5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

585


DEĊIŻJONI 3/2006 TAL-KUMITAT BEJN IL-KOMUNITÀ U L-IŻVIZZERA DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU

ta’ 27 ta’ Ottubru 2006

li temenda l-Anness mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru

(2006/785/KE)

IL-KUMITAT BEJN IL-KOMUNITÀ U L-IŻVIZZERA DWAR IT-TRASPORT BL-AJRU,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (1), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b'mod partikolari l-Artikolu 23(4) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness mal-Ftehim għandu jiġi emendat kif speċifikat fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, flimkien ma' l-Anness tagħha, għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u fil-Kompendju Uffiċjali tal-Liġi Federali Żvizzera.

Hija għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussel, 27 ta' Ottubru 2006.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Komunità

Daniel CALLEJA CRESPO

Il-Kap tad-Delegazzjoni Żvizzera

Raymond CRON


(1)  ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73.


ANNESS

Dan li ġej għandu jiżdied mal-punt 4 (Sigurtà fl-Ajru) ta' l-Anness mal-Ftehim:

“Nru 1592/2002

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘ir-Regolament’).

l-Aġenzija għandha teżerċita wkoll fl-IŻVIZZERA l-poteri mogħtija lilha taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha teżerċita wkoll fl-IŻVIZZERA l-poteri mogħtija lilha għad-deċiżjonijiet skond l-Artikoli 10(2), 10(4), 10(6), 16(4), 29(3)(i), 31(3), 32(5) u 53(4) tar-Regolament.

Minkejja l-adattament orizzontali previst fl-ewwel inċiż ta' l-Anness mal-Ftehim bejn l-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, ir-referenzi għall-‘Istati Membri’ magħmula fl-Artikolu 54 tar-Regolament jew fid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 1999/468/KE imsemmija f'dik id-dispożizzjoni ma għandhomx jiġu interpretati li japplikaw għall-IŻVIZZERA.

Xejn fir-Regolament ma għandu jiġi interpretat b'mod li jittrasferixxi xi awtorità lill-EASA sabiex taġixxi f'isem l-IŻVIZZERA taħt ftehim internazzjonali għal finijiet oħra milli sabiex tassisti fit-twettiq ta' l-obbligi tagħha skond tali ftehim.

It-test tar-Regolament għandu, għall-finijiet tal-Ftehim, jinqara bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

L-Artikolu 9 għandu jkun emendat kif gej:

(i)

Fil-paragrafu 1, il-kliem ‘jew l-IŻVIZZERA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Komunità’.

(ii)

Fil-paragrafu 2(a), il-kliem ‘jew l-IŻVIZZERA’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘il-Komunità’.

(iii)

Il-paragrafi 2 (b) u (ċ) għandhom jitħassru

(iv)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘3.   Kull meta l-Komunità tinnegozja ma' pajjiż terz sabiex tikkonkudi ftehim li jipprevedi li Stat Membru jew Aġenzija jistgħu joħroġu ċertifikati fuq bażi taċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet aeronawtiċi ta' dak il-pajjiż terz, hija għandha tagħmel dak li tista' sabiex tikseb għall-IŻVIZZERA offerta ta' ftehim simili mal-pajjiż terz in kwistjoni.

L-IŻVIZZERA għandha, min-naħa tagħha, tagħmel dak li tista' sabiex tikkonkludi ftehim ma' pajjiżi terzi li jikkorrispondu għal dawk tal-Komunità’.

(b)

Il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud ma' l-Artikolu 20:

‘4.   B'deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, persuni ta' nazzjonalità Żvizzera li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom ta' ċittadini jistgħu jkunu impjegati b'kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija.’

(ċ)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 21:

‘L-IŻVIZZERA għandha tapplika għall-Aġenzija l-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li jinsab fl-Anness A ma' dan l-Anness, skond l-Appendiċi ta' l-Anness A.’

