20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/42


REGOLAMENT (UE) Nru 254/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-2020 u li jħassar id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 169 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “L-Istrateġija Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (‘Ewropa 2020’) tagħmel sejħa sabiex liċ-ċittadini tingħatalhom is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq intern, li jeħtieġ li jissaħħu l-abbiltà u l-fiduċja tagħhom biex jixtru prodotti u servizzi transkonfinali, b’mod partikolari online.

(2)

L-Unjoni tikkontribwixxi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u biex il-konsumaturi jitqiegħdu fil-qalba tas-suq intern billi tappoġġa u tikkumplimenta l-politiki tal-Istati Membri b’mod li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern u li, b’hekk, is-sigurtà u l-interessi legali u ekonomiċi tagħhom jiġu protetti sew permezz ta’ azzjonijiet konkreti.

(3)

Il-programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-2020 (“il-Programm”) għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u jappoġġa bis-sħiħ l-ambizzjonijiet ta’ Ewropa 2020 fir-rigward tat-tkabbir u l-kompetittività billi jiġu integrati l-kwistjonijiet speċifiċi ta’ tħassib identifikati fl-Ewropa 2020 dwar l-aġenda diġitali għall-Ewropa sabiex jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni effettivament twassal għal żieda fil-ġid tal-konsumaturi, dwar it-tkabbir sostenibbli billi nimxu lejn tendenzi ta’ konsum aktar sostenibbli, dwar l-inklużjoni soċjali billi titqies is-sitwazzjoni speċifika ta’ konsumaturi vulnerabbli u l-bżonn ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, u dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti fost l-oħrajn permezz ta’ azzjonijiet ta’ monitoraġġ tas-suq tal-konsumatur li jgħinu fit-tfassil ta’ regolamenti intelliġenti u mmirati.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 bit-titolu ‘Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir’ (l-‘Aġenda għall-Konsumaturi’), tistabbilixxi qafas strateġiku għall-politika tal-konsumaturi tal-Unjoni għas-snin li ġejjin billi tappoġġa l-interessi tal-konsumaturi fil-politiki kollha tal-Unjoni. L-għan tal-Aġenda għall-Konsumaturi huwa li tinħoloq strateġija li permezz tagħha l-azzjoni politika tappoġġa b’mod effiċjenti u effettiv lill-konsumaturi matul ħajjithom, billi tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom, billi jiġu infurmati u edukati, billi jiġu appoġġati kopri li jirrappreżentawhom, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom, billi jingħataw aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji u billi jiġi żgurat li l-leġislazzjoni tal-konsumaturi tkun infurzata.

(5)

It-tnaqqis riċenti fir-ritmu ekonomiku kixef għadd ta’ nuqqasijiet u inkonsistenzi fis-suq intern, li kellhom implikazzjonijiet negattivi fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u taċ-ċittadini. Filwaqt li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti r-restrizzjonijiet baġitarji li l-Unjoni qiegħda topera bihom bħalissa, l-Unjoni, madankollu, għandha tipprovdi mezzi finanzjarji adegwati sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-Programm u għalhekk għandha tiġi appoġġata l-Ewropa 2020.

(6)

L-eliminazzjoni tal-ostakoli li fadal mhux ġustifikati u sproporzjonati għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u t-titjib tal-fiduċja u taċ-ċittadini fis-sistema, partikolarment waqt ix-xiri transfruntiera, huma essenzjali għat-twettiq tas-suq intern. L-Unjoni għandha timmira li toħloq il-kundizzjonijiet it-tajbin biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi billi tipprovdilhom l-għodod suffiċjenti, l-għarfien u l-kompetenza biex dawn jieħdu deċiżjonijiet meqjusa u infurmati u billi żżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi.

(7)

Dan ir-Regolament jikkunsidra l-ambjent ekonomiku, soċjali u tekniku u l-isfidi assoċjati li qed jinħolqu. B’mod partikolari, azzjonijiet finanzjati taħt il-Programm għandhom ifittxu li jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-livell li dejjem qed jikber tal-kumplessità tad-deċiżjonijiet li jridu jagħmlu l-konsumaturi, il-bżonn li jsiru passi lejn tendenzi ta’ konsum aktar sostenibbli, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-kwistjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. L-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fil-politiki kollha tal-Unjoni, skont l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija prijorità kbira. Il-koordinazzjoni ma’ politiki u programmi oħra tal-Unjoni hija parti ċentrali sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa f’politiki oħra. Sabiex jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni, fondi u programmi oħra tal-Unjoni għandhom jipprevedu appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur fl-oqsma rispettivi tagħhom.

(8)

Il-Programm għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi kollha, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ġie mitlub fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli (4). B’mod partikolari, il-Programm għandu jiżgura li konsumaturi vulnerabbli jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi, sabiex ikollhom opportunitajiet indaqs biex jagħmlu għażliet ħielsa u informati, speċjalment billi l-konsumaturi vulnerabbli jista’ jkollhom diffikultajiet fl-aċċess u l-fehim tal-informazzjoni tal-konsumaturi, u għalhekk jirriskjaw li jiġu żgwidati.

