32004D0225



Official Journal L 068 , 06/03/2004 P. 0034 - 0035


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-2 ta' Marzu 2004

dwar mezzi ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' xi annimali ħajjin u ma' prodotti magħmula mill-annimali u li jkunu oriġinaw jew ġejjin mill-Albanija

(notifikata bid-dokument numru K(2004) 618)

(Test b'relevanza għall-ŻEE)

(2004/225/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KKE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuqannimali li jiddaħħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, filwaqt li temenda d-Direttivi 89/662/KKE, 90/425/KKE u 90/675/KKE(1), u b'mod parikolari l-Artikolu 18 tagħha [1],

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jiddaħħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 22 tagħha,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/621/KE ta' l-20 ta' Settembru 1994 fuq miżuri ta' protezzjoni li għandhom x'jaqsmu ma' annimali ħajjin u ma' prodotti magħmula mill-annimali u li joriġinaw fl-Albanija [3] jew li jkunu ġejjin mill-Albanija ġiet mibdula sostanzjalment u diversi drabi [4]. L-imsemmija Deċiżjoni għandha tiġi kkodifikata biex l-affarijiet ikunu ċari u raġonevoli.

(2) Fl-Albanija instabu każi ta' kolera.

(3) L-eżistenza tal-kolera fl-Albanija tista' tikkostitwixxi periklu serju għas-saħħa pubblika.

(4) Fl-assenza ta' nuqqas ta' garanzija għas-saħħa mill-awtoritajiet Albaniżi, għandhom jiġu projbiti l-importazzjoni ta' molluski bivalvi, ekinodermi, tunikat u kull gastropodi tal-baħar ieħor, kif ukoll ħut ħaj u frott tal-baħar bil-qoxra li jkun oriġina jew ġej mill-Albanija.

(5) Il-miżuri li qed jittieħdu f'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat Permanenti fuq il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-importazzjoni ta' molluski bivalvi, ekinodermi, tunikat u gastropodi tal-baħar ta' kull forma, kif ukoll ħut ħaj u frott tal-baħar bil-qoxra li joriġina jew ikun ġej mill-Albanija.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 94/621/KE hi rrevokata.

Ir-referenzi għad-Deċiżjoni rrevokata għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jiġu mifhuma skond it-tabella ta' korrellazzjonijiet fl-Anness II.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-2 ta' Marzu 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, pġ. 56; Id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva 96/43/KE (ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, pġ. 1).

[2] ĠU L 24, 30.01.98, pġ. 9.

[3] ĠU L 246, tal-21.9.1994, p. 25; Id-Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 95/89/KE (ĠU L 70, tat-30.3.1995, pġ. 25).

[4] Ara l-Anness I.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Id-Deċiżjoni rrevokata u l-emendi suċċessivi tagħha

Id-Deċiżjoni 94/621/KE | (ĠU L 246, tal- 21.9.1994, pġ. 25) |

Id-Deċiżjoni 94/671/KE | (ĠU L 265, tal- 15.10.1994, pġ. 62) |

Id-Deċiżjoni 94/702/KE | (ĠU L 284, ta' l- 1.11.1994, pġ. 64) |

Id-Deċiżjoni 95/89/KE | (ĠU L 70, tat- 30.3.1995, pġ. 25) |

--------------------------------------------------

ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjonijiet

Id-Deċiżjoni 94/621/EC | Id-Deċiżjoni |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2 | — |

— | L-Artikolu 2 |

L-Artikolu 4 | L-Artikolu 3 |

— | L-Anness I |

— | L-Anness II |

--------------------------------------------------