32004R0683



Official Journal L 106 , 15/04/2004 P. 0003 - 0005


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 683/2004

tat-13 ta’ April 2004

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 fir-rigward ta’ aflatoksini u okratoksina f’ikel tat-trabi u ghal tfal żgħar

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jippreskrivi l-proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel [1] u b’mod partikolari Artikolu 2 (3) tiegħu,

Wara li kunsidrat il-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel (SCF),

Billi:

(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 [2], jiffissa l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti f’oġġetti tal-ikel, inkluż l-ikel maħsub għat-trabi u tfal żgħar kopert bid-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar formoli tat-trabi u formoli ta’ insegwiment [3] u d-Direttiva tal-Kummissjoni 96/5/KE tas-16 ta’ Frar 1996 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel għat-trabi u t-tfal żgħar [4].

(2) Skond ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 il-livelli speċifiċi massimi ta’ kontaminanti għal ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar għandhom jiġu stabbiliti l-aktar tard sal-5 ta’ April 2004.

(3) Xi Stati membri adottaw livelli massimi għall-aflatoksin B1, aflotoksin M1 u okratoksin A f’ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar. Minħabba d-disparitajiet bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u r-riskju konsegwenti ta’ tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, huma meħtieġa miżuri tal-Komunità sabiex jiżguraw unità tas-suq waqt li joqgħodu għall-prinċipju tal-proporzjonalità.

(4) Huwa xieraq għall-protezzjoni tas-saħħa tat-trabi u t-tfal żgħar - grupp vulnerabbli tal-popolazzjoni - li jiġi stabbilit il-livell massimu l-aktar baxx, li jista’ jinkiseb permezz tal-għażla stretta tal-materja prima wżata għall-manifattura ta’ formoli tat-tfal, formoli ta’ insegwiment, ikel ipproċessat bażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi. Huwa meħtieġ li jkun jeżisti metodu validat ta’ analiżi għall-infurzar tal-livelli massimi. Għall-aflatoksin M1, għandu jiġi organizzat ċirku internazzjonali ta’ prova mill-Kummissjoni sabiex jiġi verifikat jekk livell ta’ 0,01 g/kg aflatoksin M1 jistax jiġi stabbilit b’mod ta’ min jorbot fuqu bil-ħsieb li jiġi kunsidrat tnaqqis tal-livell massimu ta’ 0,01 g/kg aflatoksin M1.

(5) Ir-Regolament (KE) Nru 466/2001 għandu għalhekk jiġi hekk emendat.

(6) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament huma konformi ma’l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’l-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 466/2001 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"2. Il-livelli massimi speċifikati fl-Anness I għandhom jgħoddu wkoll għal ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar koperti bid-Direttiva 91/321/KEE u d-Direttiva 96/5/KE, li jagħtu kont rispettivament, tal-bidliet tal-konċentrazzjoni tal-kontaminant ikkawżat permezz ta’ tnixxif, tidwib fl-ilma jew ipproċessar u l-konċentrazzjonijiet relattivi ta’l-ingredjenti fil-prodott. Dan ma għandhux jgħodd għall-kontaminanti li għalihom ġew iffissati livelli speċifiċi massimi tal-Komunità għall-ikel speċifikat jew għall-każi fejn fin-nuqqas ta’ livelli massimi tal-Komunità, ġew iffissati livelli aktar stretti fil-leġislazzjoni nazzjonali għall-ikel speċifiku."

Artikolu 2

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 466/2001 huwa emendat skond l-Anness li jinsab ma’ dan ir-Regolament

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jgħodd mill-1 ta’ Novembru 2004.

Dan ir-Regolament ma għandux jgħodd għall-prodotti li kienu mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Novembru 2004 b’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli. Il-piż tal-prova meta l-prodotti tqegħdu fis-suq għandu jinġarr mill-operatur tan-negozju ta’l-ikel.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ April 2004.

Ghall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 37, tat-13.2.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[2] ĠU L 77, tas-16.3.2001, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 455/2004 (ĠU L 74, tat-12.3.2004, p. 11).

[3] ĠU L 175, ta’ l-4.7.1991, p. 35. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/14/KE (ĠU L 41, ta’ l-14.2.2003, p. 37).

[4] ĠU L 49, tat-28.2.1996, p. 17. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2003/13/KE (ĠU L 41, ta’ l-14.2.2003, p. 33).

--------------------------------------------------

ANNESS

L-Anness I li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 466/2001 huwa emendat kif ġej:

1. Fit-Taqsima 2. Mikotoksini, 2.1. Aflatoksini il-punti li ġejjin 2.1.5, 2.1.6 u 2.1.7 huma miżjuda:

"Prodotti | Livelli massimi (μg/kg jew ppb) | Metodu ta’ kampjonar | Metodu ta’ referenza ta’l-analiżi |

B1 | B1 + B2 + G1 + G2 | M1 |

2.1.5.Ikel tat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar | 0,10 | — | — | Direttiva 1998/53/KE | Direttiva 1998/53/KE |

2.1.6Formoli tat-trabi u formoli ta’ insegwiment, inkluż ħalib tat-trabi u ħalib li jsegwi | — | — | 0,025 | Direttiva 1998/53/KE | Direttiva 1998/53/KE |

2.1.7Ikel tad-dieta għal finijiet speċjali mediċi maħsub speċifikament għat-trabi | 0,10 | — | 0,025 | Direttiva 1998/53/KE | Direttiva 1998/53/KE |

2. Fit-Taqsima 2. Mikotoksini, 2.2. Okratoksin A il-punti li ġejjin 2.2.4 u 2.2.5 huma miżjuda:

"Prodotti | Livelli massimi (μg/kg or ppb) | Metodu ta’ kampjonar | Metodu ta’ referenza ta’ l-analiżi |

2.2.4.Ikel tat-trabi u ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar | 0,50 | Direttiva 2002/26/KE | Direttiva 2002/26/KE |

2.2.5.Ikel tad-dieta għal finijiet speċjali mediċi maħsub speċifikament għat-trabi | 0,50 | Direttiva 2002/26/KE | Direttiva 2002/26/KE |

--------------------------------------------------