8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

672


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta’ Frar 2006

li tistabbilixxi kwestjonarju li għandu jintuża għar-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 438)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/329/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta’ Diċembru 2000, dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart (1) u b'mod partikolari, l-Artikolu 15 tagħha,

Billi:

(1)

L-Istati Membri kellhom jimplimentaw id-Direttiva 2000/76/KE qabel it-28 ta’ Diċembru 2002 u se jkollhom jagħmlu rapport dwar l-implimentazzjoni skond kwestjonarju li se jiġi żviluppat mill-Kummissjoni;

(2)

L-għan ewlieni ta' dan il-kwestjonarju huwa li, permezz tat-tweġibiet ta' l-Istati Membri, jidentifika kemm huma konsistenti l-istrateġiji għar-regolazzjoni ta' l-impjanti ta' inċinerazzjoni jew impjanti ta' koinċinerazzjoni madwar l-Istati Membri;

(3)

Il-perjodu tar-rappurtaġġ għandu jkopri l-ewwel tliet snin wara t-28 ta’ Diċembru 2002, u għandu jkun definit billi jitqiesu l-ħtiġijiet tar-rappurtaġġ tad-Direttivi 94/67/KE u 96/61/KE. Minħabba li d-Direttiva 2000/76/KE tapplika bis-sħiħ għall-impjanti kollha eżistenti mit-28.12.2005 'il quddiem, u minħabba li l-maġġoranza assoluta ta' l-impjanti mħaddma fl-UE jagħmlu parti mill-grupp ta' impjanti eżistenti, u li d-Direttiva 94/67/KE ġiet revokata mit-28 ta’ Diċembru 2005, u r-rappurtaġġ taħt id-Direttiva 96/61/KE jkopri l-perjodu ta' l-2006-2008, iż-żewġ dati inklużi, l-ewwel perjodu l-aktar xieraq għar-rappurtaġġ huwa bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2008.

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KE (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-kwestjonarju mniżżel fl-Anness għar-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE skond l-Artikolu 15 tagħha.

2.   L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta’ Jannar 2006 u għandu jitressaq lill-Kummissjoni mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2009.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta’ Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

(2)  ĠU L 377, 31.12.1991 p. 48.


ANNESS

Kwestjonarju li għandu jintuża għar-rappurtaġġ dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart

Jekk jogħġbok ħu nota: Jekk jogħġbok ipprovdi referenzi sabiex tiġi identifikata informazzjoni li tkun diġà tressqet lill-Kummissjoni.

I L-IMPLIMPENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Artikolu 2(1)

1.

Kemm hemm impjanti li qed jinċineraw l-iskart u kemm hemm impjanti li qed jikkoinċineraw l-iskart fl-Istat Membru tiegħek li jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva 2000/76/KE?

Artikolu 3

2.

Jekk jogħġbok iddeskrivi kwalunkwe problemi li ġew identifikati fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva rigward id-definizzjonijiet li ngħataw fl-Artikolu 3.

Artikolu 4(1)

3.

Kemm inħarġu permessi skond l-Artikolu 4(1) għal:

(a)

impjanti ta' inċinerazzjoni ġodda?

(b)

impjanti ta' inċinerazzjoni eżistenti?

(ċ)

impjanti ġodda ta' koinċinerazzjoni? u

(d)

impjanti eżistenti ta' koinċinerazzjoni?

Nota: L-impjanti “eżistenti” huma definiti f'paragrafu 6 ta' l-Artikolu 3. L-impjanti “ġodda” huma l-impjanti l-oħra kollha.

4.

Kien hemm xi impjanti mobbli li rċevew permessi taħt din id-Direttiva?

5.

Kemm-il impjant ta' inċinerazzjoni u kemm-il impjant ta' koinċinerazzjoni għad irid jingħatalhom il-permess skond l-Artikolu 4(1)?

Artikolu 4(4)

6.

Fejn dawn id-dejta jkunu disponibbli, indika l-kapaċità permessa ta' skart proċessat għall-:

(a)

impjanti ta' inċinerazzjoni ġodda;

(b)

impjanti ta' inċinerazzjoni eżistenti;

(ċ)

impjanti ta' koinċinerazzjoni; kif ukoll

(d)

impjanti eżistenti ta' koinċinerazzjoni.

7.

