28.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 129/52


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2010

tas-27 ta’ Mejju 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkunsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (*) permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma korrispondenti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Regolamenti dwar eżenzjoni ta’ kategorija japplikaw għall-akkordji vertikali li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u jistgħu jkunu ġenerali jew speċifiċi għal settur.

(2)

Il-Kummissjoni ddefiniet kategorija ta’ akkordji vertikali li hi tqis li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat u għal dan il-għan adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (2), li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 (3).

(3)

Is-settur tal-vetturi bil-mutur, li jinkludi kemm il-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali, ilu soġġett għal regolamenti dwar eżenzjoni ta’ kategorija speċifiċi mill-1985, l-aktar reċenti huwa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (4). Ir-Regolament (KE) Nru 2790/1999 iddikjara b’mod espliċitu li ma japplikax għall-akkordji vertikali li jaqgħu fl-ambitu ta’ kwalunkwe regolament ieħor dwar eżenzjoni ta’ kategorija. Is-settur tal-vetturi bil-mutur għalhekk ma jaqax fl-ambitu ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2010. Madankollu, is-settur tal-vetturi bil-mutur għandu jkompli jibbenefika minn eżenzjoni ta’ kategorija sabiex jissimplifika l-amministrazzjoni u jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi konċernati, waqt li jiżgura superviżjoni effettiva tas-swieq skont l-Artikolu 103(2)(b) tat-Trattat.

(5)

L-esperjenza miksuba mill-2002 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda, id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u l-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur, tirrendi possibbli d-definizzjoni ta’ kategorija ta’ akkordji vertikali fis-setturi tal-vetturi bil-mutur li tista’ titqies bħala li normalment tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(6)

Din il-kategorija tinkludi akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda, akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur u akkordji vertikali għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għat-tali vetturi, fejn dawk l-akkordji jiġu konklużi bejn impriżi li mhumiex f’kompetizzjoni, bejn ċerti kompetituri, jew minn ċerti assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut jew garaxxijiet tat-tiswija. Din tinkludi wkoll akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet anċillari dwar l-għoti jew l-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. It-terminu “akkordji vertikali” għandu ikun għalhekk iddefinit biex jinkludi kemm akkordji bħal dawn kif ukoll il-prattiċi miftiehma korrispondenti.

(7)

Ċerti tipi ta’ akkordji vertikali jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika fi ħdan katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni billi jiffaċilitaw koordinazzjoni aħjar bejn l-impriżi parteċipanti. B’mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ tranżazzjoni u distribuzzjoni tal-partijiet u għal ottimizzazzjoni tal-livelli tal-bejgħ u l-investiment tagħhom.

(8)

Il-probabbiltà li dawn l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza jkunu akbar minn kull effett antikompetittiv minħabba restrizzjonijiet li jinsabu f’akkordji vertikali tiddependi fuq il-grad ta’ poter fis-suq tal-partijiet fl-akkordju u, għalhekk, fuq sa fejn dawk l-impriżi jaffaċċjaw kompetizzjoni minn fornituri oħra ta’ oġġetti jew servizzi li l-klijenti tagħhom iqisu li jkunu skambjabbli jew sostitwibbli għal xulxin, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet u l-użu maħsub tagħhom. Akkordji vertikali li fihom restrizzjonijiet li x’aktarx jirrestrinġu l-kompetizzjoni u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, jew li mhumiex indispensabbli għall-kisba tal-effetti li jsaħħu l-effiċjenza, għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(9)

Sabiex jiġi definit l-ambitu xieraq ta’ regolament dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-settur rilevanti. F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-monitoraġġ fil-fond tas-settur tal-vetturi bil-mutur imsemmija fir-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-operat tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tat-28 ta’ Mejju 2008 (5) u fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur tat-22 ta’ Lulju 2009 (6) urew li għandha ssir distinzjoni bejn akkordji dwar id-distribuzzoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda u akkordji għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil.