(9)

Il-Programm għandu b’mod partikolari jqis it-tfal, inkluż billi jaħdem mal-partijiet interessati biex jiġi żgurat l-impenn tagħhom lejn reklamar responsabbli għall-minorenni, b’mod partikolari biex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi online.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti azzjonijiet fil-Programm, li jipprovdi qafas tal-Unjoni għall-finanzjament tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), dan ir-Regolament għandu jipprovdi l-bażi legali għal dawk l-azzjonijiet u għall-implimentazzjoni tal-Programm. Dan ir-Regolament ikompli jibni fuq l-azzjonijiet iffinanzjati skont id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Huwa importanti li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur. Biex jinkiseb dak l-objettiv ġenerali, iridu jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi rigward is-sigurtà, l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumatur u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, id-drittijiet u r-rimedji kif ukoll l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur. Il-valur u l-impatt tal-miżuri meħudin taħt il-Programm għandhom jiġu monitorjati u evalwati regolarment sabiex jiġi ffaċilitat tfassil ta’ politika aktar intelliġenti fl-interess tal-konsumaturi. Sabiex tiġi evalwata l-politika tal-konsumatur u b’mod partikolari l-impatt preċiż tal-miżuri meħuda, għandhom jiġu żviluppati indikaturi, li madankollu l-valur tagħhom għandu jitqies f’kuntest usa’.

(12)

Huwa importanti li tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, jeħtieġ li jissaħħaħ il-kamp ta’ applikazzjoni għal azzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ finanzjarju xieraq lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u ċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi, b’kont meħud tar-rwol prinċipali tagħhom li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi fir-rigward tad-drittijiet tagħhom, jappoġġaw lill-konsumaturi fit-tilwim tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal mekkaniżmi xierqa għas-soluzzjoni għat-tilwim, u jippromwovu l-interessi tal-konsumaturi fil-funzjonament korrett tas-suq intern. Dawk l-organizzazzjonijiet u ċ-ċentri għandu jkollhom il-kapaċità li jtejbu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi billi jaġixxu skont il-każ u jagħtu għajnuna, informazzjoni u edukazzjoni personalizzata għall-individwu.

(13)

Jeħtieġ li jiġu stipulati l-azzjonijiet eliġibbli li permezz tagħhom jinkisbu dawk l-objettivi.

(14)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kategoriji tal-benefiċjarji potenzjali eliġibbli għall-għotjiet.

(15)

F’dan ir-Regolament hemm inkluż ammont ta’ referenza finanzjarja għall-Programm, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7), mingħajr ma s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif stabbiliti fit-TFUE, jiġu affettwati b’dan.

(16)

Fl-ispirtu tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ta’ trasparenza u flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-kontinwazzjoni tal-aġenzija eżekuttiva għandha tkun permissibbli jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti kollha stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (8).

(17)

In-nefqa tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tas-sikurezza tal-konsumaturi, l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-infurzar għandha tkun koordinata aħjar sabiex tiġi żgurata l-kumplimentarjetà, l-effiċjenza u l-viżibbiltà aħjar, kif ukoll biex jinkisbu sinerġiji baġitarji aħjar.

(18)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jipprovdi għal kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li qed jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, min-naħa l-oħra. Għandu jsir provvediment biex il-Programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra, b’mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat tal-Unjoni u pajjiżi li qed japplikaw għal sħubija fl-Unjoni jew li huma kandidati għaliha jew li qegħdin fil-proċess ta’ adeżjoni.

(19)

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm, u fid-dawl tal-globalizzazzjoni tal-katina ta’ produzzjoni u l-interdipendenza li dejjem qed tikber tas-swieq, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm għandha tkun inkoraġġita, b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Unjoni.

(20)

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness II sabiex jitqiesu l-bidliet fil-qafas leġislattiv fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, u fir-rigward tal-emendar tal-Anness I billi jitneħħew azzjonijiet speċifiċi kkonċernati sabiex jitqiesu r-riżultati ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa tul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inklużi dawk fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Minħabba li l-Programm ma jistabbilixxix kriterji għas-sigurtà tal-prodotti iżda jimmira li jipprovdi sostenn finanzjarju lill-għodda għall-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sigurtà tal-prodotti, u minħabba l-ammont relattivament żgħir kkonċernat, huwa adegwat li tiġi applikata l-proċedura konsultattiva.

(22)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati skorrettament u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(23)

Minħabba li l-objettivi tar-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transkonfinali tal-kwistjonijiet involuti, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-potenzjal akbar tal-azzjoni tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilt f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(24)

Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE għandha titħassar.

(25)

Huwa xieraq li tiġi żgurata transizzjoni mingħajr xkiel bejn il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u dan il-Programm, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-miżuri pluriennali u l-evalwazzjoni tas-suċċessi u l-oqsma tal-programm preċedenti li jeħtieġu aktar attenzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li t-tul ta’ dan il-Programm jsir jaqbel ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-sena 2014-2020 stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan il-Programm għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-approprjazzjonijiet tal-assistenza teknika u amministrattiva għandhom ikopru, jekk ikun meħtieġ, l-infiq relatat mal-ġestjoni tal-azzjonijiet mhux lesti sal-aħħar tal-2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Programm pluriennali tal-konsumaturi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm pluriennali tal-konsumaturi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-Programm”).

