8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

246


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-10 ta' Frar 2006

li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għas-sustanza attiva ġdida t-thiametoxam

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 337)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/131/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u b'mod partikolari r-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE f'Marzu ta' l-1999, Spanja rċeviet applikazzjoni minn għand in-Novartis Crop Protection AG (li issa jissejħu Syngenta) għall-inklużjoni tas-sustanza attiva thiamethoxam fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/181/KE (2) ikkonfermat li d-dossier kien komplut u jista' jiġi kkunsidrat bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għall-ħtiġijiet tad-data u l-informazzjoni stipolati fl-Annessi II u III għal dik id-Direttiva.

(2)

Kien hemm il-ħtieġa ta' konferma tal-kompletezza tad-dossier sabiex seta' jiġi eżaminat fid-dettall u sabiex l-Istati Membri setgħu jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, għal perjodi sa tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom s-sustanza attiva kkonċernata, filwaqt li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipolati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, b'mod partikolari, il-kondizzjoni dwar l-evalwazzjoni dettaljata tas-sustanza attiva u tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tal-kondizzjonijiet stipolati minn dik id-Direttiva.

(3)

Għal din is-sustanza attiva, ġew eżaminati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membru rapporteur ressaq abbozz ta' rapport evalwattiv lill-Kummissjoni fl-20 ta' Jannar 2002.

(4)

Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru rapporteur, kien hemm il-ħtieġa li tintalab iktar informazzjoni mill-applikanti u li l-Istat Membru Rapporteur jeżamina dik l-informazzjoni u li jressaq l-evalwazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dossier għadha għaddejja u mhux ser ikun possibbli li l-evalwazzjoni tiġi kkompletata fil-qafas ta' żmien stipolat fid-Direttiva 91/414/KEE.

(5)

Minħabba li l-evalwazzjoni s'issa għadha ma identifikat l-ebda raġuni ta' tħassib immedjat, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jtawlu l-awtorizzazzjonijiet proviżorja mogħtija għall-prodotti ta' protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva kkonċernata għal perjodu ta' 24 xhar b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE b'mod li tkun tista' titkompla l-eżaminazzjoni tad-dossier. Huwa mistenni li l-proċess ta' evalwazzjoni u tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta' deċiżjoni dwar il-possibilità ta' l-inklużjoni tat-thiamethoxam fl-Anness I ser jitlesta fi żmien 24 xahar.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti fuq il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom it-thiamethoxam għal perijodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, l-10 ta' Frar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/6/KE (ĠU L 12, tal-18. 1.2006, p. 21).

(2)  ĠU L 57, tat-2.3.2000, p. 35.