Liema kategoriji ta' skart (kif stabbilit fi ħdan il-Katalgu Ewropew ta' l-Iskart, jekk ikun possibbli) qed jiġu koinċinerati f'impjanti tas-siment?

8.

Liema kategoriji ta' skart (kif stabbilit fi ħdan il-Katalgu Ewropew ta' l-Iskart, jekk ikun possibbli) qed jiġu koinċinerati ġewwa:

(a)

Impjanti ta' kombustjoni għajr dawk tas-siment (eż. power stations)?; kif ukoll,

(b)

Setturi industrijali mhux koperti taħt l-Anness II.1 jew II.2 li jikkoinċineraw l-iskart?

9.

Jekk din l-informazzjoni hija disponibbli, jekk jogħġbok identifika l-ammonti ta' skart li jistgħu jiġu koinċinerati f'dawn l-impjanti.

Artikolu 4(5)

10.

X'dispożizzjonijiet saru fil-proċess ta' permess għal:

(a)

L-identifikazzjoni ta' kwantitajiet u kategoriji ta' skart perikoluż li jista' jiġi trattat?

(b)

Il-flussi minimi jew massimi ta' skart perikoluż li jrid jiġi trattat?

(ċ)

Il-firxa ta' valuri kalorifiċi ta' skart perikoluż permess u r-restrizzjonijiet fuq il-kontenut ta' pollutanti eż. PCB, PCP, il-kloru, il-florin, il-kubrit, il-metalli tqal?

Artikolu 5(4)

11.

Liema skart ġie klassifikat bħala “mhux xieraq” biex jittieħed kampjun rappreżentattiv?

Artikolu 6(4)

12.

Fir-rigward tal-ħinijiet u tat-temperaturi tal-forn tal-gass kif stabbiliti fl-Artikolu 6(1):

(a)

Ingħataw xi eżenzjonijiet mill-kundizzjonijiet operattivi skond l-Artikolu 6(4)? (Iva/Le)

(b)

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija (a) hija “iva”, kemm-il eżenzjoni ngħatat?

(ċ)

Fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli, jekk jogħġbok iddeskrivi r-raġunijiet għall-għoti ta' deroga/i għal kull każ, inklużi:

(i)

l-identifikazzjoni tal-kapaċità ta' l-inċineratur jew tal-koinċineratur;

(ii)

l-età (bejn wieħed u ieħor) ta' l-inċineratur, jew tal-koinċineratur, jew jekk huwiex impjant “eżistenti” kif definit fl-artikolu 3(6) jew jekk huwiex impjant ġdid;

(iii)

it-tip ta' skart inċinerat;

(iv)

kif jiġi żgurat li ma jkunx hemm iktar residwi jew li l-kontenut ta' pollutanti organiċi f'dawk ir-residwi ma jkunx aktar minn dak mistenni f'impjant mhux eżentat;

(v)

il-kundizzjonijiet operattivi mniżżla fil-permess; kif ukoll

(vi)

il-valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet li għandhom jintlaħqu mill-impjant individwali.

Artikolu 6(6)

13.

Għall-impjanti ta' inċinerazzjoni:

(a)

Kemm-il impjant “eżistenti” jirkupra sħana li tkun ġiet iġġenerata mill-proċess ta' inċinerazzjoni?; kif ukoll

(b)

Kemm-il impjant “ġdid” jirkupra sħana li tkun ġiet iġġenerata mill-proċess ta' inċinerazzjoni?

14.

Għall-impjanti ta' koinċinerazzjoni:

(a)

Kemm-il impjant “eżistenti” jirkupra sħana li tkun ġiet iġġenerata mill-proċess ta' inċinerazzjoni? u

(b)

Kemm-il impjant “ġdid” jirkupra sħana li tkun ġiet iġġenerata mill-proċess ta' inċinerazzjoni?

Artikolu 7(1)

15.

Għall-impjanti ta' inċinerazzjoni, liema miżuri huma fis-seħħ (minbarra r-rapport mitlub taħt l-Artikolu 12(2), jekk hemm xi miżuri) sabiex jassiguraw li l-impjanti jkunu disinjati, mgħammra, mibnija u mħaddma b'tali mod li l-valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet (kif stabbiliti fl-Anness V tad-Direttiva) ma jkunux maqbuża?

Artikolu 7(2)

16.

