19.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 160/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 566/2008

tat-18 ta’ Ġunju 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 rigward il-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew anqas

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 121, il-punt (j) flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jipprevedi li, mill-1 ta’ Lulju 2008, il-laħam ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew anqas għandhom jiġu kummerċjalizzati skond ċerti kundizzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament, b'mod partikulari fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ l-annimali bovini f'kategoriji u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ li għandhom jintużaw. Il-punt II ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jeżiġi li, waqt il-qatla, l-annimali bovini kollha li għandhom 12-il xahar jew anqas għandhom jiġu kklassifikati f'waħda miż-żewġ kategoriji elenkati fl-Anness XIa għal dak ir-Regolament. Sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni korretta u uniformi tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2008.

(2)

L-età ta’ l-annimal waqt il-qatla u d-deskrizzjoni tal-bejgħ għandha, f'kull stadju tal-produzzjoni u l-bejgħ, tkun indikata fuq it-tikketta, skond il-punt IV ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Peress li d-daqs tal-prodotti li għandhom ikunu ttikkettati jvarja skond l-istadju tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, huwa neċessarju li jkun rekwiżit li l-indikazzjonijiet ta’ l-età u d-deskrizzjoni tal-bejgħ ikunu perfettament leġġibbli fuq it-tikketta. Barraminhekk, biex tkun żgurata t-trasparenza lejn il-konsumatur finali, l-indikazzjoni ta’ l-età ta’ l-annimal waqt il-qatla u d-deskrizzjoni tal-bejgħ għandhom ikunu ppreżentati fl-istess żona viżiva u fuq l-istess tikketta fil-mument li l-laħam jgħaddi għand il-konsumatur finali.

(3)

Skond l-Artikolu 121(j) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, għandu jkun stabbilit il-metodu prattiku ta’ kif tkun indikata l-ittra ta’ l-identifikazzjoni tal-kategorija msemmija fl-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Għal finijiet ta’ kontroll, huwa neċessarju li jkun rekwiżit li l-ittra ta’ l-identifikazzjoni tal-kategorija tkun indikata fuq il-karkassa mill-iktar fis possibbli wara li jinqatel l-annimal bovin.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-operaturi f'kull stadju tal-produzzjoni u l-bejgħ għandhom jirreġistraw l-indikazzjonijiet ta’ kwalunkwe persuna li mingħandha jkunu ġew fornuti b'laħam ta’ l-annimali bovini. Filwaqt li din it-traċċabbiltà ta’ l-ikel hija żgurata fi ħdan il-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (2), hija meħtieġa dispożizzjoni speċjali biex tiggarantixxi t-traċċabbiltà ta’ l-imsemmi laħam minn pajjiżi terzi.

(5)

Sabiex jivverifikaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u jinformaw lill-Kummissjoni dwarha, għandhom jitwettqu verifiki uffiċjali, li għandhom jinkludu wkoll is-superviżjoni tal-klassifikazzjoni ta’ l-annimali bovini fil-biċċeriji skond il-punt II ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament. Barraminhekk, l-awtoritajiet kompetenti, maħtura mill-Istati Membri għal dawn il-verifiki, għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw xi ħidmiet tagħhom ta’ verifika lil korpi terzi indipendenti skond ċerti kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti.

(6)

L-operaturi kkonċernati għandhom jagħtu aċċess għall-postijiet tagħhom u għar-reġistri kollha biex l-esperti tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti, jew fin-nuqqas tagħhom korpi terzi indipendenti jkunu jistgħu jivverifikaw l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(7)

Il-punt VIII ta’ l-Anness XIa għar-Regolamnet (KE) Nru 1234/2007 jeżiġi li l-laħam ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew inqas u importati minn pajjiżi terzi jkun biss ikkummerċjalizzat fil-Komunità skond dak ir-Regolament. Dan jirrikjedi li l-awtorità kompetenti maħtura mill-pajjiż terz ikkonċernat, jew fin-nuqqas ta’ dan, korp terz indipendenti, għandu japprova u jikkontrolla sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini, li tiggarantixxi r-rispett tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Korpi terzi indipendenti biss li huma akkreditati għal ċerti standards għandhom jitħallew jivverifikaw l-attivitajiet ta’ l-operaturi minn pajjiżi terzi li jixtiequ jikkummerċjalizzaw laħam ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew inqas fis-suq tal-Komunità.

