23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/19


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 720/2011

tat-22 ta’ Lulju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 272/2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili fir-rigward tad-dħul f’fażijiet tal-iskrining ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet fl-ajruporti tal-UE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, il-Kummissjoni teħtieġ tadotta miżuri ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali tal-istandards bażiċi komuni stabbiliti fl-Anness għal dak ir-Regolament billi tissupplimentahom.

(2)

Miżuri ġenerali li jissupplimentaw l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 (2) tat-2 ta’ April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008. B’mod partikolari, ir-Regolament (KE) Nru 272/2009 jirrikjedi li metodi, inklużi teknoloġiji, għad-detezzjoni ta’ splussivi likwidi għandhom jiġu implimentati fl-ajruporti fl-UE kollha mill-aktar fis u sa mhux aktar tard mid-29 ta’ April 2013.

(3)

Sabiex jippermetti d-dħul f’fażijiet u progressiv tal-iskrining tal-isplussivi likwidi, l-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2010 (3) stabbilixxa żewġ dati: sad-29 ta’ April 2011 għall-iskrining ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet akkwistati f’ajruport ta’ pajjiż terz inkella abbord inġenju tal-ajru ta’ trasportatur mhux Komunitarju u sad-29 ta’ April 2013 għall-iskrining tal-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet kollha.

(4)

Kif imsemmi fil-premessa 12 tar-Regolament (UE) Nru 297/2010, l-iżviluppi ta’ natura teknoloġika jew regolatorja, kemm fuq il-livell internazzjonali kif ukoll dak fuq il-livell tal-UE jistgħu jaffettwaw id-dati stipulati fir-Regolament (KE) Nru 272/2009 u kulfejn ikun xieraq, il-Kummissjoni tista’ tagħmel proposti għar-reviżjoni, b’mod partikolari b’konsiderazzjoni għall-operabbiltà tat-tagħmir u l-faċilitazzjoni tal-passiġġieri.

(5)

L-iżviluppi ta’ natura regolatorja, fil-livell internazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE seħħew ftit qabel id-29 ta’ April 2011. Minħabba din ir-raġuni, ftit huma l-ajruporti li jkunu jistgħu effettivament joffru faċilitajiet ta’ skrining u jista’ ma jkunx ċar għall-passiġġieri jekk likwidi, aerosols u ġellijiet akkwistati f’ajruport ta’ pajjiż terz jew abbord inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju se jitħallewx jidħlu f’żoni ristretti tas-sigurtà u abbord inġenju tal-ajru.

(6)

Għar-raġuni msemmija hawn, id-dispożizzjoni li tirreferi għall-obbligu tal-iskrining ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet akkwistati f’ajruport ta’ pajjiż terz jew abbord inġenju tal-ajru ta’ trasportatur tal-ajru mhux Komunitarju mid-29 ta’ April 2011 għandha titħassar.

(7)

Fir-rigward tal-paragrafu 2 tat-Taqsima B1 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-partijiet kollha konċernati u sa’ Lulju 2012 se tivvaluta s-sitwazzjoni dwar l-iskrining ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet.

(8)

Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni xierqa tar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3 tat-Taqsima B1 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009, l-Istati Membri u l-ajruporti għandhom jieħdu l-passi preparatorji neċessarji kollha, inklużi l-provi operazzjonali, ħafna qabel l-iskadenza tal-2013. L-esperjenza miksuba minn dawn il-provi għandha titqassam sabiex sa Lulju 2012 is-sitwazzjoni dwar l-iskrining ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet tkun tista’ tiġi vvalutata.

(9)

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(10)

Sabiex tkun żgurata malajr kemm jista’ jkun iċ-ċertezza legali għall-Istati Membri, l-ajruporti u l-passiġġieri, dan ir-Regolament għandu jiġi adottat bil-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u għandu japplika mid-29 ta’ April 2011.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009 huwa emendat kif stipulat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mid-29 ta’ April 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7.

(3)  ĠU L 90, 10.4.2010, p. 1.


ANNESS

Taqsima B1. Likwidi, aerosols u ġellijiet fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 272/2009 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“TAQSIMA B1.

Likwidi, aerosols u ġellijiet

1.

Likwidi, aerosols u ġellijiet għandhom jitħallew jiddaħħlu f'żoni ristretti tas-sigurtà u jittellgħu abbord inġenju tal-ajru bil-kundizzjoni li jiġu skrinjati jew eżentati mill-iskrining skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

2.

Sad-29 ta’ April 2013, l-ajruporti kollha għandhom jiskrinjaw il-likwidi, l-aerosols u l-ġellijiet skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

3.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti regolatorji kollha jkunu ġew stabbiliti sabiex ikun jista' jintuża t-tagħmir tal-iskrining tal-likwidi li jikkonforma mar-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008, fil-ħin biex tintlaħaq l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2.

4.

Fi kwalunkwe żmien partikolari qabel id-29 ta’ April 2013, l-Istati Membri jistgħu jdaħħlu rekwiżiti regolatorji li japplikaw għal kwalunkwe ajruport jew għall-ajruporti kollha biex dawn jiskrinjaw likwidi, aerosols u ġellijiet skont ir-rekwiżiti tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008. Dawn ir-rekwiżiti regolatorji għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istat Membru. Mal-wasla ta’ notifika bħal din, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħrajn kollha.

5.

Il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati b'mod ċar dwar l-ajruporti tal-UE li fihom huma permessi jdaħħlu likwidi, aerosols u ġellijiet fiż-żona ristretta tas-sigurtà u abbord l-inġenji tal-ajru, u kwalunkwe kundizzjonijiet assoċjati ma’ dan.”