32003D0015



Official Journal L 007 , 11/01/2003 P. 0090 - 0090


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-10 ta’ Jannar 2003

li temenda d-Deċiżjoni 2002/613/KE rigward iċ-ċentri approvati għall-ġbir tas-semen fis-Slovenja

(innotifikata fid-dokument numru C(2002) 5564)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2003/15/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi l-ħtiġiet għas-saħħa ta’ l-annimali li japplikaw għall-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjonijiet tas-semen tal-bhejjem domestiċi ta’ l-ispeċi tal-fart [1], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/39/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/613/KE [3] tistabbilixxi lista tal-pajjiżi terzi li minn għandhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni tas-semen ta’ l-annimali domestiċi ta’ l-ispeċi porċina u lista taċ-ċentri tal-ġbir tas-semen minn dawn il-pajjiżi terzi approvati għall-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(2) Is-Slovenja għandha tiġi miżjuda mal-lista tal-pajjiżi terzi li minn għandhom huma awtrorizzati l-importazzjonijiet bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/613/KE, wara l-missjonijiet Komunitarji u fid-dawl tas-sitwazzjoni miksuba rigward is-saħħa ta’ l-annimali f’dan il-pajjiż.

(3) Is-servizzi veterinarji kompetenti tas-Slovenja bagħtu lista taċ-ċentri tal-ġbir tas-semen approvati uffiċjalment għall-esportazzjoni tas-semen tal-ħnieżer lejn il-Komunità.

(4) Ġew ipprovduti lill-Kummissjoni l-garanziji li jirrigwardaw il-konformità mal-ħtiġiet speċifikati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 90/429/KEE mis-servizzi veterinarji kompetenti tas-Slovenja, u dawn approvaw uffiċjalment iċ-ċentri interessati approvati tal-ġbir għall-esportazzjonijiet lejn il-Komunità.

(5) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/613/KE hija emendata kif ġej:

(a) Is-Slovenja tiżdied ma’ l-Anness II;

(b) Is-Slovenja tiżdied mat-Titolu ta’ l-Anness IV;

(ċ) fl-Anness V, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin għas-Slovenja:

L-ISO | In-Numru ta' l-approvazzjoni | L-Isem u l-indirizz taċ-ċentru approvat |

IS-SLOVENJA

SI | SI 593 | Iċ-Ċentru tal-ġbir tas-semen għall-bhejjem porċini, Murska Sobota; Il-Kamra ta' l-Agrikoltura u l-Forestrija tas-Slovenja, Iċ-Ċentru ta' l-Agrikoltura u l-Forestrija ta' Murska Sobota Štefana Kovača 40 9000 Murska Sobota |

SI | SI 594 | Iċ-ċentru tal-ġbir tas-semen għall-bhejjem porċini, Ptuj; Il-Kamra ta' l-Agrikoltura u l-Forestrija tas-Slovenja, Iċ-Ċentru ta' l-Agrikoltura u l-Forestrija ta' Ptuj Ormoška cesta 28 2250 Ptuj |

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-31 ta’ Jannar 2003.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-10 ta’ Jannar 2003.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 62.

[2] ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 21.

[3] ĠU L 196, tal-25.7.2002, p. 45.

--------------------------------------------------