(10)

Fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda, ma jidhirx li hemm xi nuqqasijiet sinjifikanti ta’ kompetizzjoni li jiddistingwu dan is-settur minn setturi oħra ekonomiċi u li jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ regoli differenti u aktar stretti minn dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 330/2010. Il-limitu tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ ċerti akkordji vertikali u l-kondizzjonijiet l-oħra stipulati f’dak ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għaldaqstant, tali akkordji għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija bir-Regolament (UE) Nru 330/2010, soġġetti għall-kondizzjonijiet kollha stipulati fih.

(11)

Fir-rigward tal-akkordji dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. B’mod partikolari, l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 turi li ż-żidiet fil-prezz għal xogħol ta’ tiswija individwali huma biss parzjalment riflessi fiż-żieda fl-affidabilità ta’ karozzi moderni u t-titwil tal-intervalli bejn is-servizzi ta’ manutenzjoni. Dawn it-tendenzi tal-aħħar huma konnessi mal-evoluzzjoni teknoloġika u mal-kumplessità u affidabilità ogħla ta’ komponenti tal-vetturi bil-mutur li l-manifatturi tal-vetturi jixtru mingħand il-fornituri tat-tagħmir oriġinali. Fornituri bħal dawn ibiegħu l-prodotti tagħhom bħala partijiet tal-bdil fis-suq ta’ wara l-bejgħ kemm permezz tan-netwerks tat-tiswija awtorizzati tal-manifatturi tal-vetturi u permezz ta’ kanali indipendenti, li b’hekk jirrappreżentaw forza kompetittiva importanti fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. Il-medja tal-ispejjeż li jeħlu l-konsumaturi fl-Unjoni għas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur jirrappreżentaw proporzjon għoli ħafna tal-infiq totali tal-konsumaturi fuq il-vetturi bil-mutur.

(12)

Il-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur ukoll għandhom effett dirett fuq is-sigurezza pubblika, fis-sens li l-vetturi jistgħu jinsaqu b’mod mhux sigur jekk ma jiġux imsewwija korrettament, kif ukoll fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent, minħabba li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u materjal ieħor li jniġġes l-arja jistgħu jkunu ogħla meta jkunu ġejjin minn vetturi li ma jkunux għaddew minn xogħol ta’ manutenzjoni regolari.

(13)

Sa fejn jista’ jiġi definit suq ta’ wara l-bejgħ separat, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq għax-xiri u l-bejgħ ta’ partijiet tal-bdil, kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur, tiddependi fuq il-livell ta’ interazzjoni kompetittiva bejn garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati, jiġifieri dawk li joperaw fi ħdan netwerks tat-tiswija stabbiliti direttament jew indirettament minn manifatturi tal-vetturi, kif ukoll bejn operaturi awtorizzati u indipendenti, inklużi fornituri tal-partijiet tal-bdil u garaxxijiet tat-tiswija indipendenti. Il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jikkompetu tiddependi fuq aċċess mhux ristrett għal inputs essenzjali bħal partijiet tal-bdil u informazzjoni teknika.

(14)

Fid-dawl ta’ dawk id-dettalji speċifiċi, ir-regoli li hemm fir-Regolament (UE) Nru 330/2010, inkluż il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %, huma neċessarji iżda mhux suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jkun riżervat biss għal dawk l-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partiiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni li għalihom jista’ jiġi assunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(15)

Għaldaqstant, akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija biss jekk, flimkien mal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 330/2010, jikkonformaw ma’ rekwiżiti aktar stretti li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni li jistgħu jillimitaw il-provvista u l-użu ta’ partijiet tal-bdil fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur.

(16)

B’mod partikolari, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandux jingħata lil akkordji li jirrestrinġu l-bejgħ ta’ partijiet tal-bejgħ minn membri tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva ta’ manifattur tal-vetturi lil garaxxijiet tat-tiswija indipendenti, li jużawhom għall-provvista ta’ servizzi tat-tiswija jew manutenzjoni. Mingħajr aċċess għal dawn l-imsemmija partijiet tal-bdil, dawn is-sewwejja indipendenti ma jkunux jistgħu jikkompetu effettivament ma’ garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati, peress li ma jkunux jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b’servizzi ta’ kwalità tajba li jikkontribwixxu għal funzjonament li hu sigur u affidabbli tal-vetturi bil-mutur.

