19.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/1


DIRETTIVA 2011/51/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2011

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE biex testendi l-ambitu tal-applikazzjoni għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(a) u (b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (2) ma tapplikax għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (3).

(2)

Il-prospett li jinkiseb status ta’ residenza fit-tul fi Stat Membru wara ċertu żmien hu element importanti għall-integrazzjoni sħiħa tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ta’ residenza fl-Istat Membru ta’ residenza.

(3)

L-istatus ta’ residenza fit-tul għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali hu importanti wkoll għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, li hija għan fundamentali tal-Unjoni espress fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għandhom għaldaqstant ikunu jistgħu jakkwistaw status ta’ residenza fit-tul fi Stat Membru li jkun tahom protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal fil-każ ta’ ċittadini oħra ta’ pajjiż terz.

(5)

Fid-dawl tad-dritt tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu residenti fi Stati Membri barra minn dak li jkun tahom protezzjoni internazzjonali, hu neċessarju li jkun żgurat li dawk l-Istati Membri l-oħra jkunu informati bl-isfond relatat mal-protezzjoni tal-persuni konċernati sabiex jippermettulhom li josservaw l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-priniċipju tan-non-refoulement.

(6)

Il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li jkunu residenti fit-tul għandhom, taħt ċerti kondizzjonijiet, igawdu trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tal-Istati Membru ta’ residenza f’firxa wiesgħa ta’ materji ekonomiċi u soċjali sabiex l-istatus ta’ resident fit-tul jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni tar-residenti fit-tul fis-soċjetà fejn jgħixu.

(7)

It-trattament ugwali tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru li jkun tahom il-protezzjoni internazzjonali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-benefiċċji garantiti skont id-Direttiva 2004/83/KE u skont it-termini tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967 (“il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”).

(8)

Il-kondizzjonijiet iffissati fid-Direttiva 2003/109/KE li jikkonċernaw id-dritt ta’ resident fit-tul li jieħu residenza fi Stat Membru ieħor u jikseb status ta’ residenza fit-tul hemmhekk għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kollha li akkwistaw l-istatus ta’ residenza fit-tul.

(9)

It-trasferiment ta’ responsabbiltà tal-protezzjoni tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali hu barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva.

(10)

Fejn Stat Membru għandu l-intenzjoni li jkeċċi, għal raġuni prevista fid-Direttiva 2003/109/KE, benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li jkun akkwista status ta’ residenza fit-tul f’dak l-Istat Membru, dik il-persuna għandha tgawdi l-protezzjoni kontra r-refoulement garantita mid-Direttiva 2004/83/KE u mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. Għal dan l-iskop, fejn il-persuna tgawdi protezzjoni protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn dik il-persuna qiegħda preżentament tirrisjedi bħala residenti fit-tul, huwa meħtieġ li jiġi provdut, sakemm ir-refoulement ma jkunx permess mid-Direttiva 2004/83/KE, li dik il-persuna tista’ titkeċċa biss lejn l-Istat Membru li ta l-protezzjoni internazzjonali u li dan l-Istat Membru hu obbligat li jdaħħal lura lil dik il-persuna.. L-istess salvagwardji għandhom japplikaw għal benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun residenti, imma jkun għadu ma kisibx l-istatus ta’ resident fit-tul fi Stat Membru ieħor.

(11)

Fejn l-espulsjoni ta’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali barra mit-territorju tal-Unjoni hi permessa skont id-Direttiva 2004/83/KE, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jiżguraw li l-informazzjoni kollha tinkiseb minn sorsi rilevanti inkluż, fejn ikun xieraq, mill-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni internazzjonali, u li tiġi vvalutata bir-reqqa bil-ħsieb li tiggarantixxi li d-deċiżjoni li jitkeċċa l-benefiċjarju tkun konformi mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(12)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tagħha.

(13)

Skont it-termini tal-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li għandhom, safejn ikun possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(14)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, fir-rigward tal-Qasam tal-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex jipparteċipaw fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin bl-applikazzjoni tagħha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(15)

Bi qbil mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/109/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-punt (f) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(f)

‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser protezzjoni internazzjonali kif definita fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (*).

(*)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.”;"

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

huma awtorizzati jirrisjedu fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma ta’ protezzjoni għajr protezzjoni internazzjonali jew ikunu applikaw għal awtorizzazzjoni għar-residenza fuq dik il-bażi u jkunu qed jistennew deċiżjoni dwar l-istatus tagħhom;

(d)

applikaw għal protezzjoni internazzjonali u ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tagħhom;”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istabbiliment tat-13 ta’ Diċembru 1955, il-Karta Soċjali Ewropea tat-18 ta’ Ottubru 1961, il-Karta Soċjali Ewropea emendata tat-3 ta’ Mejju 1987 u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istatus Ġuridiku tal-Ħaddiema Migranti tal-24 ta’ Novembru 1977, il-paragrafu 11 tal-Iskeda għall-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967, u l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasferiment tar-Responsabilità għar-Refuġjati tas-16 ta’ Ottubru 1980.”.

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Istati Membri m’ għandhomx jagħtu status ta’ resident fit-tul fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali fil-każ tar-revoka ta’ protezzjoni internazzjonali, jew it-terminazzjoni jew iċ-ċaħda tat-tiġdid tagħha, kif stabbilit fl-Artikolu 14(3) u fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/83/KE.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fir-rigward ta’ persuni li jkun ingħatalhom l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, mill-anqas nofs il-perjodu bejn, id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni li fuq il-bażi tagħha tkun ingħatat dik il-protezzjoni internazzjonali, u, id-data li fiha jkun ingħata l-permess ta’ residenza msemmi fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/83/KE, jew dak il-perjodu kollu, jekk dan ikun ta’ aktar minn 18-il xahar, għandu jitqies fil-kalkolu tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.”.