(d)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-aħħar ta' l-Artikolu 28(2):

‘L-IŻVIZZERA għandha tipparteċipa b'mod sħiħ fil-Bord Amministrattiv u għandha jkollha fi ħdanu l-istess obbligi u drittijiet bħall-Istati Membri, ħlief id-dritt tal-vot.’

(e)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 48:

‘8.   L-IŻVIZZERA għandha tipparteċipa fil-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1(a), skond il-formula li ġejja:

S (0.2/100) + S [1 – (a+b) 0.2/100] c/C

Fejn

S

=

il-parti tal-baġit ta' l-Aġenzija li mhijiex koperta mill-miżati u l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 (b) u (ċ),

a

=

in-numru ta' Stati assoċjati,

b

=

in-numru ta' l-Istati Membri ta' l-UE,

c

=

il-kontribuzzjoni ta' l-IŻVIZZERA lejn il-baġit ta' l-ICAO,

C

=

it-total tal-kontribuzzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-UE u ta' l-Istati Assoċjati fil-baġit ta' l-ICAO.’

(f)

Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 50:

‘Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll finanzjarju mill-Komunità fl-IŻVIZZERA li jikkonċernaw il-parteċipanti fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija huma stipulati fl-Anness B ma' dan l-Anness.’

(g)

L-Anness II mar-Regolament huwa estiż sabiex jinkludi l-inġenji ta' l-ajru li ġejjin bħala prodotti li jaqgħu taħt l-Artikolu 2 paragrafu 3 (a) ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1702/2003 ta' l-24 ta' Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni sabiex inġenji ta' l-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (2):

A/c – [HB IDJ] – type ĊL600-2B19

A/c – [HB-IGM] – type Gulfstream G-V-SP

A/c – [HB-IIS, HB-IIY, HB-IMJ, HB-IVL, HB-IVZ, HB-JES] – type Gulfstream G-V

A/c – [HB-IBX, HB-IKR, HB-IMY, HB-ITF, HB-IWY] – type Gulfstream G-IV

A/c – [HB-XJF, HB-ZĊW, HB-ZDF, HB-ZDO] – type MD 900

Nru 1643/2003

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1592/2002 dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (3):

Nru 1701/2003

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-24 ta' Settembru 2003 li jadatta l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni fil-kamp ta' l-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni Ewropea (4):

Nru 104/2004

Ir-Regolament tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar 2004 li jistabbilixxi r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kompożizzjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-Aġenzija tas-Sigurta' ta' l-Avjazzjoni Ewropea” (5).


(1)  ĠU L 240, 7.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 6.

(3)  ĠU L 245, 29.9.2003, p. 7.

(4)  ĠU L 243, 27.9.2003, p. 5.

(5)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 20.

ANNESS A

PROTOKOLL DWAR PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li, skond l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Uniku u Kummissjoni Unika tal-Komunitajiet Ewropej, dawn il-Komunitajiet u l-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandhom igawdu fit-territorji ta' l-Istati Membri dawk il-privileġġi u immunitajiet li huma neċessarji għat-twettiq tal-ħidmiet tagħhom,

FTIEHMU dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu annessi ma' dan it-Trattat.

ADOTTAW DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET:

KAPITOLU I

IL-PROPRJETÀ, IL-FONDI, L-ASSI U L-OPERAZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 1

L-istabbilimenti u l-bini tal-Komunitajiet għandhom ikunu invjolabbli. Għandhom ikunu eżenti minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.

Il-proprjetà u l-assi tal-Komunitajiet ma għandhomx ikunu suġġetti għal kwalunkwe miżura ta' restrizzjoni, amministrattiva jew legali, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

L-arkivji tal-Komunitajiet għandhom ikunu invjolabbli.

Artikolu 3

Il-Komunitajiet, l-assi, id-dħul u l-proprjetà oħra tagħhom għandhom ikunu eżenti mit-taxxi diretti kollha.

