EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1104

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1104 tal-24 ta' Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati

OJ L 183, 8.7.2016, p. 30–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/07/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1104/oj

8.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 183/30


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1104

tal-24 ta' Ġunju 2016

li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/954 tad-9 ta' Ġunju 2016 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Unjoni għamlet objettiv tagħha li żżomm u tiżviluppa spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex dan l-ispazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

F'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tali miżuri jistgħu jinkludu miżuri mmirati biex jiżguraw il-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri fir-rigward tal-konflitt tal-liġijiet u tal-ġuriżdizzjoni.

(3)

Waqt il-laqgħa tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew approva l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta' deċiżjonijiet oħra ta' awtoritajiet ġudizzjarji bħala s-sisien tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadottaw programm ta' miżuri bl-għan li dak il-prinċipju jiġi implimentat.

(4)

Ġie adottat, fit-30 ta' Novembru 2000, abbozz ta' programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam ċivili u kummerċjali (3), komuni għall-Kummissjoni u għall-Kunsill. Dak il-programm jidentifika miżuri dwar l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-konflitti tal-liġijiet bħala miżuri li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet u jipprevedi t-tfassil ta' strument f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali u tal-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni ta' koppji mhux miżżewġa.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, waqt il-laqgħa tiegħu li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Novembru 2004, adotta programm ġdid imsejjaħ “Il-Programm tal-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea” (4). F'dan il-programm, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tippreżenta Green Paper dwar il-konflitt tal-liġijiet f'materji li jikkonċernaw reġimi ta' proprjetà matrimonjali, inkluża l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Il-programm enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi adottat strument f'dan il-qasam.

(6)

Fis-17 ta' Lulju 2006, il-Kummissjoni adottat il-Green Paper dwar il-kunflitti tal-liġijiet fi kwistjonijiet matrimonjali, inkluża b'mod partikolari l-kwistjoni tal-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent reċiproku. Din il-Green Paper nediet konsultazzjonijiet wiesgħa dwar l-aspetti kollha tad-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-koppji fl-Ewropa meta jiġu għal-likwidazzjoni tal-patrimonju komuni tagħhom u r-rimedji legali disponibbli. Il-Green Paper indirizzat ukoll il-kwistjonijiet kollha tad-dritt internazzjonali privat li jiffaċċjaw il-koppji f'unjonijiet għajr żwiġijiet, inklużi koppji bi sħubijiet irreġistrati, u kwistjonijiet speċifiċi għalihom.

(7)

Fil-laqgħa tiegħu fi Brussell fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 il-Kunsill Ewropew adotta programm pluriennali ġdid imsejjaħ “Il-Programm ta' Stokkolma — Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (5). F'dak il-programm il-Kunsill Ewropew qies li r-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi estiż għal oqsma li għadhom mhumiex koperti, iżda li huma essenzjali għall-ħajja ta' kuljum, bħala eżempju, il-konsegwenzi patrimonjali tas-separazzjoni tal-koppji, filwaqt li jiġu kkunsidrati s-sistemi legali tal-Istati Membri, inkluż l-ordni pubbliku (ordre publique), u t-tradizzjonijiet nazzjonali f'dan il-qasam.

(8)

Fir-'Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Iżżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE', li ġie adottat fis-27 ta' Ottubru 2010, il-Kummissjoni ħabbret li għandha tadotta proposta għal leġiżlazzjoni biex jiġu eliminati l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni, b'mod partikolari d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom koppji fl-amministrazzjoni jew fid-diviżjoni tal-proprjetà tagħhom.

(9)

Fis-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali u proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati.

(10)

Fil-laqgħa tiegħu tat-3 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill ikkonkluda li ma ntlaħqetx unanimità għall-adozzjoni tal-proposti għar-regolamenti dwar reġimi ta' proprjetà matrimonjali u l-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati u li għalhekk ma kienx possibbli li jinkisbu l-objettivi ta' kooperazzjoni f'dan il-qasam fi żmien raġonevoli mill-Unjoni bħala entità waħda.

(11)

Minn Diċembru 2015 sa Frar 2016, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, il-Finlandja u l-Iżvezja indirizzaw talbiet lill-Kummissjoni biex indikaw li xtaqu jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejniethom fil-qasam tar-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali u, speċifikament, tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet f'materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali u tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, u talbu li l-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-Kunsill għal dak l-għan. B'ittra lill-Kummissjoni f'Marzu 2016, Ċipru indika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fl-istabbiliment ta' kooperazzjoni msaħħa; Ċipru tenna din ix-xewqa matul ix-xogħol tal-Kunsill.