(17)

Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tat-tiswija u l-manutenzjoni u sabiex il-garaxxijiet tat-tiswija jkunu jistgħu joffru lill-utenti finali partijiet tal-bdil konkorrenti, l-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandhiex tkopri akkordji vertikali li, għalkemm jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 330/2010, jirrestrinġu l-kapaċità ta’ prodottur ta’ partijiet tal-bdil li jbiegħ tali partijiet lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ manifattur tal-vetturi, distributuri indipendenti ta’ partijiet tal-bdil, garaxxijiet tat-tiswija indipendenti jew utenti finali. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-produtturi tal-partijiet tal-bdil taħt il-liġi ċivili, jew il-kapaċità tal-manifatturi tal-vetturi li jeħtieġu garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni tagħhom li jużaw biss partijiet tal-bdil li għandhom kwalità ugwali għall-komponenti użati għall-immuntar ta’ vettura bil-mutur partikolari. Barra minn hekk, minħabba l-involviment kuntrattwali dirett tal-manifatturi tal-vetturi fit-tiswijiet taħt il-garanzija, l-isservisjar b’xejn, u l-operazzjonijiet tas-sejħiet lura, l-akkordji li fihom obbligi fuq garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati li jużaw biss partijiet tal-bdil ipprovduti mill-manifattur tal-vettura għal dawk it-tiswijiet għandhom ikunu koperti bl-eżenzjoni.

(18)

Finalment, sabiex tippermetti garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati u indipendenti u l-utenti finali biex jiddentifikaw il-manifattur tal-komponenti tal-vetturi bil-mutur jew tal-partijiet tal-bdil u biex jagħzlu bejn partijiet alternattivi, l-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandhiex tkopri akkordji li permezz tagħhom manifattur ta’ vetturi bil-mutur jillimita l-kapaċità ta’ manifattur ta’ komponenti jew partijiet tal-bdil oriġinali milli jpoġġi t-trejdmark jew logo tiegħu b’mod effettiv u viżibbli fuq dawk il-partijiet.

(19)

Sabiex jingħata żmien lill-operaturi kollha sabiex jadattaw għal dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 relatat mal-akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ u l-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda sal-31 ta’ Mejju 2013. Fir-rigward tal-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2010 sabiex tkompli tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-vetturi bil-mutur ta’ wara l-bejgħ.

(20)

Il-Kummissjoni se tkun qed timmonitorja, fuq bażi kontinwa, l-iżviluppi fis-settur tal-vetturi bil-mutur u se tieħu azzjoni rimedjali xierqa jekk jinħoloq nuqqas ta’ kompetizzjoni li jista’ jwassal għal dannu lill-konsumatur fuq is-suq tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda jew tal-forniment tal-partijiet tal-bdil jew tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur.

(21)

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċji ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (7) meta, f’każ partikolari, akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(22)

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu, meta, f’każ partikolari, akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew f’parti minnu, u fejn tali territorju jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint.

(23)

Fid-deċiżjoni dwar jekk il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għandux jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandhom importanza partikolari l-effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-eżistenza ta’ netwerks paralleli ta’ akkordji vertikali b’effetti simili li jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-aċċess għal suq rilevanti jew il-kompetizzjoni fl-istess suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu, pereżempju, jirriżultaw fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva jew obbligi li wieħed ma jikkompetix.

(24)

Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni ta’ netwerks paralleli ta’ akkordji vertikali b’effetti antikompetittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % ta’ suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b’hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa’ japplika bis-sħiħ għal dawn l-akkordji.

(25)

Huwa xieraq li jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-operat ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu eżaminati l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetizzjoni fil-bejgħ bl-imnut ta’ vetturi bil-mutur, fil-provvista ta’ partijiet tal-bdil u fis-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ wara l-bejgħ għall-vetturi bil-mutur fis-suq intern,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“akkordju vertikali” tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi;

(b)

“restrizzjoni vertikali” tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat;

(c)

“garaxx tat-tiswija awtorizzat” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur;

(d)

“distributur awtorizzat” tfisser distributur ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur;

(e)

“garaxx tat-tiswija indipendenti” tfisser:

(i)

fornitur ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li ma joperax fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita mill-fornitur tal-vetturi bil-mutur li għalihom jipprovdi t-tiswija jew il-manutenzjoni,

