de Programmation Politique scientifique) hu responsabbli, fl-eżaminar tal-fajl, għall-iċċekkjar tad-“deskrizzjoni ta' proġetti ta' riċerka jew ta' żvilupp jew programmi li fir-rigward tagħhom hi mitluba opinjoni” u b'hekk biex jiġi verifikat jekk proġetti jaqgħux f'waħda mill-kategoriji ta' riċerka stabbiliti mill-Qafas ta' R&Ż&I u mil-liġi. Għal kull waħda mit-48 kumpanija suġġetta għal analiżi fil-fond, l-Awtoritajiet Belġjani pprovdew deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp li twettqu u indikaw f'liema kategorija ta' riċerka huma rilevanti. Il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi li l-proġetti waqgħu f'waħda mit-tliet kategoriji mniżżla fil-Qafas ta' R&Ż&I u kkonkludiet li l-kundizzjoni mniżżla fil-punt 5.1.1 tal-Qafas kienet sodisfata;

(b)

Il-punt 5.1.2 tal-Qafas ta' R&Ż&I jagħti l-intensitajiet ta' għajnuna bażiċi (25 % għall-iżvilupp esperimentali), li jistgħu jiżdiedu f'ċerti każijiet. eżempju fejn tingħata għajnuna lil SMEs (il-punt 5.1.3(a) tal-Qafas ta' R&Ż&I).

Fl-ittra tagħhom datata t-3 ta' Marzu 2014, l-awtoritajiet Belġjani pprovdew informazzjoni addizzjonali dwar iż-żewġ żidiet fir-rata li ġabu t-tnaqqis tat-taxxa applikabbli għal 80 %, b'mod partikolari fir-rigward il-konformità mal-intensitajiet tal-għajnuna kif mniżżla fid-Deċiżjoni. Fl-applikazzjoni tal-metodu ta' kalkolu magħżul mill-Kumissjoni fid-Deċiżjoni, l-awtoritajiet Belġjani setgħu juru li żieda għal eżenzjoni ta' 80 % mit-taxxa fuq is-salarju wasslet għal intensità massima ta' 28,28 %. Huma pprovdew ukoll dettalji tal-intensitajiet għall-kumpaniji suġġetti għal analiżi fil-fond. Il-Kummissjoni sabet li kienu f'konformità mal-punt 5.1.3 tal-Qafas ta' R&Ż&I, li jistabbilixxi limitu ta' 35 % għal intrapriżi ta' daqs medju u 45 % għal intrapriżi żgħar għal proġetti ta' żvilupp esperimentali. Dawn il-limiti huma ogħla għal riċerka fundamentali u industrijali.

(c)

Il-punt 5.1.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I jistabbilixxi l-ispejjeż eliġibbli. Fil-premessa 16 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnotat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazjonali jagħtu lill-kategoriji ta' persunal li għalihom setgħet tingħata l-eżenzjoni iżda ma speċifikatx kif l-awtoritajiet tat-taxxa kellhom jivverifikaw jekk il-persunal ikkonċernat kienx assenjat għal proġett ta' Riċerka u Żvilupp.

Id-Digriet Irjali tat-23 ta' Marzu 2014 issa jipprovdi li d-Dipartiment ta' Pprogrammar tal-Politika Xjentifika Federali hu responsabbli, meta jkun qed jeżamina l-fajl, għall-iċċekkjar “tal-elementi li juru li l-membru tal-persunal se jkun impjegat fuq proġetti jew programmi ta' riċerka u żvilupp”, bl-użu tad-dejta pprovduta mill-kumpaniji applikanti. Il-Kummissjoni qed tiskopri li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u l-applikazzjoni tagħha mill-awtoritajiet Belġjani hi konformi mal-punt 5.1.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I.

Għat-48 kumpanija li huma s-suġġett ta' analiżi fil-fond, l-awtoritajiet Belġjani ddeskrivew il-proġetti mwettqa minnhom u indikaw in-numru u t-tip ta' persunal b'rigward lil min ingħata l-eżenzjoni.

(28)

Fid-dawl tal-elementi ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna mħallsa skont il-miżura 3 tal-punt 5.1 hija f'konformità mar-rekwiżiti tal-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I.

