02014D0512 — MT — 02.12.2017 — 009.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/512/PESK

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

(ĠU L 229 31.7.2014, p. 13)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/659/PESK tat-8 ta' Settembru 2014

  L 271

54

12.9.2014

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/872/PESK tal-4 ta' Diċembru 2014

  L 349

58

5.12.2014

 M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/971 tat-22 ta' Ġunju 2015

  L 157

50

23.6.2015

►M4

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1764 tal-1 ta' Ottubru 2015

  L 257

42

2.10.2015

 M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2431 tal-21 ta' Diċembru 2015

  L 334

22

22.12.2015

 M6

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1071 tal-1 ta' Lulju 2016

  L 178

21

2.7.2016

 M7

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/2315 tad-19 ta' Diċembru 2016

  L 345

65

20.12.2016

►M8

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1148 tat-28 ta' Ġunju 2017

  L 166

35

29.6.2017

►M9

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2214 tat-30 ta' Novembru 2017

  L 316

20

1.12.2017


Ikkoreġut b'

 C1

Rettifika, ĠU L 263, 3.9.2014, p.  35 (2014/512/PESK)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/512/PESK

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina



▼M1

Artikolu 1

1.  Il-bejgħ jew ix-xiri b'mod dirett jew indirett, il-forniment b'mod dirett jew indirett ta' servizzi ta' investiment jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità li taqbeż id-90 jum, maħruġa wara l-1 ta' Awwissu 2014 sat-12 ta' Settembru 2014, jew b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a) istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet tal-iżvilupp finanzjarju ewlenin stabbiliti fir-Russja b'aktar minn 50 % sjieda pubblika jew kontroll pubbliku fl-1 ta' Awwissu 2014, kif elenkati fl-Anness I;

(b) kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra l-Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta' entità elenkata fl-Anness I; jew

(c) kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem jew fuq ordni ta' entità fil-kategorija msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew elenkata fl-Anness I;

għandhom ikunu pprojbiti.

2.  Il-bejgħ jew ix-xiri b'mod dirett jew indirett, il-provvista b'mod dirett jew indirett ta' servizzi ta' investiment, jew l-assistenza fil-ħruġ, jew kwalunkwe negozjar ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità li taqbeż it-30 jum, maħruġa wara t-12 ta' Settembru 2014 minn:

(a) entitajiet stabbiliti fir-Russja involuti b'mod predominanti u b'attivitajiet kbar fil-konċepiment, il-produzzjoni, il-bejgħ jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew servizzi militari, kif elenkat fl-Anness II, bl-eċċezzjoni ta' entitajiet li huma attivi fis-setturi tal-ispazju u l-enerġija nukleari;

(b) entitajiet stabbiliti fir-Russja li huma kkontrollati pubblikament jew b'sjieda pubblika ta' aktar minn 50 % li għandhom assi totali stmati ta' aktar minn triljun rublu Russu u li tal-inqas 50 % tad-dħul stmat tagħhom joriġina mill-bejgħ jew it-trasport ta' prodotti taż-żejt mhux maħdum jew ta' prodotti petroliferi fit-12 ta' Settembru 2014, kif elenkat fl-Anness III;

(c) kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp stabbilit barra l-Unjoni li aktar minn 50 % minnhom huma proprjetà ta' entità msemmija fil-punti (a) u (b); jew

(d) kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxu f'isem, jew taħt id-direzzjoni, ta' entità fil-kategorija msemmija fil-punt (c) jew elenkata fl-Anness II jew III,

għandhom ikunu pprojbiti.

▼M2

3.  Għandu jkun ipprojbit li, b'mod dirett jew indirett, wieħed jagħmel jew ikun parti minn arranġament biex jagħmel self jew kreditu ġdid b'maturità li taqbeż it-30 jum lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2, wara t-12 ta' Settembru 2014 ħlief għal self jew kreditu li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament għal importazzjonijiet jew esportazzjonijiet, diretti jew indiretti, mhux projbiti ta' prodotti u ta' servizzi mhux finanzjarji bejn l-Unjoni u kwalunkwe Stat terz ieħor jew għal self li jkollu objettiv speċifiku u dokumentat li jipprovdi finanzjament ta' emerġenza biex jissodisfa kriterji ta' solvenza u likwidità għal persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni, li aktar minn 50 % tad-drittijiet proprjetarji tagħhom ikunu ta' entità msemmija fl-Anness I.