Artikolu 2

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u jqiegħed lill-konsumatur fil-qalba tas-suq intern, fil-qafas tal-istrateġija ġenerali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Programm jagħmel dan l billi jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi legali u ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll billi jippromwovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u biex jorganizzaw lilhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom, u jappoġġa l-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’oqsma ta’ politika oħrajn. Il-Programm għandu jikkumplimenta, jappoġġa u jimmonitorja l-politiki tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi u indikaturi

1.   L-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 2 għandu jiġi realizzat permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

Objettiv I - Sigurtà: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz tal-attività u l-effettività tas-sistema ta’ twissija bikrija tal-UE għal prodotti tal-konsumaturi perikolużi (RAPEX).

(b)

Objettiv II - Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur: biex tittejjeb l-edukazzjoni, l-informazzjoni tal-konsumaturi u l-kuxjenza dwar drittijiethom, biex tiġi żviluppata l-bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, inkluża kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi vulnerabbli.

(ċ)

Objettiv III - Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumatur b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz ta’ rikors għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim biex jissolvew tilwimiet transkonfinali u permezz tal-attività ta’ sistemi tas-soluzzjoni online għat-tilwim madwar l-Unjoni, u permezz tal-perċentwal ta’ konsumaturi li jieħdu azzjoni meta jiltaqgħu ma’ problema.

(d)

Objettiv IV - Infurzar: ikun sostnut l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi jingħata appoġġ lill-konsumaturi permezz ta’ pariri.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz tal-livell ta’ fluss ta’ informazzjoni u l-effettività tal-kooperazzjoni fin-Netwerk għall-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, l-attività taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej u kemm huma magħrufa mal-konsumaturi.

Informazzjoni u parteċipazzjoni tal-konsumaturi ta’ kwalità għolja huma prijorità transettorjali u għalhekk, iridu jkunu previsti b’mod speċifiku, kull meta possibbli, fl-objettivi u fl-azzjonijiet settorjali kollha ffinanzjati mill-Programm.

2.   Id-deskrizzjoni tal-indikaturi hija stabbilita fl-Anness II.

3.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 sabiex tadatta l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

L-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jinkisbu permezz tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti f’din il-lista:

(a)

taħt l-objettiv I - Sigurtà:

(1)

pariri xjentifiċi u analiżi tar-riskju rilevanti għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi dwar il-prodotti mhux alimentari u servizzi inkluż l-appoġġ lill-attivitajiet tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (11);

(2)

il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar dwar is-sigurtà tal-prodotti fir-rigward tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (12), u azzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tas-servizzi għall-konsumatur;

(3)

il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ databases dwar il-kożmetiċi;

(b)

taħt l-objettiv II - Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur:

(4)

il-bini u t-titjib tal-aċċess tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika f’oqsma li jaffettwaw il-konsumaturi, sabiex titfassal regolamentazzjoni intelliġenti u mmirata u jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew il-bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun ipprovduta bażi għall-iżvilupp tal-politika tal-konsumatur, għall-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar problematiċi għall-konsumaturi u għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’politiki oħrajn tal-Unjoni;

(5)

l-appoġġ permezz tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-bini ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, permezz ta’ żieda fit-trasparenza u t-titjib tal-iskambji tal-aħjar prattika u kompetenzi;

(6)

it-tisħiħ tat-trasparenza tas-suq tal-konsumatur u tal-informazzjoni tal-konsumatur, billi jiġi żgurat li l-konsumaturi għandhom data li tista’ titqabbel, affidabbli u li hija faċilment aċċessibbli, anki għall-każijiet ta’ natura transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jqabblu mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi;

(7)

it-tisħiħ tal-edukazzjoni tal-konsumatur bħala proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli;

(ċ)

taħt l-objettiv III – Drittijiet u rimedji:

(8)

it-tħejjija mill-Kummissjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur u inizjattivi regolatorji oħra, il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni mill-Istati Membri u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-impatt tagħha, kif ukoll il-promozzjoni ta’ inizjattivi koregolatorji u awtoregolatorji u l-monitoraġġ tal-impatt reali ta’ dawk l-inizjattivi dwar is-swieq tal-konsumaturi;

(9)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi b’mod partikolari għal skemi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim, inkluż permezz ta’ sistema online għall-Unjoni kollha u n-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali alternattivi għas-soluzzjoni għat-tilwim, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil miżuri adegwati għall-ħtiġijiet u d-drittjiet tal-konsumaturi vulnerabbli; il-monitoraġġ tal-funzjonament u l-effettività ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod rilevanti tal-IT, u l-iskambju tal-aħjar prattiki attwali u l-esperjenza eżistenti fl-Istati Membri;

(d)

taħt l-objettiv IV — Infurzar:

(10)

il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u infurzar fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(11)

kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma’ korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ qligħ li jikkostitwixxu netwerks tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni xierqa għat-tilwim, inkluż skemi ta’ soluzzjoni online barra mill-qorti (in-Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur).

Fejn applikabbli, l-azzjonijiet eliġibbli li jidhru fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huma speċifikati aktar fl-Anness I billi jiġu elenkati azzjonijiet speċifiċi taħthom.