(ii)

garaxx tat-tiswija awtorizzat fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ fornitur speċifiku, sa fejn huwa jipprovdi servizzi ta’ tiswija jew manutenzjoni għal vetturi bil-mutur li fir-rigward tagħhom huwa mhuwiex membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-fornitur rispettiv,

(f)

“distributur indipendenti” tfisser:

(i)

distributur ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li ma joperax fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita mill-fornitur tal-vetturi bil-mutur li għalihom jiddistribwixxi l-partijiet tal-bdil;

(ii)

distributur awtorizzat fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ fornitur speċifiku, sa fejn huwa jiddistribwixxi partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li fir-rigward tagħhom huwa mhuwiex membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-fornitur rispettiv;

(g)

“vettura bil-mutur” tfisser vettura awtomotriċi maħsuba għall-użu fuq it-toroq pubbliċi u li għandha tlieta jew aktar roti għat-triq;

(h)

“partijiet tal-bdil” tfisser oġġetti li għandhom jiġu stallati fi jew fuq vettura bil-mutur ħalli jibdlu komponenti ta’ dik il-vettura, inklużi oġġetti bħal lubrikanti li huma neċessarji għall-użu ta’ vettura bil-mutur, bl-eċċezzjoni tal-karburant;

(i)

“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur sabiex jopera dik is-sistema.

2.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “fornitur”, “manifattur” u “xerrej” għandhom jinkludu l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a)

impriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:

(i)

ikollha s-setgħa li teżerċita iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii)

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii)

ikollha d-dritt li tiġġestixxi l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju;

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)

partijiet fl-akkordju jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d), jew

(ii)

parti waħda jew aktar fl-akkordju jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u terz wieħed jew aktar.

KAPITOLU II

AKKORDJI VERTIKALI DWAR IX-XIRI, IL-BEJGĦ JEW IL-BEJGĦ MILL-ĠDID TA’ VETTURI BIL-MUTUR ĠODDA

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, mill-1 ta’ Ġunju 2010 sal-31 ta’ Mejju 2013, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, jbiegħu jew jbiegħu mill-ġdid vetturi bil-mutur ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 li huma relatati speċifikament ma’ akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.

Artikolu 3

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 330/2010

B’effett mill-1 ta’ Ġunju 2013, ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 għandu japplika għal akkordji vertikali relatati max-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.

KAPITOLU III

AKKORDJI VERTIKALI DWAR IS-SUQ TA’ WARA L-BEJGĦ TAL-VETTURI BIL-MUTUR

Artikolu 4

Eżenzjoni

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur jew jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 u ma fihomx kwalunkwe klawżola fundamentali elenkata fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn dawn l-akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.

Artikolu 5

Restrizzjoniijet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

(a)

ir-restrizzjoni tal-bejgħ ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva lil garaxxijiet tat-tiswija indipendenti li jużaw dawk il-partijiet għat-tiswija jew manutenzjoni ta’ vettura bil-mutur;

(b)

ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta’ partijiet tal-bdil, għodda tat-tiswija jew tagħmir dijanjostiku jew ieħor u manifattur ta’ vetturi bil-mutur, tal-kapaċità tal-fornitur li jbiegħ dawk l-oġġetti lil distributuri awtorizzati jew indipendenti jew lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati jew indipendenti jew lill-utenti finali;

(c)

ir-restrizzjoni, miftiehma bejn manifattur ta’ vetturi bil-mutur li juża komponenti għall-immuntar inizjali ta’ vetturi bil-mutur u l-fornitur ta’ tali komponenti, tal-kapaċità tal-fornitur li jpoġġi t-trejdmark jew il-logo tiegħu b’mod effettiv u faċilment viżibbli fuq il-komponenti forniti jew fuq il-partijiet tal-bdil.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li, fejn netwerks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.

Artikolu 7

Rapport ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u tfassal rapport dwar it-tħaddim tiegħu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2021, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

Artikolu 8

Perijodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU 36, 6.3.1965, p. 533/65.

(*)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE.

(2)  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.

(4)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.

(5)  SEC(2008) 1946.

(6)  COM(2009) 388.

(7)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.