(9)

Għandu jkun possibbli għall-Kummissjoni li titlob mingħand l-awtorità kompetenti jew il-korp terz indipendenti f'pajjiż terz l-informazzjoni kollha neċessarja biex tivverifika l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Regoli dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni u l-komunikazzjoni tagħha mill-Kummissjoni lill-Istati Membri għandhom jiġu stabbiliti. Barraminhekk, fejn jitqies neċessarju, il-Kummissjoni għandha titħalla tagħmel verifiki fuq il-post fil-pajjiżi terzi skond ċerti kundizzjonijiet.

(10)

Fejn jinstabu każijiet repetuti ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ laħam importat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond ċerti kundizzjonijiet, regoli speċifiki għall-importazzjoni ta’ dak il-laħam biex tiggarantixxi r-rispett ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u ta’ dan ir-Regolament u b'hekk tiżgura kundizzjonijiet tas-suq ugwali għal laħam prodott fil-Komunità jew importat minn pajjiżi terzi.

(11)

L-Istati Membri għandhom jinħtieġu jieħdu certi miżuri f'każ li jsibu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u jew ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew inqas skond l-Artikolu 113b tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Artikolu 2

Definizzjoni

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “awtorità kompetenti” ifisser l-awtorità ċentrali, ta’ l-Istat Membru kompetenti biex torganizza l-verifiki uffiċjali imsemmija fil-punt VII ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew kwalunkwe awtorità oħra li ngħatat din il-kompetenza; għandu jinkludi wkoll, fejn hu xieraq, l-awtorità korrispondenti tal-pajjiż terz.

Artikolu 3

Kategoriji ta’ l-annimali bovini li għandhom 12-il xahar jew anqas

Il-klassifikazzjoni fil-kategoriji msemmija fil-punt II ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tkopri:

(a)

Kategorija V: bovini mill-ġurnata tat-twelid sal-ġurnata li jagħlqu 8 xhur;

(b)

Kategorija Z: bovini mill-ġurnata wara li jagħlqu 8 xhur sal-ġurnata li jagħlqu 12-il xahar.

Artikolu 4

Informazzjoni obbligatorja fuq it-tikketta

1.   Minkejja d-dispożizzjonijiet fil-punt IV ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, immedjatament kif jinqatlu, l-ittra ta’ l-identifikazzjoni tal-kategorija msemmija fil-punt II ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament għandha tkun indikata fuq in-naħa ta’ barra tal-karkassa bl-użu ta’ tikketti jew timbri.

It-tikketti għandhom ikollhom daqs ta’ mhux inqas minn 50 cm2. L-ittra ta’ l-identifikazzjoni tal-katekorija għandha tkun perfettament leġġibli fuq it-tikketta u alterazzjonijiet għandhom ikunu permessi biss kif stabbilit fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(3) ta’ dan ir-Regolament.

Fil-każ li jkunu wżati timbri, l-ittri għandhom ikunu mhux inqas minn żewġ ċentimetri twal. L-ittri għandhom ikunu ttimbrati direttament fuq wiċċ il-laħam bl-inka indelibbli.