Artikolu 5

Benefiċjarji eliġibbli għal għotjiet

1.   Jistgħu jingħataw għotjiet għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur Ewropej li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti mill-interess tal-industrija, kummerċjali u tan-negozju jew interessi konfliġġenti oħra, u għandhom bħala objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi fl-Unjoni;

(b)

ikollhom mandat biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni minn organizzazzjonijiet mill-anqas f’nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skont ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi, u li huma attivi fil-livell reġjonali jew nazzjonali.

2.   Għotjiet mogħtija għall-funzjonament ta’ korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti mill-interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi konfliġġenti oħra, u għandhom bħala objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi;

(b)

jeżerċitaw l-attivitajiet kollha li ġejjin: jipprovdu mekkaniżmu formali għar-rappreżentanti tal-konsumatur mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi biex jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet politiċi u fil-politiki, jorganizzaw laqgħat mal-uffiċjali tal-politika u mar-regolaturi biex jippromwovu u jiddefendu l-interessi tal-konsumatur mal-awtoritajiet pubbliċi, jidentifikaw kwistjonijiet u sfidi komuni b’rabta mal-konsumatur, jippromwovu l-perspettivi tal-konsumaturi fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, jikkontribwixxu għall-iskambju u d-disseminazzjoni tal-konoxxenza esperta u tal-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi, u jipproduċu rakkomandazzjonijiet għall-politika.

3.   Għotjiet għall-funzjonament tal-korpi fil-livell tal-Unjoni stabbiliti għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti jistgħu jingħataw lill-korpi rikonoxxuti għal dan il-għan mil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

4.   Għotjiet għal azzjoni lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, tal-aħjar prattiki u linji gwida għall-paragun ta’ prezzijiet, ta’ kwalità tal-prodotti u ta’ sostenibbiltà jistgħu jingħataw lill-korpi li jikkonformaw mal-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħrajn konfliġġenti, u għandhom fost l-objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi;

(b)

ikunu attivi f’mill-inqas nofs l-Istati Membri.

5.   Għotjiet għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-Presidenza li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, jew lil korpi magħżula minn dak l-Istat Membru.

6.   Għotjiet għal azzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet korrispondenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet innotifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jew id-Direttiva 2001/95/KE minn Stat Membru jew minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, jew lil korpi mingħajr skop ta’ qligħ magħżula b’mod speċifiku minn dawk l-awtoritajiet għal dak il-għan.

7.   Għotjiet lil uffiċjali tal-infurzar mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi jistgħu jingħataw lill-uffiċjali minn awtoritajiet innotifikati lill-Kummissjoni għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jew id-Direttiva 2001/95/KE minn Stat Membru jew minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

8.   Għotjiet għal azzjoni jistgħu jingħataw lil korp maħtur minn Stat Membru jew pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 li huwa mingħajr skop ta’ qligħ magħżul permezz ta’ proċedura trasparenti jew korp pubbliku. Il-korp maħtur għandu jkun parti minn netwerk tal-Unjoni li jipprovdi informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni xierqa ta’ tilwim (Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur). Jista’ jiġi stabbilit qafas ta sħubija bħala mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fuq perjodu twil bejn il-Kummissjoni u n-Netwerk Ewropew ta’ Ċentri tal-Konsumatur u/jew il-korpi kostituttivi tiegħu.

9.   Għotjiet għal azzjoni jistgħu jingħataw lil korpi responsabbli mill-ilmenti stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni jew li joperaw fihom, u f’pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma responsabbli mill-ġbir tal-ilmenti tal-konsumaturi, jew milli jippruvaw isolvu t-tilwim, jew li jagħtu pariri, jew jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi dwar ilmenti jew investigazzjonijiet, u li huma parti terza għal ilment jew investigazzjoni minn konsumatur rigward kummerċjant. Huma ma għandhomx jinkludu mekkaniżmi ta’ trattament ta’ lmenti minn konsumaturi operati minn kummerċjanti u li jittrattaw investigazzjonijiet u lmenti direttament mal-konsumatur, jew mekkaniżmi li jipprovdu servizzi ta’ trattament ta’ lmenti mħaddma minn kummerċjanti, inkella mħaddma f’isimhom.

Artikolu 6

Qafas Finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun ta’ EUR 188 829 000 fi prezzijiet attwali.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm

Il-parteċipazzjoni fil-Programm għandha tkun miftuħa għal:

(a)

pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk aderenti u kandidati kif ukoll dawk li huma potenzjalment kandidati, u pajjiżi li tapplika għalihom il-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili.

Artikolu 8

Tipi ta’ intervent u livell massimu ta’ kofinanzjament

1.   Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni jistgħu jieħdu l-għamla jew ta’ għotjiet jew ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kwalunkwe intervent ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-għotjiet mill-Unjoni u l-livelli massimi korrispondenti tagħhom huma kif ġej:

(a)

għotjiet għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 5(1), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(b)

għotjiet għall-funzjonament tal-korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm, kif definiti fl-Artikolu 5(2), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(ċ)

għotjiet għall-funzjonament tal-korpi fil-livell tal-Unjoni stabbiliti għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodott u rikonoxxuti għal dan il-għan mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 5(3), li ma jaqbżux il-95 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(d)

għotjiet għal azzjoni lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, tal-aħjar prattiki, ta’ linji gwida għall-paragun tal-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà, kif definiti fl-Artikolu 5(4), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(e)

għotjiet għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-Presidenza li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni lil awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, jew lil korpi magħżula minn dak l-Istat Membru, li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(f)

għotjiet għal azzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-affarijiet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet korrispondenti f’pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw skont l-Artikolu 7, kif definiti fl-Artikolu 5(6), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli, minbarra fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ utilità eċċezzjonali, li f’dak il-każ il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli ma għandhiex taqbeż is-70 %;

