| 18.7.2013 | MT | Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea | L 195/1 | 
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali
Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim tad-19 ta’ Ottubru 2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE (2), kulfejn jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3), id-Danimarka tinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha jekk timplimentax jew le l-kontenut ta’ dawn il-miżuri.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1142/2011 li jistabbilixxi l-Annessi X u XI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (4) ġie adottat fl-10 ta’ Novembru 2011. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2009, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (5) safejn dan ir-Regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (6).
F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Ftehim, id-Danimarka, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2012, innotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1142/2011. Dan ifisser li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1142/2011 se jiġu applikati għar-relazzjonijiet ta’ bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka.
F’konformità mal-Artikolu 4(4) tal-Ftehim, in-notifika tad-Danimarka toħloq obbligi reċiproċi bejn id-Danimarka u l-Komunità. Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011 jikkostitwixxi emenda għall-Ftehim safejn din temenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 4/2009, u hija meqjusa bħala annessa miegħu.
B’referenza għall-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, l-implimentazzjoni ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011 fid-Danimarka tista’ sseħħ amministrattivament skont it-Taqsima 9 tal-Att dwar il-liġi Daniża Nru 1563 tal-20 ta’ Diċembru 2006 fuq ir-Regolament Brussell I. Il-miżuri amministrattivi neċessarji daħlu fis-seħħ fil-11 ta’ Jannar 2012.
(1) ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.
(2) ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22.