27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/128


REGOLAMENT (UE) Nru 659/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri rigward l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-amministrazzjoni tad-dwana, l-iskambju ta’ data kunfidenzjali bejn l-Istati Membri, kif ukoll id-definizzjoni tal-valur statistiku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 TFUE.

(2)

B’rabta mal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni ntrabtet li fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-TFUE, tirrieżamina atti leġislattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni sabiex timplimenta xi wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

(4)

Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 jiġi allinjat mal-Artikoli 290 u 291 TFUE, is-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni minn dak ir-Regolament għandhom jinbidlu b’ setgħat li jiġu adottati atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

(5)

Sabiex tipprovdi reazzjoni li tissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti tal-informazzjoni statistika mingħajr ma’ jiġu imposti piżijiet żejda fuq l-operaturi ekonomiċi, biex jitqiesu t-tibdiliet meħtieġa għal raġunijiet metodoloġiċi u l-ħtieġa li tiġi stabbilita sistema effiċjenti għall-ġbir tad-data u l-kompilazzjoni tal-istatistika, is-setgħa biex l-atti delegati jiġu adottati skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal prodotti jew movimenti speċifiċi, l-adattament tar-rati ta’ kopertura tal-Intrastat, l-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet li jiddefinixxu l-livelli msemmija fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 638/2004, l-ispeċifikazzjoni tal-kondizzjonijiet biex jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata għal transazzjonijiet żgħar individwali u d-definizzjoni tad-data aggregata.

(6)

Meta jiġu adottati l-atti delegati, huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-atti delegati previsti fl-atti leġislattivi ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti u li jibqgħu prudenti kemm jista’ jkun.

(7)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 638/2004, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni li jippermettulha tadotta l-arranġamenti għall-ġbir tal-informazzjoni, partikolarment rigward il-kodiċijiet li għandhom jintużaw, id-determinazzjoni tal-kategorizzazzjoni tal-estimi, id-dispożizzjonijiet tekniċi għall-kompilazzjoni tal-istatistika annwali dwar il-kummerċ permezz tal-karatteristiċi tan-negozju, kwalunkwe miżura meħtieġa biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-istatistika trasmessa tikkonforma mal-istandards tal-kwalità. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(8)

Il-Kumitat għall-istatistika dwar il-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri (il-‘Kumitat Intrastat’) imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 638/2004 jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u jassistiha fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha.

(9)

Taħt l-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) maħsuba biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fi ħdan l-ESS, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandu jkollu rwol konsultattiv u għandu jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha. It-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni (Eurostat) huwa essenzjali biex tinħareġ statistika ta’ kwalità ogħla fl-Unjoni.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 għandu jiġi emendat billi r-referenza għall-Kumitat tal-Intrastat tinbidel b’referenza għall-ESSC.

(11)

Simplifikazzjonijiet ta’ skemi ta’ approvazzjoni doganali wasslu għal nuqqas ta’ disponibbiltà, fil-livell doganali, ta’ informazzjoni statistika dwar merkanzija li tgħaddi minn proċeduri doganali ta’ proċessar. Biex tiġi żgurata l-kopertura tad-data, il-movimenti ta’ dik il-merkanzija għandhom jiġu inklużi fis-sistema tal-Intrastat.

(12)

L-iskambju ta’ data kunfidenzjali relatata mal-istatistika dwar il-kummerċ fl-Unjoni għandu jitħalla jsir bejn l-Istati Membri bil-għan li jkun hemm iktar effiċjenza fl-iżvilupp, fil-produzzjoni u fid-disseminazzjoni ta’ din l-istatistika jew għat-titjib tal-kwalità tagħha. Dan l-iskambju ta’ data kunfidenzjali għandu jkun volontarju, għandu jiġi ttrattat bir-reqqa u per se m’għandux jinvolvi piż amministrattiv ogħla fuq l-impriżi.

(13)

Id-definizzjoni ta’ valur statistiku għandha tiġi ċċarata u allinjata mad-definizzjoni ta’ dak l-element tad-data skont l-istatistika dwar il-kummerċ barra l-Unjoni sabiex ikun possibbli li ssir komparabbiltà aħjar bejn l-istatistika kummerċjali fl-Unjoni u dik barra l-Unjoni. Id-definizzjonijiet uniformi huma essenzjali għar-reġistrazzjoni armonizzata ta’ kummerċ transkonfinali u huma importanti b’mod speċjali bħala prerekwiżit li jippermetti li l-awtoritajiet nazzjonali jagħmlu interpretazzjonijiet konkordanti tar-regoli li jkollhom impatt fuq l-attivitajiet transkonfinali tan-negozji.

(14)

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa neċessarju u xieraq li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mill-amministrazzjoni doganali, l-iskambju ta’ data kunfidenzjali bejn l-Istati Membri u d-definizzjoni ta’ valur statistiku fil-qasam tal-istatistika tal-kummerċ ġewwa l-Unjoni. Dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(15)

It-trasmissjoni tad-data mill-awtoritajiet nazzjonali għandha tkun bla ħlas għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni.

(16)

Huwa importanti li tiġi garantita s-sigurtà tal-modi ta’ trażmissjoni ta’ data statistika sensittiva, inkluża data ekonomika.

(17)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-proċeduri għall-adozzjoni tal-miżuri li nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, ma għandhomx jintlaqtu b’dan ir-Regolament.