Għall-impjanti ta' koinċinerazzjoni, liema miżuri huma fis-seħħ (minbarra r-rapport mitlub taħt l-Artikolu 12(2), jekk hemm xi miżuri) sabiex jassiguraw li l-impjanti jkunu disinjati, mgħammra, mibnija u mħaddma b'tali mod li l-valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet (kif stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva) ma jinqabżux?

17.

Għall-ifran tas-siment li jinċineraw l-iskart, ingħataw xi eżenzjonijiet mil-limiti ta' emissjoni għall-NOx, trab, SO2 jew TOC skond l-Anness II.1? (Iva/Le)

(a)

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija (a) hija “iva”, kemm-il eżenzjoni ngħatat? u

(b)

Fejn dawn id-dejta jkunu disponibbli, jekk jogħġbok iddeskrivi r-raġunijiet għall-għoti ta' deroga/i għal kull każ, inkluż:

(i)

L-identifikazzjoni tal-kapaċità ta' l-impjant;

(ii)

L-identifikazzjoni ta' l-età ta' l-impjant;

(iii)

It-tip ta' skart li qed jiġi koinċinerat;

(iv)

Il-kundizzjonijiet operattivi mniżżla fil-permess; kif ukoll

(v)

Il-valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet li għandhom jintlaħqu minn kull impjant.

Artikolu 7(2) u (4)

18.

Kemm-il impjant ta' koinċinerazzjoni huwa suġġett għal-limiti ta' emissjoni msemmija fl-Anness V tad-Direttiva (i.e. koinċinerazzjoni ta' skart muniċipali li ma jkunx trattat isir minn, jew iktar minn 40 % tas-sħana rilaxxata tirriżulta mill-kombustjoni ta' skart perikoluż)?

Artikolu 7(5)

19.

Għar-rilaxx mill-impjanti ta' inċinerazzjoni lejn l-arja, ġew stabbiliti valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet kif xieraq u li jkunu addizzjonali għal dawk mogħtija fl-Anness II jew fl-Anness V? (Iva/Le)

Jekk “iva” u fejn dawn id-dejta jkunu disponibbli, jekk jogħġbok identifika:

(a)

Għal liema impjanti japplikaw (jiġifieri ta' inċinerazzjoni jew ta' koinċinerazzjoni).

(b)

Liema minn dawn l-impjanti huma “ġodda” jew “eżistenti”.

(ċ)

Liema pollutanti li japplikaw għalihom.

(d)

Għaliex huma applikati.

(e)

Il-valuri ta' limitu.

(f)

Jekk humiex sorveljati b'mod kontinwu jew diskontinwu.

Artikolu 8 (2), (3),(4) & (5)

20.

Kif inhuma determinati l-valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet għat-tnixxija ta' l-ilma ta' l-iskart minn tagħmir ta' tindif tal-gass miċ-ċumniji lejn l-ambjent akwatiku?

Artikolu 8(6)a

21.

Liema dispożizzjonijiet saru fil-permess biex ikunu kontrollati l-emissjonijiet ta' sustanzi elenkati fl-Anness IV?

Artikolu 8 (6) (b):

22.

Liema parametri operattivi ta' kontroll ġew stabbiliti fil-permess għat-tnixxija ta' l-ilma ta' l-iskart?

Artikolu 8(7)

23.

X'passi ttieħdu sabiex jassiguraw li l-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta' l-art jkunu protetti skond l-Artikolu 8(7)?

24.

Liema kriterji huma użati sabiex jassiguraw li l-ħażna tkun adegwata biżżejjed biex l-ilma jiġi ttestjat u ttrattat qabel it-tnixxija tiegħu?

Artikolu 8 (8)

25.

Jekk ġew stabbiliti valuri ta' limitu ta' l-emissjonijiet għall-pollutanti, b'żieda ma' dawk il-pollutanti speċifikati fl-Anness IV:

(a)

Għal liema impjanti japplikaw (jiġifieri għall-impjanti ta' inċinerazzjoni jew ta' koinċinerazzjoni, “ġodda” jew “eżistenti”)?

(b)

Għal liema pollutanti japplikaw?

(ċ)

Għaliex huma applikati? U

(d)

X'inhuma l-valuri ta' limitu?

Artikolu 9

26.