(g)

għotjiet mogħtija għall-iskambju ta’ uffiċjali tal-infurzar mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw skont l-Artikolu 7, kif definit fl-Artikolu 5(7), li jkopru allokazzjonijiet ta’ flus għall-ivvjaġġar u għall-għajxien;

(h)

għotjiet għal azzjoni lil korpi maħturin mill-Istati Membri jew pajjiż terz msemmi fl-Artikolu 7, kif definiti fl-Artikolu 5(8), li ma jaqbżux is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(i)

għotjiet għal azzjoni lil korpi responsabbli mit-trattament tal-ilmenti tal-konsumatur, kif definiti fl-Artikolu 5(9), li ma jaqbżux it-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.   L-azzjonijiet għandhom jitqiesu bħala utilità eċċezzjonali kif imfissra fil-punt (f) tal-paragrafu 2 fejn:

(a)

fir-rigward tal-għotjiet mogħtija lill-awtoritajiet u nnotifikati lill-Kummissjoni għall-iskopijiet tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, ikunu jinvolvu mill-inqas sitt Stati Membri jew jikkonċernaw ksur li jikkawża jew għandu mnejn jikkawża ħsara f’żewġ Stati Membri jew aktar;

(b)

rigward l-għotjiet mogħtija lill-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà tal-prodott tal-konsumatur, huma jinvolvu mill-inqas għaxar Stati Membri li qed jieħdu sehem fin-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/95/KE jew jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur li ġew previsti f’att legali tal-Unjoni.

Artikolu 9

Assistenza amministrattiva u teknika

1.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista’ tkopri wkoll spejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, fost l-oħrajn il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

2.   L-ammont totali allokat sabiex ikopri l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni kif ukoll mal-assistenza teknika u amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1, ma għandux jaqbeż it-12 % tal-pakkett finanzjarju allokat lill-Programm.

Artikolu 10

Metodi ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni timplimenta l-Programm permezz ta’ modi ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 11

Konsistenza u kumplimentarjetà ma’ politiki oħra

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà ġenerali bejn il-Programm u politiki, strumenti u azzjonijiet oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari skont il-programm pluriennali “Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza” 2014-2020 (14).

Artikolu 12

Programmi ta’ ħidma annwali

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 u speċifikati aktar fl-Anness I, b’mod konsistenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu l-elementi previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u b’mod partikolari:

(a)

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 4 u l-Anness I ta’ dan ir-Regolament, u l-allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji;

(b)

l-iskeda taż-żmien tas-sejħiet għall-offerti u s-sejħiet għall-proposti ppjanati.

Artikolu 13

Evalwazzjoni u disseminazzjoni

1.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentawlha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan il-Programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

sat-30 ta’ Settembru 2017:

(i)

tirrivedi kif inkisbu l-objettivi tal-miżuri kollha (fil-livell tar-riżultati u l-impatti), l-istat attwali rigward l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-azzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Anness I, l-allokazzjoni tal-fondi lill-benefiċjarji f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur Ewropew miżjud tagħha, filwaqt li jitqiesu żviluppi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumatur, bl-għan ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid u l-modifikazzjoni jew is-sospensjoni tal-miżuri;

(ii)

tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-reviżjoni magħmula lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill;

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2017, jekk xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva jew, soġġett għall-paragrafu 3, tadotta att delegat.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu, barra minn hekk, jindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tiegħu, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huwa għandu jqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-programm preċedenti.

L-impatti fuq medda itwal ta’ żmien u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm għandhom jiġu evalwati bil-għan li jwasslu għal deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni ta’ programm sussegwenti.

3.   Sabiex titqies is-sitwazzjoni li permezz tagħha r-rapport ta’ evalwazzjoni skont il-paragrafu 2 jikkonkludi li l-azzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Anness I ma ġewx implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2016 u ma jistgħux jiġu implimentati sal-aħħar tal-Programm, inkluż meta dawk l-azzjonijiet speċifiċi mhumiex rilevanti aktar biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 15 sabiex jiġi emendat l-Anness I billi jitneħħew l-azzjonijiet speċifiċi kkonċernati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa skont dan ir-Regolament disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 14

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet finanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa skorrettament u, fejn adatt, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan għandhom is-setgħa ta’ awditjar, abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna finanzjarja, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-għan li jiġi stabbilit li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom b’mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 13(2a) hija mogħtija lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-Programm.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(3) u fl-Artikolu 13(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 13(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma kinux ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b’xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE għandu jibqa’ japplika għall-azzjonijiet koperti minn dik id-Deċiżjoni li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant, l-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għal assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-Programm.

2.   Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit wara l-31 ta’ Diċembru 2020 biex ikopru dawn l-ispejjeż stipulati fl-Artikolu 9, biex jippermettu l-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE hija b’dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u d-data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 217.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2014.