(18)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

‘4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a dwar regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija jew movimenti speċifiċi.’;

(2)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-kelma ‘Komunità’ tħassret;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

‘2.   L-informazzjoni statistika dwar id-dispaċċi u l-wasliet ta’ merkanzija li jkunu s-suġġett ta’ dokument amministrattiv uniku għall-finijiet doganali jew fiskali għandha tkun ipprovduta direttament mid-dwana lill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ lanqas darba fix-xahar.’;

(c)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   L-amministrazzjoni doganali responsabbli f’kull Stat Membru għandha, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-awtorità nazzjonali, tipprovdi lill-awtorità nazzjonali b’kull informazzjoni disponibbli biex tiġi identifikata l-persuna li twettaq id-dispaċċi u l-wasliet ta’ merkanzija koperti mill- proċedurital-ipproċessar attiv doganali jew ipproċessar taħt kontroll doganali.’;

(3)

L-Artikolu 6 jinbidel b’dan li ġej:

‘Artikolu 6

Perijodu ta’ referenza

Il-perijodu ta’ referenza għall-informazzjoni li għandha tingħata f’konformità mal-Artikolu 5 għandu jkun:

(a)

ix-xahar kalendarju tad-dispaċċ jew il-wasla tal-merkanzija; jew

(b)

ix-xahar kalendarju li fih iseħħ il-fatt taxxabbli għall-merkanzija Komunitarja li fuqha l-VAT jiġi taxxabbli fuq akkwiżizzjonijiet u provvisti fil-Komunità; jew

(c)

ix-xahar kalendarju li fih id-dikjarazzjoni hi aċċettata mid-dwana fejn id-dikjarazzjoni Doganali tintuża bħala sors tad-data.’;

(4)

fl-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

‘Id-definizzjonijiet tad-data statistika msemmija fil-punti minn (e) sa (h) huma stipulati fl-Anness. Il-Kummissjoni se tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-arranġamenti biex tinġabar dik l-informazzjoni, b’mod partikolari l-kodiċi u l-format li jridu jintużaw.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).’;

(5)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 9a

Skambju ta’ data kunfidenzjali

L-iskambju ta’ data kunfidenzjali, kif iddefinit fl-Artikolu 3(7) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), jista’ jseħħ biss għal finijiet ta’ statistika, bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli f’ kull Stat Membru, fejn l-iskambju jservi l-iżvilupp effiċjenti, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri jew itejjeb il-kwalità tagħhom.

L-awtoritajiet nazzjonali li jkunu kisbu data kunfidenzjali għandhom jittrattaw dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali u għandhom jużawha esklużivament għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

(*)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).’;"

(6)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

‘Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tadatta dawk ir-rati ta’ kopertura tal-Intrastat għall-iżviluppi tekniċi u ekonomiċi kull meta jkun possibbli li tnaqqashom, filwaqt li żżomm statistika li tissodisfa l-indikaturi tal-kwalità u l-istandards fis-seħħ.’;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

‘Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tispeċifika l-kondizzjonijiet għad-definizzjoni ta’ dawk il-limiti.’;

(c)

il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

‘5.   L-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità, jissimplifikaw l-informazzjoni li għandha tingħata għal tranżazzjonijiet individwali żgħar dment li tali simplifikazzjoni ma jkollha ebda effett ta’ detriment għall-kwalità tal-istatistika. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex jiġu speċifikati dawk il-kondizzjonijiet.’;

(7)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

‘(a)

40 jum kalendarju wara t-tmiem tax-xahar ta’ referenza għad-data aggregata biex tiġi definita mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 13a biex tiddefinixxi dik id-data aggregata. Dawk l-atti delegati għandhom iqisu l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi rilevanti.’;

(b)

il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

‘2.   Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) ir-riżultati ta’ kull xahar li jkopru l-kummerċ totali tagħhom tal-merkanzija billi jużaw estimi. Il-Kummissjoni għandha permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-klassifikazzjoni għal dawn l-estimi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).’;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

‘Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet tekniċi għal kumpilazzjoni ta’ dawk l-istatistiċi bl-aktar mod prudenti possibbli.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).’;

(8)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 4 jinbidel b’dan li ġej:

‘4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, kwalunkwe miżura neċessarja biex tiżgura l-kwalità tal-istatistika trasmessa skont il-kriterji tal-kwalità, filwaqt li tevita kostijiet eċċessivi għall-awtoritajiet nazzjonali.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).’;

(9)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

‘Artikolu 13a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Meta teżerċita s-setgħa delegata fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha taġixxi skont l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, filwaqt li tiżgura, fost oħrajn, li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq ir-rispondenti.

Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni ssegwi l-prattika abitwali tagħha u twettaq konsultazzjonijiet ma’ esperti, inklużi esperti tal-Istati Membri, qabel ma tadotta dawk l-atti delegati.

3.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta' Lulju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ żmien identiċi, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

4.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5), u l-punt (a) tal-Artikolu 12(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi atti delegati diġà fis-seħħ.

5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament b’dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 10(3), (4) u (5) u punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.’;

(10)

L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

‘Artikolu 14

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(**)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).’;"

(11)

fl-Anness, il-punt 3(b) jinbidel b’dan li ġej:

‘(b)

il-valur statistiku, li huwa l-valur ikkalkulat fil-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri. Għandu jkun ibbażat fuq l-ammont taxxabbli jew, fejn applikabbli, il-valur minfloku. Dan jinkludi biss spejjeż inċidentali (merkanzija, assigurazzjoni), fil-każ tad-dispaċċi, fil-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-Istat Membru tad-dispaċċ u, fil-każ tal-wasliet, fil-parti tal-vjaġġ li ssir barra mit-territorju tal-Istat Membru tal-wasla. Jgħidulu l-valur fob (free on board) għad-dispaċċi, u l-valur cif ([cost, insurance, freight] kost, assigurazzjoni, merkanzija) għall-wasliet’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri għall-adozzjoni ta’ miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 638/2004 li jkunu nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ Mejju 2014.

(2)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)

(3)  Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq l-istatistiċi Komunitarji rigward il-kummerċ ta’ merkanzija bejn Stati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91 (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).