5.3.3.   Analiżi fid-dawl tar-regoli dwar għajnuna għal intrapriżi innovattivi żgħażagħ (il-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I)

(29)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni indikat li minħabba li “l-iskema kienet implimentat għajnuna favur kumpaniji innovattivi żgħażagħ, il-kompatibbiltà tagħha għandha tiġi eżaminata wkoll fuq il-bażi tal-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I dwar għajnuna lil intrapriżi innovattivi żgħażagħ” (il-premessa 46). Madankollu, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-benefiċjarji tal-iskema ssodisfawx il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-punt 5.4 (definizzjoni ta' intrapriża żgħira, l-età, il-perċentwal ta' nefqa allokat għal R&Z, l-ammont ta' għajnuna).

(30)

L-analiżi tad-dejta pprovduta mill-awtoritajiet Belġjani wriet li fl-aħħar tal-2013, żewġ kumpaniji biss laħqu l-kundizzjonijiet kollha mniżżla fil-punt 5.4 tal-Qafas ta' R&Ż&I (filwaqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-punt 5.1).

(31)

Għalhekk il-Kummissjoni kkonkludiet li l-punt 5.1 tal-Qafas ta' R&Ż&I dwar għajnuna għal proġetti ta' riċerka u żvilupp kien il-bażi legali xieraq.

5.3.4.   Kompatibbiltà tal-iskema wara l-1 ta' Lulju 2014

(32)

Il-Qafas ta' R&Ż&I, fuq il-bażi li ġiet ivvalutata l-kumpatibbiltà tal-iskema, skada fit-30 ta' Ġunju 2014.

(33)

Wara l-1 ta' Lulju 2014, jekk jiġu sodisfati l-kundizzjonijiet tal-Kapitlu 1 u jekk ir-rekwiżiti fl-Artikolu 25 (għajnuna għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni) huma sodisfati, l-iskema tista' tiġi koperta mill-eżenzjoni disponibbli taħt GBER. L-awtoritajiet Belġjani huma mistiedna li jinfurmaw il-Kummissjoni dwar ir-riżultat tal-analiżi tagħhom u, jekk meħtieġ, jinnotifikaw ir-riportament tal-iskema.

6.   KONKLUŻJONI

(34)

Il-Kummissjoni sabet li l-Belġju implimentat b'mod illegali l-iskema bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, fid-dawl ta' dan kollu hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikazzjoni kontinwa tal-iskema mill-awtoritajiet Belġjani wara l-4 ta' Lulju 2011 u l-emendi li sarulha se jkunu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE sat-30 ta' Ġunju 2014.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura ta' eżenzjoni parzjali mit-taxxa fuq is-salarju favur kumpaniji żgħar innovattivi implimentata mill-Belġju se tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE sat-30 ta' Ġunju 2014.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Jannar 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jinftiehmu, jekk ikun il-każ, bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 rispettivament tat-Trattat dwar il-KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti emendi fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunnità” bit-terminu “Unjoni”, “is-suq komuni” sar “is-suq intern” u “il-Qorti tal-Prim Istanza” saret “il-Qorti Ġenerali”. It-terminoloġija tat-TFUE tintuża f'din id-Deċiżjoni.

(2)  ĠU C 69, 7.3.2014, p. 122.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2.

(4)  ĠU C 209, 31.8.2006, p. 10.

(5)  Ara l-premessa 5 tad-Deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2006.

(6)  Ara l-premessa 8 tad-Deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2006 msemmija hawn fuq.

(7)  Ara l-premessa 12 tad-Deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2006 msemmija hawn fuq.

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33).

(9)  Ara l-premessa 26 tad-deċiżjoni msemmija hawn fuq.

(10)  Ara l-Artikolu 5a(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 70/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 364/2004 tal-25 ta' Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 70/2001 fir-rigward tal-estensjoni tal-applikabilità tiegħu illi jinkludi l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp (ĠU L 63, 28.2.2004, p. 22).

(11)  Ara l-punti (17) u dawk sussegwenti għad-Deċiżjoni tal-ftuħ.

(12)  Ittra mill-Gvern tar-Reġjun Kapitali ta' Belġju datata t-22 ta' Frar 2008, ittra mill-Gvern tar-Reġjun ta' Walloon datata s-17 ta' Marzu 2008 u ittra mill-Gvern tar-Reġjun Fjamming datata t-3 ta' Lulju 2007.

(13)  Ara l-paragrafi (22) sa (27) fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(14)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1.

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).

(16)  Ara l-premessa 21 tad-Deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2006.

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(18)  Id-Digriet Irjali tat-23 ta' Marzu li jemenda, fir-rigward l-eżenzjoni mill-pagament tat-taxxa fuq is-salarju lill-Istat, AR/CIR 92, skont l-Artikolu 275(2) u (3) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992. Moniteur Belge tal-31.3.2014.