Il-gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom, kull fejn ikun possibbli, jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jagħtu lura jew jirrimborżaw l-ammont ta' taxxi indiretti jew taxxi fuq il-bejgħ inklużi fil-prezz ta' mobbli jew proprjeta' immobbli, fejn il-Komunitajiet jagħmlu, għall-uzu uffiċjali tagħhhom, xiri sostanzjali li l-prezz tiegħu jinkludi taxxi ta' dan it-tip. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx ikunu applikati b'mod li jikkaġunaw distorsjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunitajiet.

L-ebda eżenzjoni ma għandha tingħata fir-rigward ta' taxxi u pagamenti oħra li jkunu dovuti bħala ħlas biss għal servizzi pubbliċi.

Artikolu 4

Il-Komunitajiet għandhom ikunu eżenti minn kull dazju doganali, projbizzjoni jew restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward ta' oġġetti li jkunu maħsuba għall-użu uffiċjali tagħhom; l-oġġetti li jkunu ġew importati b'dan il-mod ma jistgħux jiġu trasferiti, kemm jekk għal ħlas u anki jekk le, fit-territorju tal-pajjiż fejn ikunu ġew importati, ħlief taħt kondizzjonijiet li jkunu approvati mill-gvern ta' dak il-pajjiż.

Il-Komunitajiet għandhom ukoll ikunu eżenti minn kull dazju doganali u kull projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 5

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar tista' zzomm valuti ta' kull tip u topera kontijiet f'kull valuta.

KAPITOLU II

KOMUNIKAZZJONIJIET U LAISSEZ PASSER

Artikolu 6

Għall-komunikazzjonijiet uffiċjali tagħhom u t-trażmissjoni tad-dokumenti tagħhom kollha, l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom igawdu fit-territorju ta' kull Stat Membru t-trattament mogħti minn dak l-Istat lil missjonijiet diplomatiċi.

Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħra ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet ma għandhomx ikunu suġġetti għal ċensura.

Artikolu 7

1.   Id-dokumenti tal-Laissez-passer f'forma li tkun stabbilita mill-Kunsill, li għandhom ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri, jistgħu jinħarġu lill-membri u l-uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet mill-Presidenti ta' dawn l-istituzzjonijiet. Dawn id-dokumenti tal-laissez-passer għandhom jinħarġu lill-uffiċjali u ħaddiema oħra skond kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet.

Il-Kummissjoni tista' tikkonkludi ftehim sabiex dawn il-laissez-passer ikunu rikonoxxuti bħala dokumenti ta' l-ivvjaġġar validi ġewwa t-territorju ta' pajjiżi terzi.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandhom, madankollu, jibqgħu applikabbli għall-membri u ħaddiema ta' l-istituzzjonijiet li jkunu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat fil-pussess tal-laissez passer previst f'dak l-Artikolu, sa meta jkunu applikati d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU III

IL-MEMBRI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Artikolu 8

L-ebda restrizzjoni, amministrattiva jew le, ma għandha tiġi imposta fuq il-moviment ħieles tal-Membri tal-Parlament Ewropew li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom, fir-rigward tad-dwana u tal-kontroll tal-kambju, jingħataw:

(a)

mill-gvern tagħhom stess, l-istess faċilitajiet li jingħataw lil uffiċjali għoljin li jkunu qegħdin jivvjaġġaw barra l-pajjiz fuq missjonijiet uffiċjali temporanji;

(b)

mill-gvernijiet ta' Stati Membri oħra, l-istess faċilitajiet bħal dawk mogħtija lir-rappreżentanti ta' gvernijiet barranin fuq missjonijiet uffiċjali temporanji.

Artikolu 9

Il-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandhomx ikunu suġġetti għal kwalunkwe forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

Artikolu 10

Matul is-seduti tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu għandhom igawdu:

(a)

fit-territorju ta' l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

(b)

fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull mizura ta' detenzjoni u minn proċedimenti ġudizzjarji.

Bl-istess mod, l-immunità għandha tapplika għall-Membri waqt li jkunu qegħdin jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

Ma tistax tingħata immunità meta xi Membru jinqabad fl-att li jwettaq reat u hija ma għandhiex iżżomm lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu.

KAPITOLU IV

IR-RAPPREŻENTANTI TA' L-ISTATI MEMBRI LI JIEĦDU SEHEM FIX-XOGĦOL TA' L-ISTITUZZJONIJIET TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 11

Ir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jkunu qegħdin jieħdu sehem fix-xogħol ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom għandhom, fit-twettiq ta' dmirijiethom u matul il vjaġġ lejn u mill-post tal-laqgħa, igawdu dawk il-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet li jingħataw b'konswetudini.

Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-membri tal-korpi konsultattivi tal-Komunitajiet.

KAPITOLU V

UFFIĊJALI U ĦADDIEMA OĦRA TAL-KOMUNITAJIET

Artikolu 12

Fit-territorju ta' kull Stat Membru, u irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, l-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Komunitajiet:

(a)

suġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirrelataw, minn naħa waħda, mar-regoli dwar l-obbligu ta' uffiċjali u ħaddiema oħra lejn il-Komunitajiet u, min-naħa l-oħra, mal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti fi kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-uffiċjali u l- ħaddiema oħra tagħhom, għandhom ikunu immuni minn proċedimenti ġuridiċi fir-rigward ta' atti mwettqa minnhom fil-kariga uffiċjali tagħhom, inklużi kliemhom, imlissna jew miktuba. Huma għandhom jibqgħu jgawdu din l-immunità wara li jkunu spiċċaw mill-kariga tagħhom;

(b)

flimkien mal-konjuġi tagħhom u l-membri dipendenti tal-familji tagħhom, ma għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet ta' immigrazzjoni jew għall-formalitajiet tar-reġistrazzjoni tal-barranin;

(ċ)

fir-rigward tar-regolamenti dwar il-munita jew il-kambju, għandhom jingħataw l-istess faċilitajiet li b'konswetudini jingħataw lill-uffiċjali ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

għandhom ikollhom id-dritt li jimportaw bla dazju l-għamara u affarijiet tagħhom meta jidħlu għall-ewwel darba fil-kariga tagħhom fil-pajjiz konċernat, u d-dritt li jerġgħu jesportaw l-għamara u l-affarijiet tagħhom mingħajr dazju, mat-terminazzjoni tal-kariga tagħhom f'dak il-pajjiż, suġġett f'kull każ għall-kondizzjonijiet kunsidrati bħala neċessarji mill-gvern tal-pajjiz li fih dan id-dritt ikun eżerċitat;

(e)

għandhom ikollhom id-dritt li jimportaw mingħajr dazju karrozza għall-użu personali tagħhom, akkwistata fil-pajjiz ta' l-aħħar residenza tagħhom jew fil-pajjiz li tiegħu huma ċittadini skond il-kondizzjonijiet tas-suq domestiku li jkunu fis-sehh f'dak il-pajjiz, u li jerġgħu jesportawha bla ma jħallsu dazju, suġġett, f'kull każ, għall-kondizzjonijiet li l-gvern tal-pajjiż konċernat jikkunsidra bħala neċessarji.

Artikolu 13

L-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet għandhom ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stipulata mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

Huma għandhom ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet.

Artikolu 14

Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dhul, tat-taxxa fuq il-ġid u tat-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta' konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja konklużi bejn Stati Membri tal-Komunitajiet, l-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet li, għar-raġuni unika li jwettqu dmirijiethom fis-servizz tal-Komunitajiet, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta' Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż tad-domiċilju tagħhom għal finijiet ta' taxxa meta jidħlu fis-servizz tal-Komunitajiet, għandhom jitqiesu, sew fil-pajjiz tar-residenza attwali tagħhom, u kif ukoll fil-pajjiz tad-domiċilju tagħhom għal finijiet ta' taxxa, daqs li kieku żammew id-domiċilju tagħhom fil-pajjiz l-aħħar imsemmi, sakemm dak il-pajjiż ikun membru tal-Komunitajiet. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-konjuġi, sa fejn dawn ta' l-aħħar ma jkunux ingaġġati separatament f'xogħol bi qligħ, u għal tfal dipendenti u taħt il-harsien tal-persuni msemmija f'dan l-Artikolu.

Il-proprjetà mobbli li tkun tal-persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li tinsab fit-territorju tal-pajjiż fejn huma joqogħdu għandha tkun eżenti mit-taxxa tas-suċċessjoni f'dak il-pajjiż; tali propjetà għandha, għall-istima ta' din it-taxxa, tkun meqjusa bħala li tinsab fl-Istat ta' domiċilju għall-finijiet ta' taxxa, suġġett għad-drittijiet ta' pajjizi terzi u għall-applikazzjoni eventwalment possibbli tad-dispożizzjonijiet ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tassazzjoni doppja.

Kull stat ta' domiċilju li jkun akkwistat purament minħabba t-twettiq ta' dmirijiet fis-servizz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra ma għandux ikun kunsidrat meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 15

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-iskema tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għall-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet.

Artikolu 16

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni ma' l-istituzzjonijiet l-oħra konċernati, jiddetermina l-kategoriji ta' l-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet li għalihom japplikaw, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14.

L-ismijiet, il-gradi u l-indirizzi ta' l-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra inklużi f'dawn il-kategoriji għandhom jiġu komunikati perjodikament lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri.

KAPITOLU VI

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET TAL-MISSJONIJIET TA' PAJJIŻI TERZI AKKREDITATI LILL-KOMMUNITAJIET EWROPEJ

Artikolu 17

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħhu jkollhom is-sede tagħhom il-Komunitajiet għandu jagħti lill-missjonijiet ta' pajjiżi terzi akkreditati lill-Komunitajiet l-immunitajiet u l-privileġġi diplomatiċi li jingħataw b'konswetudini.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18

Il-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet għandhom jingħataw lill-uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet unikament fl-interessi tal-Komunitajiet.

Kull istituzzjoni tal-Komunitajiet għandha tneħħi l-immunità mogħtija lill-uffiċjal jew ħaddiem ieħor kull fejn dik l-istituzzjoni tqis li t-tneħħija ta' dik l-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal-Komunitajiet.

Artikolu 19

L-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet għandhom, għall-iskop li jiġi applikat dan il-Protokoll, jikkoperaw ma' l-awtoritajiet responsabbli ta' l-Istati Membri konċernati.

Artikolu 20

L-Artikoli 12 sa 15 u Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Membri tal-Kummissjoni.

Artikolu 21

L-Artikoli 12 sa 15 u l-Artikolu 18 għandhom japplikaw għall-Imħallfin, għall-Avukati Ġenerali, għar-Reġistratur u għar-Relaturi Assistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tal-Protokolli dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-immunità minn proċedimenti legali ta' l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali.

Artikolu 22

Dan il-Protokoll għandu japplika wkoll għall-Bank Ewropew ta' l-Investiment, għall-membri ta' l-organi tiegħu, għall-persunal tiegħu u għar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri li jieħdu sehem fl-attivitajiet tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Bank.

Il-Bank Ewropew ta' l-Investiment għandu, minbarra dan, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni simili f'kaz ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkollhom x'jaqsmu magħha fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. Bl-istess mod, ix-xoljiment jew l-istralċ tiegħu ma għandhom jagħtu lok għal ebda impożizzjoni. Finalment, l-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tiegħu ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

Artikolu 23

Dan il-Protokoll għandu wkoll japplika għall-Bank Ċentrali Ewropew, għall-membri ta' l-organi tiegħu u għall-persunal tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema tal-Banek Ċentrali Ewropej u l-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu, barra minn hekk, ikun eżentat minn kull għamla ta' tassazzjoni jew impożizzjoni ta' xorta simili f'każ ta' xi żieda fil-kapital tiegħu u mid-diversi formalitajiet li jistgħu jkunu marbuta magħha fl-Istat fejn il-Bank ikollu s-sede tiegħu. L-attivitajiet tal-Bank u ta' l-organi tiegħu mwettqa skond l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi taxxa fuq it-turnover.

Id-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq għandhom ukoll japplikaw għall-Istitut Monetarju Ewropew. Ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tiegħu ma għandhom jagħtu lok għall-ebda impożizzjoni.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji sottoskritti ffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul fi Brussel dan it-tmien jum ta' April fis-sena elf disa' mija u ħamsa u sittin.

 

Appendiċi għall-Anness A

Proċedura għall-applikazzjoni fl-IŻVIZZERA tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej

1.   Estensjoni ta' l-applikazzjoni għall-IŻVIZZERA

Kull meta l-Protokoll dwar privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) jinkludi referenzi għall-Istati Membri, ir-referenzi għandhom jiġu interpretati li japplikaw bl-istess mod għall-IŻVIZZERA sakemm id-dispożizzjonijiet li ġejjin ma jiddeterminawx mod ieħor.

2.   Eżenzjoni għall-Aġenzija mit-taxxi indiretti (inkluża l-VAT)

L-oġġetti u s-servizzi esportati mill-IŻVIZZERA mhumiex suġġetti għat-taxxa fuq il-valur mizjud Żvizzera (VAT). Fil-kaz ta' oġġetti u servizzi pprovduti lill-Aġenzija fl-IŻVIZZERA għall-uzu uffiċjali tagħha, l-eżenzjoni mill-VAT issir permezz ta' rifużjoni, konformi ma' l-Artikolu 3, it-tieni paragrafu, tal-Protokoll. L-eżenzjoni mill-VAT tingħata jekk il-prezz tax-xiri attwali ta' l-oġġetti u s-servizzi msemmija fil-fattura jew id-dokument ekwivalenti ikollu total ta' għall-inqas 100 Frank Svizzeru (inkluża t-taxxa).

Il-ħlas lura tal-VAT jingħata mal-preżentazzjoni tal-formoli Svizzeri provduti appositament lit-Taqsima Ewlenija tal-VAT ta' l-Amministrazzjoni Federali tat-Taxxa. Bħala regola, l-applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom jiġu proċessati fi żmien tliet xhur minn meta jkunu saru akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa ta' appoġġ.

3.   Proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli li jirrelataw mal-persunal ta' l-Aġenzija

Fir-rigward tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 tal-Protokoll, l-IŻVIZZERA għandha teżenta, skond il-prinċipji tal-liġi nazzjonali tagħha, l-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra ta' l-Aġenzija fis-sens ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 (1) minn taxxi federali, kantonali u komunali fuq salarji, pagi u emolumenti li jitħallsu lilhom mill-Komunità u suġġetti għal taxxa interna għal benefiċċju tagħha stess.

L-IŻVIZZERA ma għandhiex tkun meqjusa bħala Stat Membru fis-sens tal-punt 1 ta' dan l-Appendiċi għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 14 tal-Protokoll.

L-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra ta' l-Aġenzija kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jkunu membri tas-sistema ta' l-assigurazzjoni soċjali applikabbli għall-uffiċjali u l- ħaddiema l-oħra tal-Komunità ma għandhomx ikunu obbligati jidħlu fis-sistema Żvizzera ta' l-assigurazzjoni soċjali.

Il-Qorti tal-Gustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha kompetenza esklussiva fil-kwistjonijiet kollha dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Aġenzija jew il-Kummissjoni u l-persunal tagħhom għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE, KEFA) Nru 259/68 (2) u d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja li jistipulaw il-kondizzjonijiet tax-xogħol.


(1)  Ir-Regolament (EURATOM, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 1969 li jistabbilixxi l-kategoriji ta' uffiċjali u ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej li lilhom id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet japplikaw (ĠU L 74, 27.3.1969, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1749/2002 (ĠU L 264, 2.10.2002, p. 13).

(2)  Ir-Regolament Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 tal-Kunsill li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta' l-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistitwixxu miżuri speċjali temporanji applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2104/2005 (ĠU L 337, 22.12.2005, p. 7).

ANNESS B

KONTROLL FINANZJARJU FIR-RIGWARD TAL-PARTEĊIPANTI FL-ATTIVITAJIET TA' L-AĠENZIJA TAS-SIGURTÀ TA' L-AVJAZZJONI EWROPEA

Artikolu 1

Komunikazzjoni diretta

L-Aġenzija u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw direttament mal-persuni u ma' l-entitajiet kollha stabbiliti fl-IŻVIZZERA li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija, bħala kuntratturi, parteċipanti fi programmi ta' l-Aġenzija, reċipjenti ta' pagamenti mill-baġit ta' l-Aġenzija jew tal-Komunità, jew bħala sub-kuntratturi. Tali persuni jistgħu jibagħtu direttament lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija kull informazzjoni u dokumentazzjoni relevanti li jkunu meħtieġa li jikkomunikaw fuq il-bazi ta' l-istrumenti msemmija f'din id-Deċiżjoni u tal-kuntratti u l-konvenzjonijiet konklużi kif ukoll deċizjonijiet meħuda konformement magħhom.

Artikolu 2

Verifika ta' kontijiet

1.   Konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1) u r-regolamenti finanzjarji adottati mill-Bord Amministrattiv ta' l-Aġenzija, u konformement tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju kwadru għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), kif ukoll ma' l-istrumenti l-oħra imsemmija f'din id-Deċiżjoni, il-kuntratti jew il-ftehim konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda ma' benefiċjarji stabbiliti fl-IŻVIZZERA jistgħu jipprevedu l-eżekuzzjoni ta' verifiki xjentifiċi, finanzjarji, teknologiċi jew oħrajn, fi kwalunkwe żmien, fis-sedi tal-benefiċjarji jew tas-sub-kuntratturi tagħhom mill-uffiċjali ta' l-Agenzija u tal-Kummissjoni jew minn persuni oħra mqabbda mill-Aġenzija u l-Kummissjoni.

2.   L-uffiċjali ta' l-Aġenzija u tal-Kummissjoni, kif ukoll persuni oħra mqabbda mill-Aġenzija u mill-Kummissjoni, għandhom ikollhom aċċess xieraq għas-siti, xogħlijiet u dokumenti kif ukoll għal kull tagħrif meħtieġ, inkluż dak f'format elettroniku, sabiex jagħmlu dawn il-verifiki b'mod effettiv. Dan id-dritt għall-aċċess għandu jiġi stipulat b'mod espliċitu fil-kuntratti jew ftehim konklużi għall-implimentazzjoni ta' l-strumenti msemmija f'din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Qorti ta' l-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni.

4.   Il-verifiki jistgħu jsiru sa ħames snin wara l-iskadenza ta' din id-Deċiżjoni jew skond it-termini previsti fil-kuntratti jew ftehim konklużi u d-deċizjonijiet meħuda.

5.   L-Uffiċċju Federali tal-Verifika Svizzeru għandu jiġi mgħarraf minn qabel bil-verifiki li jsiru fuq it-territorju Svizzeru. Dan it-tagħrif ma għandux ikun kondizzjoni legali għat-twettiq ta' tali verifiki.

Artikolu 3

Verifiki fuq il-post

1.   Taħt din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni (OLAF) hija awtorizzata twettaq verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post fit-territorju Svizzeru, skond it-termini u l-kondizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2185/96 tal-Kunsill, tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (3).

2.   Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitmexxew mill-Kummissjoni f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Uffiċċju tal-Verifika Federali Svizzeru jew ma' awtoritajiet Svizzeri kompetenti oħra maħtura mill-Uffiċċju tal-Verifika Federali Svizzeru, li għandhom jiġu notifikati fi żmien adegwat dwar l-oġġett, l-għan u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Għal dak il-għan, l-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti Svizzeri jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u ispezzjonijiet fuq il-post.

3.   Jekk l-awtoritajiet Svizzeri konċernati jkunu jixtiequ hekk, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jitwettqu konġuntement bejnhom u l-Kummissjoni.

4.   F'kaz fejn il-parteċipanti fil-programm jirreżistu verifika jew ispezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Svizzeri, li jaġixxu skond id-dipozizzjonijiet nazzjonali, għandhom jagħtu lill-ispetturi tal-Kummissjoni dik l-għajnuna li tkun meħtieġa li tippermettilhom jagħmlu dmirijiethom fit-twettiq tal-verifika jew ispezzjoni fuq il-post.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta, malajr kemm jista' jkun, lill-Uffiċċju tal-Verifika Federali Svizzeru kull fatt jew suspett, relatat ma' xi irregolarità, li tkun saret taf bih fil-kors tal-verifika jew ispezzjoni fuq il-post. F'kull każ, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tgħarraf lill-awtorità msemmija qabel dwar ir-rizultat ta' tali verifiki u ispezzjonijiet.

Artikolu 4

Informazzjoni u konsultazzjoni

1.   Għall-finijiet ta' l-implimentazzjoni korretta ta' dan l-Annness, l-awtoritajiet kompetenti Svizzeri u Komunitarji għandhom jiskambjaw regolarment u, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet, imexxu konsultazzjonijiet.

2.   L-awtoritajiet kompetenti Svizzeri għandhom jgħarrfu lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar kull fatt jew suspett li jkunu saru jafu bih relatat ma' xi irregolarità b'konnessjoni mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jew ftehim konklużi fl-applikazzjoni ta' l-istrumenti msemmija f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Kunfidenzjalità

L-informazzjoni komunikata jew miksuba, fi kwalunkwe forma tkun, skond dan l-Anness, għandha tkun koperta mis-segretezza professjonali u protetta bl-istess mod li bih tkun protetta informazzjoni simili mil-ligi Żvizzera u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet Komunitarji. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi komunikata lil persuni diversi minn dawk li, fl-istituzzjonijiet Komunitarji, fl-Istati Membri jew fl-IŻVIZZERA, jeħtieġu, minħabba l-funzjoni tagħhom, li jkunu jafuha u lanqas ma għandha tintuża għal għanijiet diversi minn dak li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva ta' l-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6

Miżuri u sanzjonijiet amministrattivi

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Żvizzera, jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni miżuri ammistrattivi u penali konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2342/2002, kif ukoll mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (4).

Artikolu 7

Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni fl-ambitu ta' din id-Deċiżjoni li jimponu obbligu pekunjarju fuq persuni diversi minn Stati għandhom ikunu infurzabbli fl-IŻVIZZERA.

L-ordni ta' infurzar għandha tinħareġ, mingħajr ebda kontroll iehor ħlief il-verifika ta' l-awtentiċità ta' l-att, mill-awtorità nominata mill-gvern Svizzeru, li għandu jgħarraf lill-Aġenzija jew lill-Kummissjoni b'dan. L-infurzar għandu jseħħ konformement mar-regoli ta' proċedura Svizzeri. Il-legalità tad-deċiżjoni ta' l-infurzar għandha tkun suġġetta għal kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

Id-deċizjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond xi klawsola ta' arbitraġġ għandhom ikunu infurzabbli bl-istess termini.


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(3)  ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(4)  ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.