It-tikketti jew it-timbri għandhom jiġu applikati fuq in-naħat ta’ wara fuq il-muskolu tal-ġenbejn fil-livell tar-raba’ għadma tas-sinsla u fuq in-naħat ta’ quddiem, fuq il-brisketta bejn 10 u 30 ċentimetru mit-tarf tal-qatgħa tal-isternum.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu pożizzjonijiet oħra fuq kull waħda mill-erba' partijiet sakemm jgħarrfu lill-Kummissjoni minn qabel. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

2.   L-indikazzjonijiet dwar l-età ta’ l-annimal bovin waqt il-qatla u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fil-punt IV ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu:

(a)

perfettament leġġibbli f'kull stadju tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni;

(b)

ippreżentati fl-istess żona viżiva u fuq l-istess tikketta fil-mument li l-laħam jgħaddi għand il-konsumatur finali.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-regoli msemmija fil-punt IV ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009 u għandhom jinnotifikawha bla dewmien dwar kwalunkwe emendi għal dawn ir-regoli.

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ l-informazzjoni

Ir-reġistrazzjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fil-punt VI ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandha tinkludi wkoll indikazzjoni ta’ l-isem u l-indirizz ta’ l-operatur responsabbli għall-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni preċedenti li mingħandu ġew fornuti bil-laħam imsemmi fil-punt I ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Verifika uffiċjali

1.   Il-kontrolli uffiċjali msemmija fil-punt VII ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom jinkludu wkoll is-supervizzjoni tal-klassifikazzjoni ta’ l-annimali bovini fil-biċċeriji msemmija fil-punt II ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament.

2.   Awtorità kompetenti tista’ biss tiddelega x-xogħol tagħha ta’ verifika kollu, jew parti minnu, lil korp jew korpi terzi indipendenti, jekk hemm prova li dak il-korp:

(a)

għandu biżżejjed impjegati bil-kwalifiki u bl-esperjenza xierqa u

(b)

huwa imparzjali u ħieles minn kwalunkwe konflitt fir-rigward ta’ l-eżerċizzju tal-ħidmiet iddelegati lilu.

B'mod partikolari, l-awtorità kompetenti tista’ biss tiddelega x-xogħol tagħha ta’ verifika meta dawn il-korpi terzi indipendenti huma akkreditati li jikkonformaw ma’ l-aħħar verżjoni nnotifikata ta’ l-Istandards Ewropej EN 45011 jew l-Gwida ISO 65 (Rekweziti ġenerali għall-korpi li jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti), ippubblikata fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   Awtorità kompetenti li tixtieq tiddelega l-ħidma tagħha ta’ verifika li xi korp jew korpi terzi indipendenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan. In-notifika għandha tindika:

(a)

l-awtorità kompetenti li għandha l-intenzjoni li tiddelega xi ħidmiet ta’ verifika, u

(b)

il-korp jew il-korpi terzi indipendenti li lilhom se tiddelega dawn il-ħidmiet ta’ verifika.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri n-notifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   Il-korp terz indipendenti li qed jagħmel ħidmiet ta’ verifika għandu:

(a)

jikkomunika r-riżultati tal-verifiki magħmula lill-awtorità kompetenti fuq bażi regolari u kull meta l-awtorità kompetenti teżiġi hekk. Jekk ir-riżultati tal-verifiki jindikaw nuqqqas ta’ konformità, il-korp terz indipendenti għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti dwar dan;

(b)

jagħti aċċess lill-awtorità kompetenti għall-uffiċji u l-faċilitajiet tiegħu u jipprovdi kull informazzjoni u assistenza meqjusa neċessarja mill-awtorità kompetenti għall-qadi ta’ dmirijietha.

5.   Awtorità kompetenti li tiddelega ħidmiet ta’ verifika lil korp terz indipendent, għandha, fuq bażi regolari, tissorvelja lil dak il-korp.

Jekk, b'riżultat ta’ dik is-sorveljanza, jidher li dan il-korp ikun naqas milli jwettaq kif xieraq il-ħidmiet ta’ verifika ddelegati lilu, l-awtortità kompetenti tista’ tirtira d-delega.

L-awtorità kompetenti għandha tirtira d-delega bla dewmien jekk il-korp terz indipendenti jonqos milli jieħu azzjoni ta’ rimedju f'waqtha u xierqa.

