31978L1032



Official Journal L 366 , 28/12/1978 P. 0028 - 0030
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0072
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0097
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0072
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0103
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0103


It-Tielet Direttiva tal-Kunsill

tad-19 ta' Diċembru 1978

dwar l-armonizzazzjoni tad-disposizzjonijiet stabbiliti b'xi liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva dwar ir-regoli ta' taxxa fuq id-dħul u taxxa tas-sisa applikabbli għal vjaġġi internazzjonali

(78/1032/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-azzjoni għar-rigward tal-eżenzjonijiet mit-taxxa mogħtija għal individwi fi vjaġġi internazzjonali għandha titkompla sabiex il-popli fl-Istati Membri jsiru aktar konxji mir-realta tas-suq intern;

Billi l-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri għandu jkun faċilitat permezz ta' żieda fl-eżenzjonijiet minn taxxa fuq id-dħul u taxxa tas-sisa, li l-ammonti tagħhom, kif stabbiliti bid-Direttiva 69/169/KEE [4], kif emendata bid-Direttiva 72/230/KEE [5], saru aktar imnaqqsa, f'termini reali, biż-żieda fl-għoli tal-ħajja fil-Komunità kollha;

Billi l-introduzzjoni tal-Unità Ewropea tal-kontijiet legali fl-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej fil-qasam tal-eżenzjonijiet mit-taxxa għandu jkollha l-effett li tnaqqas l-ammonti espressi f'munita nazzjonali li preżentement hi eliġibbli għal eżenzjoni;

Billi r-regoli li jirregolaw remissjoni tat-taxxa fl-istadju ta' bejgħ bl-imnut għandhom ikunu armonizzati sabiex jipprevjenu każijiet ta' tassazzjoni doppja bħal dawk li jirriżultaw mid-disposizzjonijiet preżenti;

Billi minħabba s-sitwazzjoni ekonomika preżenti għandha tingħata deroga tempornanja dwar kemm l-unità waħda tal-valur tal-oġġetti li ser ikunu importati ġewwa r-Renju tad-Danimarka u ġewwa l-Irlanda u r-restrizzjoni kwantitattiva fuq nbejjed bla gass li għandhom ikunu importati ġewwa r-Renju tad-Danimarka,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 69/169/KEE hu b'da emendat kif ġej:

(a) Paragrafu 1 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"1. Eżenzjoni minn taxxa fuq id-dħul u taxxa tas-sisa fuq importazzjonijiet għandha tapplika għall-oġġetti li jkunu jinsabu fil-bagalja personali ta' vjaġġatturi ġejjin mill-Istati Membri tal-Komunità sakemm dawn jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9 u 10 tat-Trattat, ikunu ġew akkwistati suġġetti għar-regoli ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fuq is-suq domestiku ta' wieħed mill-Istati Membri u ma jkollhom l-ebda kwalità kummerċjali u li l-valur totali tal-oġġetti ma jeċċeidx il-180 uniti Ewropea tal-kontijiet kull persuna."

(b) Fil-paragrafu 2, "30 uniti tal-kontijiet" għandhom ikunu sostitwiti b' "50 uniti Europea tal-kontijiet".

(ċ) Fil-paragrafu 3, "125 uniti tal-kontijiet" għandhom ikunu sostitiwiti bi "180 uniti Europea tal-kontijiet".

(d) Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"4. Meta l-vjaġġ imsemmi fil-paragrafu 1:

- jinvolvi transitu ġewwa t-territorju ta' pajjiż mhux membru; titjir mingħajr inżul fl-art m'għandux, iżda, jitqies bħala transitu skond it-tifsira ta' din id-Direttiva,

- jibda f'parti mit-territorju ta' Stat Membru ieħor li fih taxxa fuq id-dħul u/jew taxxa tas-sisa ma tkunx dovuta fuq l-oġġetti kunsmati ġewwa dak it-territorju,

il-vjaġġattur għandu jistabilixxi li l-oġġetti trasportati fil-bagalja tiegħu jkunu ġew akkwistati suġġett għall-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru u ma jikkwalifikawx għal xi rifużjoni ta' taxxa fuq id-dħul u/jew taxxa tas-sisa, li fin-nuqqas ta' dan japplika l-Artikolu 1.

5. Taħt l-ebda ċirkustanzi ma jista' l-valur totali tal-oġġetti eżentati jeċċedi l-ammont provdut fil-paragrafu 1 jew 2."

Artikolu 2

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 69/169/KEE hu b'dan emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1 (b), it-tieni partita, kolonna II "għal total ta' tlett litri" għandhom ikunu sostitwiti bi "għal total ta' erba' litri".

(b) Paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"2. Eżenzjoni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) m'għandhiex tingħata lil vjaġġatturi taħt is-17-il sena.

Eżenzjoni għall-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 (d) m'għandhiex tingħata għal vjaġġatturi li jkunu taħt il-15-il sena."