(4)  ĠU C 264E, 13.9.2013, p. 11.

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 01, Vol 04, p. 235).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta’ Awwissu 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241,10.9.2008, p. 21; verżjoni MT: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 1).

(12)  Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 15, Vol 06, p. 447).

(13)  Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(14)  Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62).

(15)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 01 p. 303).


ANNESS I

TIPI TA’ AZZJONI

Objettiv I

Sigurtà: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni

1.

Pariri xjentifiċi u analiżi tar-riskju rilevanti għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur fir-rigward ta’ prodotti u servizzi mhux tal-ikel inkluż appoġġ għall-kompiti tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni 2008/721/KE.

2.

Koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar dwar is-sigurtà tal-prodotti fir-rigward tad-Direttiva 2001/95/KE, u azzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tas-servizzi għall-konsumatur:

(a)

l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT (bħal databases, sistemi tal-informatika u l-komunikazzjoni) b’mod partikolari sabiex tkun tista’ titjieb l-effiċjenza tas-sistemi eżistenti permezz taż-żieda fil-possibbilitajiet ta’ esportazzjoni tad-data, ta’ assortiment u estrazzjoni tal-istatistika kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-iskambju u l-użu elettroniku tad-data bejn l-Istati Membri;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ seminars, konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat għall-partijiet interessati u l-esperti dwar ir-riskji u l-infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti;

(c)

skambji ta’ uffiċjali tal-infurzar u taħriġ li jiffoka fuq l-integrazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju;

(d)

azzjonijiet ta’ kooperazzjoni konġunti u speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi tal-konsumatur mhux tal-ikel, skont id-Direttiva 2001/95/KE;

(e)

monitoraġġ u valutazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti u servizzi mhux tal-ikel, inkluż il-bażi tal-għarfien għal standards ulterjuri jew jiġu stabbiliti punti oħra ta’ refernza tas-sigurtà, u kjarifika tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà;

(f)

kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar u kooperazzjoni għat-traċċabbiltà ta’ prodotti, u żvilupp ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ma’ pajjiżi terzi minbarra dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, inklużi ma’ dawk il-pajjiżi terzi li minnhom joriġinaw il-biċċa l-kbira tal-prodotti notifikati fl-Unjoni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

(g)

appoġġ lill-korpi rikonoxxuti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar bejn l-Istati Membri.

3.

Il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ databases dwar il-kożmetiċi

(a)

il-manutenzjoni tal-Portal għan-notifikazzjoni tal-Prodotti Kożmetiċi mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(b)

il-manutenzjoni tad-database dwar il-kożmetiċi bħala appoġġ lill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

Objettiv II

li jitjiebu l-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, li tiġi żviluppata bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, billi jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi vulnerabbli Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur

4.

Il-bini u t-titjib tal-aċċess tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika f’oqsma li jaffettwaw il-konsumaturi, sabiex titfassal regolamentazzjoni intelliġenti u mmirata u jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew il-bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun provduta bażi għall-iżvilupp tal-politika tal-konsumatur, għall-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar problematiċi għall-konsumaturi u għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’politiki oħrajn tal-Unjoni, inkluż:

(a)

studji u analiżi madwar l-Unjoni dwar il-konsumaturi u s-swieq tal-konsumaturi sabiex jitfasslu regolamenti intelliġenti u mmirati, biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi;

(b)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ databases, b’mod partikolari ħalli d-data miġbura titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati (bħal organizzazzjonijiet tal-konsumatur, awtoritajiet nazzjonali u riċerkaturi);

(c)

l-iżvilupp u l-analiżi ta’ evidenza statistika nazzjonali u evidenza oħra rilevanti. Il-ġbir, b’mod partikolari, ta’ dejta u indikaturi nazzjonali dwar il-prezzijiet, l-ilmenti, l-infurzar, ir-rimedji, eċċ. għandu jiġi żviluppat f’kollaborazzjoni ma’ partijiet interessati nazzjonali.

5.

L-appoġġ permezz tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-bini ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, permezz ta’ żieda fit-trasparenza u t-titjib tal-iskambji tal-aħjar prattika u kompetenzi

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur tal-livell tal-Unjoni li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-bini tal-kapaċità għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur reġjonali, nazzjonali u Ewropej, notevolment permezz ta’ taħriġ disponibbli f’diversi lingwi u madwar l-Unjoni u skambju tal-aħjar prattika u l-kompetenzi għall-membri tal-persunal, b’mod partikolari għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi Stati Membri fejn mhumiex żviluppati biżżejjed jew li juru livell relattivament baxx ta’ fiduċja u kuxjenza tal-konsumatur kif evidenzjat bil-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur u tal-ambjent tal-konsumatur fl-Istati Membri;

(c)

aktar trasparenza u aktar skambji tal-aħjar prattiki u tal-kompetenzi, b’mod partikolari permezz ta’ netwerking imsaħħaħ, assistit mill-ħolqien ta’ portal online għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li joffri spazju interattiv u żona ta’ netwerking, u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom bla ħlas il-materjal żviluppat waqt it-taħriġ;

(d)

appoġġ lil korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li huma konsistenti mal-objettivi tal-Programm.

6.