6.   F'kull stadju tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni, l-operaturi għandhom jagħtu aċċess f'kull ħin għall-postijiet u għar-reġistri kollha li jippruvaw it-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 lill-esperti tal-Kummissjoni, lill-awtorità kompetenti u lill-korpi terzi indipendenti relevanti.

Artikolu 7

Laħam importat minn pajjiżi terzi

1.   Għall-finijiet tal-punt VIII ta’ L-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-awtorità kompetenti maħtura minn pajjiż terz, jew fin-nuqqas ta’ dan, il-korp terz indipendenti msemmi fil-punt VIII ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament, għandhom japprovaw u jikkontrollaw sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini kkonċernati mill-ġurnata tat-twelid ta’ l-annimali. Sistema bħal din għandha tipprovdi informazzjoni affidabbli dwar l-età eżatta ta’ l-annimali għall-qatla u tagħti garanziji tar-rispett tal-punt VII ta’ l-Anness XIa għal dak ir-Regolament.

2.   Il-korpi terzi indipendenti msemmija fil-punt VII ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 għandhom ikunu akkreditati li jikkonformaw ma’ l-aħħar verżjoni nnotifikata ta’ l-Istandards Ewropej EN 45011 jew l-Gwida ISO 65 (Rekwiżiti ġenerali għall-korpi li jħaddmu sistemi ta’ ċertifikazzjoni tal-prodotti), ippubblikata fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

3.   L-isem u l-indirizz, fejn possibbli bl-inkluzzjoni ta’ l-indirizz elettroniku u ta’ l-internet ta’ l-awtorità kompetenti jew il-korp terz indipendenti msemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni, bl-indikazzjoni ta’ kull operatur individwali li qegħdin jivverifikaw.

In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tkun magħmulha qabel li l-ewwel konsenja ta’ laħam ta’ kull operatur individwali tkun importata fil-Komunità u minn hemm 'il quddiem fi żmien xahar wara kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni nnotifikata.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi n-notifiki msemmija fit-tieni subparagrafu lill-Istati Membri.

4.   Fuq talba ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jew fuq inizjattiva tagħha, il-Kummissjoni tista’ fi kwalunkwe mument titlob mingħand l-awtorità kompetenti jew il-korp terz indipendenti msemmi fil-paragrafu 1 biex jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja biex tiggarantixxi t-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

Il-Kummissjoni tista’ teżiġi wkoll minn pajjiż terz li jawtorizza lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni biex iwettqu, fejn hu meħtieġ, verifiki fuq il-post f'dak il-pajjiż terz. Dawn il-verifiki għandhom jitwettqu flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz u fejn applikabbli mal-korp terz indipendenti.

5.   Fejn, fir-rigward ta’ laħam importat minn pajjiżi terzi, jinstabu każijiet speċifiċi ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, tistabbilixxi kundizzjonijiet fuq l-importazzjoni speċifika, każ b'każ u strettament fuq bażi temporanja, wara konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz ikkonċernat. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati biex jippermettu l-verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Notifiki tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u l-miżuri ta’ segwetu

1.   Meta Stat Membru jikkunsidra li l-laħam imsemmi fil-punt I ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u li ġej minn Stat Membru ieħor ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew f'dan ir-Regolament, għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru u lill-Kummissjoni.

2.   Meta Stat Membru għandu evidenza li laħam importat minn pajjiż terz kif imsemmi fil-punt VIII ta’ l-Anness XIa għar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew f'dan ir-Regolament, għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra skond il-każ.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura u azzjoni meħtieġa biex isolvu n-nuqqas ta’ konformità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jeżiġu t-tneħħija mis-suq tal-laħam ikkonċernat sakemm ikun ittikkettjat f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Kull meta ir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u dan ir-Regolament jipprevedu notifiki għall-Kummissjoni, dawn in-notifiki għandhom ikunu indirizzati lil:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali

Feks: +32-2-295 33 10

Indirizz elettroniku: agri-bovins@ec.europa.eu

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 470/2008 (ĠU L 140, 30.5.2008, p. 1).

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).