27.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/47


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Ottubru 2012

li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għan-nefqa mġarrba fil-kuntest tal-miżuri ta’ emerġenza meħuda biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 7440)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(2012/667/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li jinvolvu nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b’setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Bil-ħsieb li tingħata għajnuna biex l-influwenza avjarja tinqered malajr kemm jista’ jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-ewwel u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(3), ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxu r-regoli dwar il-perċentwali li trid tiġi applikata għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta' Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/132/UE tal-15 ta' Frar 2012 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fil-Ġermanja, fl-Italja u fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011 (3), ikkonċediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011. Fit-13 ta’ April 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw talba uffiċjali għal rimborż kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(5)

Il-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għandu jiġi soġġett għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(6)

Il-Pajjiżi l-Baxxi, b’konsistenza mal-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE, għarrfu minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar il-miżuri applikati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-notifika u l-qerda u r-riżultati tagħha. Skont kif jitlob l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005, it-talba għar-rimborż kienet akkumpanjata b’rapport finanzjarju, dokumenti ta’ prova, rapport epidemjoloġiku dwar kull stabbiliment fejn l-annimali nqatlu jew inqerdu u r-riżultati tal-awditjar rispettiv.

(7)

L-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-metodu għall-kalkolu tan-nefqa eliġibbli u l-konklużjonijiet finali ġew ikkomunikati lill-Pajjiżi l-Baxxi fil-25 ta’ April 2012 u fl-4 ta’ Ġunju 2012. Il-Pajjiżi l-Baxxi qablu permezz ta’ e-Mail bid-data tal-11 ta’ Ġunju 2012.

(8)

Konsegwentement, l-ammont totali tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011 issa jista’ jiġi stabbilit.

(9)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għan-nefqa marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-2011 hija stabbilita għal EUR 429 425,74.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2012.

Għall-Kummissjoni

Maroš ŠEFČOVIČ

Viċi President


(1)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 59, 1.3.2012, p. 34.