18.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/800/PESK

tas-17 ta' Novembru 2014

li tniedi l-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) u li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/486/PESK.

(2)

Fl-20 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill approva l-pjan operattiv EUAM Ukraine.

(3)

Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u wara li EUAM Ukraine kisbet kapaċità operattiva inizjali, EUAM Ukraine għandha tiġi mnedija fl-1 ta' Diċembru 2014.

(4)

Id-Deċiżjoni 2014/486/PESK ipprevediet l-ammont ta' referenza finanzjarja ta' EUR 2 680 000 għall-perijodu sat-30 ta' Novembru 2014. Ammont ta' referenza finanzjarja ġdid għall-perijodu ta' 12-il xahar li jibda fl-1 ta' Diċembru 2014 għandu jiġi previst. Id-Deċiżjoni 2014/486/PESK għandha għalhekk tiġi emendata.

(5)

EUAM Ukraine ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine) għandha tiġi mnedija fl-1 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 2

Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUAM Ukraine huwa b'dan awtorizzat b'effett immedjat li jagħti bidu għall-eżekuzzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 3

L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata ma' EUAM Ukraine sat-30 ta' Novembru 2014 għandu jkun ta' EUR 2 680 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUAM Ukraine għall-perijodu mill-1 ta' Diċembru 2014 sat-30 ta' Novembru 2015 għandu jkun EUR 13 100 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodi sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.”

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42.