▼M2

4.  Il-projbizzjoni fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għal użu ta' kreditu disponibbli jew ħlasijiet magħmula taħt kuntratt konkluż qabel it-12 ta' Settembru 2014 jekk:

(a) it-termini u kondizzjonijiet kollha ta' dan l-użu ta' kreditu jew ta' dawn il-ħlasijiet:

(i) kienu miftehmin qabel it-12 ta' Settembru 2014; u

(ii) ma ġewx emendati f'dik id-data jew warajha; u

(b) qabel it-12 ta' Settembru 2014 kienet ġiet iffissata data ta' skadenza kuntrattwali għar-rimborż sħiħ tal-fondi kollha li kienu saru disponibbli u għall-kanċellament tal-impenji, drittijiet u obbligi kollha taħt il-kuntratt.

It-termini u l-kondizzjonijiet tal-użu ta' kreditu disponibbli u ħlasijiet imsemmijin f'dan il-paragrafu jinkludu dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tul tal-perijodu tar-rimborż għal kull użu ta' kreditu disponibbli jew ħlas, ir-rata ta' imgħax applikata jew il-metodu tal-kalkolu tar-rata ta' imgħax, u l-ammont massimu.

▼B

Artikolu 2

1.  Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni dirett jew indirett ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, lir-Russja minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.  Għandu jkun projbit:

(a) li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għalihom, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

(b) li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni jew garanzija tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-armamenti u ta' materjal relatat, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

3.  L-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport tal-armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, mir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti.

▼M2

4.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment ta' partijiet ta' rikambju u servizzi meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta' kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni.

▼M4

5.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għal:

(a) il-bejgħ, il-forniment jew l-esportazzjoni, u l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar;

(b) l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin dimetil mhux simmetriku (CAS 57-14-7),

(c) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, u l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport ta' idrażin monometil (CAS 60-34-4),

għall-użu ta' lanċaturi operati minn fornituri Ewropej ta' servizzi ta' llanċar, jew għall-użu ta' operazzjonijiet ta' llanċar ta' programmi spazjali, jew għar-riforniment ta' satelliti minn produtturi ta' satelliti minn produtturi Ewropej ta' satelliti.

L-ammont ta' kull esportazzjoni ta' idrażin għandu jiġi kkalkolat skont l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet ta' llanċar jew is-satelliti li għalihom ikun sar u ma għandux jeċċedi kwantità totali ta' 800 Kg għal kull operazzjoni individwali ta' llanċar jew satellita. L-ammont ta' kull esportazzjoni ta' idrażin monometil għandu jiġi kkalkolat skont l-operazzjoni jew l-operazzjonijiet ta' llanċar jew is-satelliti li għalihom ikun sar.

▼M9

5a.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 3 ma għandhomx japplikaw għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni u għall-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport tal-idrażina (CAS 302-01-2) f'konċentrazzjonijiet ta' 70 fil-mija jew aktar għat-testijiet u t-titjir tal-ExoMars Descent Module u għat-titjir tal-ExoMars Carrier Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-ammont ta' idrażina destinat għat-testijiet u t-titjir tal-ExoMars Descent Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020, ikkalkulat skont il-ħtiġijiet ta' kull fażi ta' dik il-missjoni, ma għandux jaqbeż total ta' 5 000  kg għad-durata kollha tal-missjoni.

(b) l-ammont ta' idrażina destinat għat-titjir tal-ExoMars Carrier Module fil-qafas tal-missjoni ExoMars 2020 ma għandux jaqbeż total ta' 300 kg.

▼M9

6.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, u għall-forniment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatati mal-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 5 u 5a.

7.  L-operazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 5, 5a u 6 għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom debitament jinfurmaw lill-Kunsill fil-każijiet kollha fejn huma jagħtu awtorizzazzjoni. L-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji tal-ammonti trasferiti u tal-użu finali.

▼B

Artikolu 3

1.  Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodotti u t-teknoloġija kollha b'użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' prodotti b'użu doppju ( 1 ) għall-użu militari fir-Russja jew għal kwalunkwe utent finali militari fir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandu jkun projbit irrispettivament minn jekk joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

2.  Għandu jkun ipprojbit:

(a) li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew it-teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

(b) li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

▼M2

3.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

▼M1

Artikolu 3a

1.  Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju kif inklużi fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja kif elenkat fl-Anness IV għal din id-Deċiżjoni minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru tal-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti sew jekk joriġinaw mit-territorju tagħhom kif ukoll jekk le.

2.  Għandu jkun ipprojbit:

(a) li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV;

(b) li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Russja, kif elenkat fl-Anness IV.

▼M2

3.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti, u għall-forniment ta' assistenza meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta' kapaċitajiet eżistenti fl-UE.

▼M1

4.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferimenti ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju għall-industrija tal-ajrunawtika u tal-ispazju, jew il-forniment ta' għajnuna teknika jew finanzjarja relatata, għall-użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari, kif ukoll għall-manutenzjoni u s-sikurezza tal-kapaċitajiet nukleari ċivili eżistenti fi ħdan l-UE, għall-użu mhux militari u għal utent aħħari mhux militari.

▼M2

Artikolu 4

1.  Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, diretti jew indiretti, ta' ċertu tagħmir adatt għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta:

(a) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

(b) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

(c) proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.  L-għoti ta':

(a) għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1;

(b) finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta' assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati;

għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

3.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat-tagħmir jew għall-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernati jew il-provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għal waħda mill-kategoriji ta' esplorazzjoni u produzzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.  Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel l-1 ta' Awwissu 2014 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

5.  Tista' tingħata awtorizzazzjoni fejn il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, ikunu meħtieġa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew fuq l-ambjent. F'każijiet debitament ġustifikati ta' emerġenza, il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jipproċedu mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm l-esportatur jinnotifika lill-awtorità kompetenti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol wara li jkunu saru l-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista tas-servizzi, filwaqt li jagħti dettalji dwar il-ġustifikazzjoni rilevanti għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni jew il-provvista ta' servizzi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel

▼M1

Artikolu 4a

▼M2

1.  Il-forniment dirett jew indirett ta' servizzi assoċjati meħtieġa għall-kategoriji segwenti ta' proġetti ta' esplorazzjoni u produzzjoni fir-Russja, inkluża ż-Żona Ekonomika Esklużiva u l-Blata Kontinentali tagħha, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta' bastimenti jew ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit:

(a) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet aktar fondi minn 150 metru;

(b) l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fiż-żona lil hinn mill-kosta fit-tramuntana taċ-Ċirku tal-Artiku;

(c) proġetti li jkollhom il-potenzjal li jipproduċu ż-żejt minn riżorsi li jinsabu f'formazzjonijiet ta' shale permezz ta' fratturazzjoni idrawlika; dan ma japplikax għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni f'formazzjonijiet ta' shale bl-għan li jinstab jew jiġi estratt żejt minn depożiti mhux tax-shale.

▼M1

2.  Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet qafas konklużi qabel it-12 ta' Settembru 2014 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

3.  Il-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika fejn is-servizzi inkwistjoni jkunu neċessarji għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni urġenti ta' xi avveniment li probabbilment ikollu impatt serju u sinifikanti fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem jew l-ambjent.

▼B

Artikolu 5

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti hawnhekk.

Artikolu 6

Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx iwasslu għal responsabbiltà ta' ebda xorta min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.  L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta' dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

▼M1

(a) entitajiet imsemmijin fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 1(1) u fil-punt (c) jew (d) tal-Artikolu 1(2), jew elenkati fl-Anness I, II, III jew IV;

▼B

(b) kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

(c) kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

2.  Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa' għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni.

▼M1

Artikolu 8

Il-parteċipazzjoni, konxja jew intenzjonali, f'attivitajiet li għandhom l-objettiv jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 1 sa 4a, inkluż l-aġir bħala sostitut għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1, għandha tkun ipprojbita.

▼B

Artikolu 9

▼M8

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Jannar 2018.

▼M4

L-Artikolu 2(6) għandu japplika mid-9 ta' Ottubru 2015.

▼B

2.  Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

3.  Il-miżuri restrittivi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2014, b'mod partikolari wara li jitqies l-effett tagħhom u l-miżuri adottati minn Stati terzi.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




▼M1

ANNESS I

▼B

LISTA TAL-ISTITUZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(a)

1. SBERBANK

2. VTB BANK

3. GAZPROMBANK

4. VNESHECONOMBANK (VEB)

5. ROSSELKHOZBANK

▼M1




ANNESS II

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)(a)

OPK OBORONPROM

UNITED AIRCRAFT CORPORATION

URALVAGONZAVOD




ANNESS III

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(2)(b)

ROSNEFT

TRANSNEFT

GAZPROM NEFT




ANNESS IV

LISTA TA' PERSUNI ĠURIDIĊI, ENTITAJIET JEW KORPI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3a

JSC Sirius (optoelettronika għal skopijiet ċivili u militari)

OJSC Stankoinstrument (inġinerija mekkanika għal skopijiet ċivili u militari)

OAO JSC Chemcomposite (materjali għal skopijiet ċivili u militari)

JSC Kalashnikov (armi ta' kalibru żgħir)

JSC Tula Arms Plant (sistemi tal-armi)

NPK Technologii Maschinostrojenija (munizzjon)

OAO Wysokototschnye Kompleksi (sistemi kontra l-inġenji tal-ajru u t-tankijiet tal-gwerra)

OAO Almaz Antey (impriża tal-istat; armi, munizzjon, riċerka)

OAO NPO Bazalt (impriża tal-istat, produzzjoni ta' makkinarju għall-produzzjoni ta' armi u munizzjon)



( 1 ) ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.