Tisħiħ tat-trasparenza tas-swieq tal-konsumatur u tal-informazzjoni tal-konsumatur, billi jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom data li tista’ titqabbel, affidabbli, u li hija faċilment aċċessibbli, anki għall-każijiet ta’ natura transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jqabblu mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi

(a)

kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw lill-konsumaturi, inkluż permezz ta’ azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri;

(b)

azzjonijiet li jsaħħu t-trasparenza tas-swieq tal-konsumaturi fir-rigward ta’, pereżempju, il-prodotti finanzjarji fil-livell tal-konsum, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u dik diġitali, it-trasport;

(c)

azzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni rilevanti li hija komparabbli, affidabbli u faċilment aċċessibbli dwar il-prodotti, is-servizzi u s-swieq, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà ta’ prodotti u servizzi, kemm jekk offline jew online, pereżempju permezz ta’ paragun ta’ siti web u azzjonijiet li jiżguraw il-kwalità għolja u l-affidabbiltà ta’ siti web bħal dawn, inkluż għal xiri transkonfinali;

(d)

azzjonijiet li jsaħħu l-aċċess tal-konsumaturi għal informazzjoni dwar il-konsum sostenibbli tal-prodotti u s-servizzi;

(e)

appoġġ lil attivitajiet li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni li jkunu organizzati mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, dwar kwistjonijiet li jsegwu l-prijoritajiet stabbiliti tal-politika tal-Unjoni;

(f)

kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-korpi nazzjonali responsabbli mill-ilmenti bħala għajnuna għall-użu ta’ metodoloġija armonizzata għall-ikklassifikar u r-rappurtar ta’ ilmenti tal-konsumatur u ta’ inkjesti;

(g)

appoġġ lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, l-aħjar prattiki u linji gwida għall-ipparagunar tal-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà, inkluż permezz ta’ siti web li jqabblu l-prezzijiet;

(h)

appoġġ għall-komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur, inkluż billi tiġi inkoraġġita d-disseminazzjoni mill-mezzi tal-informazzjoni, ta’ informazzjoni korretta u rilevanti dwar kwistjonijiet tal-konsumatur.

7.

Tisħiħ tal-edukazzjoni tal-konsumatur bħala proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli

(a)

l-iżvilupp ta’ pjattaforma interattiva għall-iskambju tal-aqwa prattiki u ta’ materjal għal edukazzjoni tul il-ħajja tal-konsumatur b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli li għandhom diffikultajiet biex jaċċedu għall-informazzjoni tal-konsumatur u jifhmuha, sabiex jiġi żgurat li huma ma jingħatawx informazzjoni mhux korretta;

(b)

l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ edukazzjoni u materjali f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati bħal awtoritajiet nazzjonali, għalliema, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk attivi fil-livell bażiku, b’mod partikolari billi jintużaw pereżempju, ġbir, kumpilazzjoni, traduzzjoni u diffużjoni ta’ materjali prodotti fil-livell nazzjonali jew għal inizjattivi preċedenti, dwar diversi mezzi tal-informazzjoni inklużi dawk diġitali, dwar pereżempju d-drittijiet tal-konsumatur inkluż kwistjonijiet transkonfinali, is-saħħa u s-sigurtà, il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-konsumatur, il-konsum sostenibbli u etiku inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni, litteriżmu finanzjarju u fil-mezzi tal-informazzjoni.

Objettiv III

Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumaturi b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż soluzzjoni alternattiva tat-tilwim

8.

It-tħejjija mill-Kummissjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur u inizjattivi regolatorji oħra, is-sorveljar tat-traspożizzjoni mill-Istati Membri u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-impatt tagħha, kif ukoll il-promozzjoni ta’ inizjattivi koregolatorji u awtoregolatorji u s-sorveljar tal-impatt reali ta’ dawk l-inizjattivi fuq is-swieq tal-konsumaturi, inkluż:

(a)

studji u attivitajiet ta’ regolamentazzjoni intelliġenti bħal evalwazzjonijiet ex ante u ex-post, valutazzjonijiet tal-impatt, konsultazzjonijiet mal-pubbliku, evalwazzjoni u simplifikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti;

(b)

seminars, konferenzi, workshops u laqgħat ta’ partijiet interessati u esperti;

(c)

żvilupp u manutenzjoni ta’ databases aċċessibbli faċilment u pubblikament li jkopru l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

(d)

evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħudin taħt il-Programm.

9.

Faċilitazzjoni tal-aċċess għal mekkaniżmi ta’ soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, b’mod partikolari għal skemi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim, inkluż permezz ta’ sistema online madwar l-Unjoni u n-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali alternattivi għas-soluzzjoni għat-tilwim, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil miżuri adegwati għall-ħtiġijiet u d-drittjiet tal-konsumaturi vulnerabbli; il-monitoraġġ tal-funzjonament u l-effettività ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, ukoll permezz tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod rilevanti tal-IT, u l-iskambju tal-aħjar prattiki attwali u l-esperjenza eżistenti fl-Istati Membri

(a)

l-iżvilupp u manutenzjoni ta’ għodod tal-IT;

(b)

appoġġ lill-iżvilupp ta’ sistema ta’ soluzzjoni online għat-tilwim madwar l-Unjoni kollha u l-manutenzjoni tagħha, inkluż għal servizzi assoċjati bħalma hi t-traduzzjoni;

(c)

appoġġ għan-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, u għall-iskambju u d-disseminazzjoni tal-prattiki tajbin u l-esperjenzi tagħhom;

(d)

l-iżvilupp ta’ għodod speċifiċi għall-iffaċilitar tal-aċċess tal-persuni vulnerabbli għar-rimedji, li huma anqas imħajra li jirrikorru għar-rimedji.

