30.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 284/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1025/2014

tal-25 ta' Lulju 2014

li jemenda l-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) provdut għalihom fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 38/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-għoti ta' setgħat iddelegati u ta' implimentazzjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) provdut għalihom fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (1) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 38/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2014 li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-għoti ta' setgħat iddelegati u ta' implimentazzjoni għall-adozzjoni ta' ċerti miżuri (2), u b'mod partikolari L-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-lista ta' pajjiżi benefiċjarji tar-reġim ta' importazzjoni tal-UE mingħajr dazju mingħajr kwoti hija stabbilita mill-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 (ir-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq).

(2)

Il-Botswana, il-Kamerun, il-Côte d'Ivoire, il-Fiġi, il-Gana, il-Kenja, in-Namibja u s-Sważiland ma kinux ħadu l-passi meħtieġa lejn ir-ratifika tal-Ftehim rispettiv tagħhom u għalhekk, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007, u b'mod partikolari l-punt (b) tiegħu, mhux se jibqgħu jkunu koperti mill-arranġament dwar l-aċċess għas-suq permess mir-Regolament (KE) Nru 1528/2007, mill-1 ta' Ottubru 2014. Dan jirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Il-Côte d'Ivoire u l-Gana, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ikkonkludew in-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika fit-30 ta' Ġunju 2014.

(4)

Il-Botswana, in-Namibja u s-Sważiland, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ikkonkludew in-negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika fil-15 ta' Lulju 2014.

(5)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24a tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 biex temenda l-Anness I għal dak ir-Regolament sabiex iżżid reġjuni jew stati mill-Grupp ta' Stati tal-AKP li kkonkludew negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu XXIV GATT 1994.

(6)

Wara d-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, iż-żieda tal-Botswana, il-Côte d'Ivoire, il-Gana, in-Namibja u s-Sważiland mal-Anness I għar-Regolament dwar l-Aċċess għas-Suq se tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(3) ta' dak ir-Regolament u b'mod partikolari l-punt (b) tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iż-żieda tal-pajjiżi mal-Anness I

Fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 jiddaħħlu l-pajjiżi li ġejjin:

 

Ir-Repubblika tal-Botswana;

 

Ir-Repubblika tal-Côte d'Ivoire;

 

Ir-Repubblika tal-Gana;

 

Ir-Repubblika tan-Namibja;

 

Ir-Renju tas-Sważiland.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa japplika mill-1 ta' Ottubru 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, il-25 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 348 tal-31.12.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 18, 21.1.2014, p. 52.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 527/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 fir-rigward tal-esklużjoni ta' għadd ta' pajjiżi mil-lista ta' reġjuni jew stati li kkonkludew in-negozjati (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 59).