X'passi ttieħdu biex jiġu minimizzati l-kwantitajiet tar-residwi u l-ħsara kkaġunata minnhom li jirriżultaw mill-impjanti ta' inċinerazzjoni jew ta' koinċinerazzjoni?

Artikolu 10(1)

27.

Għall-proċessi ta' inċinerazzjoni, x'passi ttieħdu sabiex ikunu sorveljati l-parametri, l-kundizzjonijiet u l-konċentrazzjonijiet ta' massa rilevanti?

28.

Għall-proċessi ta' koinċinerazzjoni, x'passi ttieħdu sabiex ikunu sorveljati l-parametri, l-kundizzjonijiet u l-konċentrazzjonijiet ta' massa rilevanti?

Artikolu 11

29.

X'passi qegħdin jittieħdu sabiex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11(2)-(12) u (17), fir-rigward ta' l-arja, u l-Artikolu 11(9) u (14)–(17) fir-rigward ta' l-ilma?

Artikolu 11 (11)

30.

Jekk jogħġbok iddeskrivi kwalunkwe gwida uffiċjali li ġiet żviluppata dwar il-produzzjoni ta' dejta medja ta' emissjonijiet li tiġi validata ta' kuljum?

Artikolu 11 (17)

31.

X'inhuma l-proċeduri sabiex tiġi infurmata l-awtorità kompetenti f'każ ta' ksur tal-limiti ta' l-emissjonijiet?

Artikolu 12(1)

32.

X'arranġamenti saru sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tal-permess?

L-Artikolu 12 (1) & (2)

33.

Fir-rigward tad-disponibbiltà ta' l-informazzjoni matul il-proċess ta' permess:

(a)

Hemm xi informazzjoni relatata ma' aspetti ambjentali li mhijiex disponibbli pubblikament fl-applikazzjoni, fil-proċess ta' deċiżjoni u fil-permess sussegwenti?

(b)

Fejn din l-informazzjoni hija disponibbli, jekk jogħġbok speċifika:

Jekk din l-informazzjoni hijiex disponibbli mingħajr ħlas? (Iva/Le); u jekk “le”,

Il-livell ta' ħlas mitlub, u f'liema ċirkostanzi dan il-ħlas japplika.

Artikolu 12(2)

34.

Għall-impjanti ta' inċinerazzjoni b'kapaċità nominali ta' żewġ tunnellati fis-siegħa jew aktar, x'passi qegħdin jittieħdu sabiex l-operatur jintalab iressaq rapport annwali dwar it-tħaddim u s-sorveljanza fuq l-impjant lill-awtortità kompetenti?

35.

Għall-impjanti ta' koinċinerazzjoni b'kapaċità nominali ta' żewġ tunnellati fis-siegħa jew aktar, x'passi qegħdin jittieħdu sabiex l-operatur jintalab iressaq rapport annwali dwar il-funzjonament ta' l-impjant, u s-sorveljanza fuqu, lill-awtortità kompetenti?

36.

Jekk ikun provdut Rapport Annwali:

(a)

X'informazzjoni jkun fih?

(b)

Kif jista' ċittadin privat/membru tal-pubbliku jara dan ir-rapport?

37.

Kif inhuma identifikati pubblikament l-impjanti ta' inċinerazzjoni jew għall-impjanti ta' koinċinerazzjoni li jkollhom kapaċità nominali ta' inqas minn żewġ tunnellati fis-siegħa?

Artikolu 13(1)

38.

Liema kundizzjonijiet jiġu stabbiliti fil-permess sabiex jiġi kontrollat il-perjodu ta' operazzjoni ta' impjant ta' inċinerazzjoni jew ta' koinċinerazzjoni meta t-tħaddim tiegħu jkun anormali (jiġifieri waqfien, tfixkil jew nuqqas fit-tagħmir ta' monitoraġġ)?

39.

Għall-proċessi ta' inċinerazzjoni jew ta' koinċinerazzjoni, x'inhuma l-perjodi massimi ta' tħaddim permessi meta jkun hemm tħaddim anormali (jiġifieri qabel ma l-impjant ikollu jingħalaq)?

Artikolu 16

40.

X'informazzjoni għandek, jekk għandek, li tagħtik x'tifhem li d-Direttiva għandha tiġi emendata fir-rigward ta' l-Artikoli 10, 11 u 13 u, l-Annessi I u III?