Objettiv IV

Infurzar: li jkun sostnut l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi l-konsumaturi jiġu sostnuti permezz ta’ pariri

10.

Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u infurzar fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, inkluż:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT (bħal databases, sistemi tal-informatika u komunikazzjoni);

(b)

azzjonijiet għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kif ukoll koordinazzjoni tal-monitoraġġ u l-infurzar bħal skambji ta’ uffiċjali tal-infurzar, attivitajiet komuni, taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar u għall-membri tal-ġudikatura;

(c)

l-organizzazzjoni ta’ seminars, konferenzi, workshops u laqgħat tal-partijiet interessati u tal-esperti dwar l-infurzar;

(d)

kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar ma’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

11.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma’ korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ qligħ li jikkostitwixxu netwerks tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim xierqa, inkluż skemi ta’ soluzzjoni online barra mill-qorti (Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur), li jkopru wkoll:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT, bħal databases, sistemi tal-informatika u l-komunikazzjoni, neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur;

(b)

azzjonijiet biex jgħollu l-profil u jżidu l-viżibbiltà taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur.


(1)  Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).


ANNESS II

INDIKATURI SKONT L-ARTIKOLU 3 TA’ DAN IR-REGOLAMENT

Objettiv I

Sikurezza: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

% ta’ notifiki RAPEX li jinvolvu mill-anqas reazzjoni waħda (minn Stati Membri oħra)

RAPEX

43 % (843 notifika) fl-2010

Żieda ta’ 10 % sal-2020

Proporzjon ta’ numru ta’ reazzjonijiet/numru ta’ notifiki (riskji serji) (*)

RAPEX

1,07 % fl-2010

Żieda ta’ 15 % sal-2020

Objettiv II

Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur: biex ikun hemm progress fl-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, biex tkun żviluppata l-bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi vulnerabbli

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

Numru ta’ korpi tal-ilmenti u numru ta’ pajjiżi li jippreżentaw ilmenti lill-ECCRS

ECCRS (Sistema Ewropea ta’ Reġistrazzjoni tal-Ilmenti tal-Konsumaturi)

33 korp tal-ilmenti minn 7 pajjiżi fl-2012

70 korp tal-ilmenti minn 20 pajjiż fl-2020

Objettiv III

Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumaturi b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

% ta’ dawk il-każijiet ittrattati mill-ECCs u mhux solvuti direttament ma’ kummerċjanti li ġew referuti sussegwentement lil sistema ta’ riżoluzzjoni alternattiva tad-disputi (ADR, alternative dispute resolution)

Rapport annwali tal-ECC

9 % fl-2010

75 % sal-2020

Numru ta’ każijiet indirizzati mis-sistema online ta’ riżoluzzjoni tad-disputi (ODR, online dispute resolution) mal-Unjoni kollha.

Pjattaforma tal-ODR

17 500 (lmenti riċevuti mill-ECCs relatati mat-transazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku) fl-2010

100 000 sal-2020

% ta’ konsumaturi li ħadu azzjoni bi tweġiba għal problema li ltaqgħu magħha fl-aħħar tnax-il xahar:

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur

83 % fl-2010

90 % sal-2020

Objettiv IV

Infurzar: li jkun appoġġat l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi l-konsumaturi jiġu megħjuna permezz ta’ pariri

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

Livell ta’ fluss ta’ informazzjoni u kooperazzjoni man-Netwerk CPC:

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

medji annwalizzati 2007-2010

 

numru ta’ talbiet għal skambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet tas-CPC

 

129

żieda ta’ 30 % sal-2020

numru ta’ talbiet għal miżuri ta’ infurzar bejn awtoritajiet tas-CPC

 

142

żieda ta’ 30 % sal-2020

numru ta’ twissijiet fin-netwerk CPC

 

63

żieda ta’ 30 % sal-2020

% ta’ każijiet ta’ talbiet għal infurzar ittrattati fi żmien 12-il xahar fin-Netwerk CPC

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

50 % (perjodu ta’ referenza 2007-2010)

60 % sal-2020

% ta’ talbiet għal informazzjoni ttrattati fi żmien 3 xhur fin-Netwerk CPC

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

33 % (perjodu ta’ referenza 2007-2010))

50 % sal-2020

Numru ta’ kuntatti mal-konsumaturi ġestiti miċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC)

Rapport tal-ECC

71 000 fl-2010

Żieda ta’ 50 % sal-2020

Numru ta’ żjarat lis-siti web tal-ECCs

Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-ECC-Net

1 670 000 fl-2011

Żieda ta’ 70 % sal-2020

Dawn l-indikaturi jistgħu jkunu kkunsidrati b’rabta ma’ kuntest ġeneral u indikaturi orizzontali.


(*)  notifika tista’ tinstiga diversi reazzjonijiet minn awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra