10.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 182/1


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali

Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim tad-19 ta' Ottubru 2005 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali (1) (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”), konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE (2), kull fejn jiġu adottati miżuri ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (3), id-deċiżjoni tad-Danimarka dwar jekk għandhiex timplimenta l-kontenut ta' dawn il-miżuri għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni.

F'konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, id-Danimarka, permezz ta' ittra tal-14 ta' Jannar 2009, innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (4) sa fejn jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (“ir-Regolament Brussell I”) (5).

Ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 ġie rrevokat u sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). F'konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, id-Danimarka, permezz ta' ittra tal-20 ta' Diċembru 2012 innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 (7).

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/228 (8) kien adottat fis-17 ta' Frar 2015. F'konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, id-Danimarka, permezz ta' ittra tal-20 ta' Diċembru 2015 innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament (UE) 2015/2012.

F'konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Ftehim, in-notifika tad-Danimarka toħloq obbligi reċiproċi bejn id-Danimarka u l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/228 jikkostitwixxi emenda għall-Ftehim sa fejn dan jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1215/2012), kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 4/2009, u huwa meqjus bħala anness miegħu.

B'referenza għall-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, l-implimentazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/228 fid-Danimarka tista' sseħħ amministrattivament skont l-Artikolu 9 tal-Att dwar il-liġi Daniża Nru 1563 tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Regolament Brussell I. Il-miżuri amministrattivi neċessarji daħlu fis-seħħ fit-22 ta' April 2015.


(1)  Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta' April 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).

(5)   ĠU L 149, 12.6.2009, p. 80.

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(7)   ĠU L 79, 21.3.2013, p. 4.

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/228 tas-17 ta' Frar 2015 li jissostitwixxi l-Annessi I sa VII ta' mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f'materji relatati ma' obbligi ta' manteniment (ĠU L 49, 20.2.2015, p. 1).