(ċ) Għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

"4. Meta l-vjaġġ imsemmi fl-Artikolu 2(1):

- jinvolvi transitu ġewwa t-territorju ta' pajjiż mhux membru; titjir mingħajr nżul m'għandux, iżda, jkun meqjus bħala transitu skond it-tifsira ta' din id-Direttiva,

- jibda f'parti mit-territorju ta' Stat Membru ieħor li fih taxxa fuq id-dħul u/jew taxxa tas-sisa ma tkunx dovuta fuq l-oġġetti kunsmati ġewwa dak it-territorju,

il-vjaġġattur għandu jistabilixxi li l-oġġetti trasportati fil-bagalja tiegħu jkunu ġew akkwistati suġġetti għall-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-tassazzjoni fis-suq domestiku ta' xi Stat Membru u ma jikkwalifikawx għal xi rifużjoni ta' taxxa fuq id-dħul u/jew taxxa tas-sisa, li fin-nuqqas ta' dan il-kwantitajiet stabbiliti fil-paragrafu 1, kolonna I, għandhom jgħoddu.

5. Taħt l-ebda ċirkustanzi ma tista' l-kwantita totali tal-oġġetti eżentati teċċedi l-kwantitajiet provduti fil-paragrafu 1, kolonna II."

Artikolu 3

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 69/169/KEE hu b'dan emendat kif ġej:

(a) Paragrafu 2 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar bejgħ fi ħwienet tal-ajruporti taħt kontroll tad-dwana u abbord ajruplan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa għar-rigward bejgħ fl-istadju ta' bejgħ bl-imnut biex jippermettu fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet provduti fil-paragrafi 3 u 4 ir-remissjoni ta' taxxa fuq id-dħul fuq konsenja ta' oġġetti mġorra fil-bagalja personali ta' vjaġġaturi li jħallu xi Stat Membru. L-ebda remissjoni ma tista' tingħata għar-rigward ta' taxxa tas-sisa."

(b) It-tielet sub-paragrafu tal-paragrafu 3 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej:

"L-Istati Membri jistgħu jeskludu lir-residenti tagħhom mill-benefiċċju ta' din ir-remissjoni tat-taxxa."

Artikolu 4

"Artikolu 7

1. Għall-fini ta' din id-Direttiva, "Unità Ewropea tal-kontijiet" (EUA) għandha tfisser kif imfissra fir-Regolamenti dwar Finanzi tal-21 ta' Diċembru 1977 [6].

2. Il-EUA ekwivalenti f'munita nazzjonali li għandha tapplika għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tkun stabbilita darba fis-sena. Ir-rati applikabbli għandhom ikunu dawk miksuba fl-ewwel jum tax-xogħol ta' Ottubru b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.

3. L-Istati Membri jistgħu jaġġustaw l-ammonti f'munita nazzjonali li tirriżulta mill-konverżjoni tal-ammonti f'EUA kif provdut fl-Artikoli 1 u 2, sakemm dak l-aġġustament ma jeċċedix iż-2 EUA.

4. L-Istati Membri jistgħu iżommu l-ammonti tal-eżenzjoni fis-seħħ fiż-żmien tal-aġġustament annwali li hemm provdut fil-paragrafu 2 jekk, qabel l-aġġustament li hemm provdut fil-paragrafu 3, konverżjoni tal-ammonti tal-eżenzjoni espressi f'EUA tista' tirriżulta f'bidla ta' inqas minn 5 % fl-eżenzjoni espressa f'munita nazzjonali."

Artikolu 5

1. Bħala deroga mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 69/169/KEE, kif emendat permezz ta'l-Artikolu 1(a) ta' din id-Direttiva:

- ir-Renju tad-Danimarka jista', sal-31 ta' Diċembru 1981, jeskludi mill-eżenzjoni tat-taxxa oġġetti li l-valur ta'l-unità tagħhom jeċċedi l-135 EUA,

- l-Irlanda tista', sal-31 ta' Diċembru 1983, teskludi mill-eżenzjoni tat-taxxa oġġetti li l-valur tal-unità tagħhom jeċċedi s-77 EUA.

2. Matul il-perjodu ta' implimentazzjoni tad-derogi msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippermettu r-remissjoni tat-taxxa, skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 69/169/KEE, fuq l-oġġetti importati ġwewa r-Renju tad-Danimarka u ġewwa l-Irlanda li huma esklużi mill-eżenzjoni f'dawk il-pajjiżi.

3. Bħala deroga mill-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 69/169/KEE, kif emendat bl-Artikolu 2(a) ta' din id-Direttiva, għar-rigward tal-importazzjoni ta' nbejjed bla gass bl-eżenzjoni minn taxxa fuq id-dħul u taxxa tas-sisa, ir-Renju tad-Danimarka jista' jżomm, sal-31 ta' Diċembru 1983, il-limitu kwantitattiv ta' tliet litri.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1979.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet li huma jadottaw biex jimplimentaw din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'dan lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-19 ta' Diċembru 1978.

Għall-Kunsill

Il-President

H.-D. Genscher

[1] ĠU C 31, 8.2.77, p. 5.

[2] ĠU C 133, 6.6.77, p. 44.

[3] ĠU C 114, 11.5.77, p. 33.

[4] ĠU L 133, ta' l-4.6.1969, p. 6.

[5] ĠU L 139, tas-17.6.1972, p. 28.

[6] ĠU L 356, tal-31.12.1977, p. 1.

--------------------------------------------------