4.

Fl-Artikolu 8, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Fejn Stat Membru joħroġ il-permess ta’ residenza UE tar-residenti fit-tul lil ċittadin ta’ pajjiż terz li tkun ingħatatlu l-protezzjoni internazzjonali, għandu jdaħħal ir-rimarka li ġejja fil-permess ta’ residenza tal-UE ta’ dak ir-residenti fit-tul, taħt it-titlu ‘Rimarki’: ‘Protezzjoni internazzjonali mogħtija minn [isem l-Istat Membru] fi [data]’.

5.   Fejn il-permess ta’ residenza fl-UE ta’ residenti fit-tul jinħareġ minn Stat Membru ieħor lil ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu diġà permess ta’ residenza fit-tul fl-UE li jkun inħareġ minn Stat Membru ieħor li jkun fih ir-rimarka li hemm referenza għaliha fil- paragrafu 4, it-tieni Stat Membru għandu jniżżel l-istess rimarka fil-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE.

Qabel mat-tieni Stat Membru jniżżel ir-rimarka li hemm referenza għaliha fil- paragrafu 4, huwa għandu jitlob lill-Istat Membru msemmi f’dik ir-rimarka biex jipprovdi informazzjoni dwar jekk ir-resident fit-tul ikunx għadu benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jirrispondi fi żmien xahar minn meta jirċievi r-rikjesta għall-informazzjoni. Fejn il-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irtirata b’deċiżjoni finali, it-tieni Stat Membru m’għandux idaħħal dik ir-rimarka.

6.   Fejn, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali rilevanti jew il-liġi nazzjonali, ir-responsabbilità għall-protezzjoni internazzjonali tar-resident fit-tul tkun ġiet ittrasferita għat-tieni Stat Membru wara li jkun inħareġ il-permess ta’ residenza UE tar-residenti fit-tul imsemmi fil-paragrafu 5, it-tieni Stat Membru għandu mhux aktar tard minn tliet xhur mit-trasferiment tar-responsabilità, jemenda r-rimarka msemmija fil-paragrafu 4.”.

5.

Fl-Artikolu 9, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Istati Membri jistgħu jirtiraw l-istatus ta’ residenti fit-tul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fil-każ tar-revoka tal-protezzjoni internazzjonali jew tat-terminazzjoni jew caħda tat-tiġdid tagħha stabbilit fl-Artikolu 14(3) jew l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/83/KE, jekk dak l-istatus ta’ residenza fit-tul kien inkiseb fuq il-bażi ta’ protezzjoni internazzjonali.”.

6.

Fl-Artikolu 11, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Għal dak li jikkonċerna l-Istat Membur li ta l-protezzjoni internazzjonali, il- paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/83/KE.”.

7.

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jkeċċi resident fit-tul li l-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE tiegħu ikun fih ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4), huwa għandu jitlob lill-Istat Membru msemmi f’dik ir-rimarka jikkonferma jekk il-persuna għadhiex benefiċjarja tal-protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru. L-Istat Membru msemmi fir-rimarka għandu jirrispondi fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għal informazzjoni.

3b.   Jekk ir-resident fit-tul jibqa’ benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru msemmi fir-rimarka, dik il-persuna għandha titkeċċa lejn dan l-Istat Membru, li għandu, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli u għall-prinċipju tal-unità tal-familja, idaħħal lura minnufih, mingħajr formalitajiet, lil dak il-benefiċjarju u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha.

3c.   B’deroga mill-paragrafu 3b, l-Istat Membru li jkun adotta d-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandu jżomm il-jedd li jibgħat, skont l-obbligi internazzjonali tiegħu, lir-resident fit-tul f’pajjiż li ma jkunx dak l-Istat Membru li kien ta l-protezzjoni internazzjonali, meta dik il-persuna tissodisfa l-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83/KE.”

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 1999/83/KE.”

(8)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 19a

Emenda għall-permessi ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul

1.   Fejn permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul ikun fih ir-rimarka li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8(4), u fejn, skont l-istrumenti internazzjonali u l-liġi nazzjonali applikabbli, r-responsabbilità għall-protezzjoni internazzjonali tiġi ttrasferita lil tieni Stat Membru qabel ma dak l-Istat Membru joħroġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul imsemmi fl-Artikolu 8(5), it-tieni Stat Membru għandu jitlob lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul biex jemenda dik ir-rimarka skont dan.

2.   Fejn resident fit-tul jingħata protezzjoni internazzjonali fit-tieni Stat Membru qabel ma dak l-Istat Membru ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul imsemmi fl-Artikolu 8(5), dak l-Istat Membru għandu jitlob lill-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul biex jemendah sabiex idaħħal ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4).

3.   Wara t-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul għandu joħroġ permess ta’ residenza fl-UE tar-residenti fit-tul emendat sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jirċievi t-talba mit-tieni Stat Membru.”.

9.

Fl-Artikolu 22, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Sakemm, fil-frattemp, ma tkunx ġiet irtirata l-protezzjoni internazzjonali jew jekk il-persuna tidħol f’waħda mill-kategoriji speċifikati fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2004/83/KE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-permess ta’ residenza fit-tul fl-UE tagħhom maħruġ mill-ewwel Stat Membru ikun fih ir-rimarka msemmija fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-Direttiva.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2004/83/KE.”

10.

Fl-Artikolu 25, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li jkunu responsabbli biex jirċievu u jibagħtu l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8, 12, 19, 19a, 22 u 23.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex josservaw din id-Direttiva sal-20 ta’ Mejju 2013. Huma għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Mejju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2011.

(2)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(3)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.