(12)

Fid-9 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2016/954 li awtorizzat tali kooperazzjoni msaħħa.

(13)

Taħt l-Artikolu 328(1) tat-TFUE, meta tkun qed tiġi stabbilita koperazzjoni msaħħa, din għandha tkun miftuħa għall-Istati Membri kollha, bil-kondizzjoni li jiġu rispettati l-kondizzjonijiet eventwali tal-parteċipazzjoni stabbiliti mid-deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni. Il-koperazzjoni msaħħa għandha tkun miftuħa għalihom ukoll fi kwalunkwe ħin ieħor, bil-kondizzjoni li, minbarra dawk il-kondizzjonijiet imsemmija, jiġu rispettati l-atti diġà adottati f'dak il-qafas. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri parteċipanti f'koperazzjoni msaħħa għandhom jassiguraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni mill-ikbar għadd possibbli ta' Stati Membri. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament biss fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2016/954, jew permezz ta' deċiżjoni adotatta taħt it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE.

(14)

F'konformità mal-Artikolu 81 tat-TFUE, dan ir-Regolament għandu japplika fil-kuntest tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali.

(15)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-koppji miżżewġa rigward il-proprjetà tagħhom u sabiex tingħatalhom ċerta prevedibbiltà, jeħtieġ r-regoli kollha applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati jkunu koperti fi strument wieħed.

(16)

Il-mod kif forom ta' unjoni għajr iż-żwieġ huma previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri jvarja minn Stat Membru għal ieħor, u għandha ssir distinzjoni bejn koppji li l-unjoni tagħhom tkun sanzjonata istituzzjonalment permezz tar-reġistrazzjoni tas-sħubija tagħhom ma' awtorità pubblika u koppji f'koabitazzjoni de facto. Filwaqt li xi Stati Membri fil-fatt jipprovdu għal tali unjonijiet de facto, dawn għandhom jiġu kkunsidrati separatament mas-sħubijiet reġistrati, li għandhom natura uffiċjali li tippermetti li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u li jiġu stabbiliti regoli dwar is-suġġett fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Sabiex is-suq intern jiffunzjona mingħajr problemi, jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni li jkunu daħlu fi sħubija reġistrata, b'mod partikolari dawk li joħolqu diffikultajiet għal tali koppji fl-amministrazzjoni u d-diviżjoni tal-proprjetà tagħhom. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-eżegwibbiltà u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u transazzjonijiet ġudizzjarji.

(17)

Dan ir-Regolament għandu jkopri materji li jirriżultaw mill-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Il-kunċett ta' “sħubija reġistrata” hawnhekk għandu jiġi definit biss għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Is-sustanza attwali tal-kunċett għandha tibqa' definita fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri. Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jobbliga Stat Membru li l-liġi tiegħu ma tinkludix l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata sabiex jipprovdi għaliha fil-liġi nazzjonali tiegħu.

(18)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jinkludi l-aspetti kollha tal-liġi ċivili tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, kemm il-ġestjoni ta' kuljum tal-proprjetà tas-sħab kif ukoll il-likwidazzjoni tagħha, b'mod partikolari minħabba s-separazzjoni tal-koppja jew il-mewt ta' kwalunkwe mis-sħab.

(19)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal oqsma tal-liġi ċivili għajr il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Għal raġunijiet ta' ċarezza, għadd ta' kwistjonijiet li jistgħu jitqiesu li għandhom rabta mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati għandhom jiġu espliċitament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(20)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwistjonijiet ta' kapaċità legali ġenerali tas-sħab; madankollu, din l-esklużjoni ma għandhiex tkopri is-setgħat speċifiċi u d-drittijiet ta' kwalunkwe mis-sħab jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà, kemm jekk bejniethom jew fir-rigward ta' partijiet terzi, billi dawn is-setgħat għandhom jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(21)

Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal kwistjonijiet preliminari oħra bħall-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' sħubija reġistrata, li hija koperta mil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, inklużi r-regoli tad-dritt internazzjonali privat.

(22)

Minħabba li l-obbligi ta' manteniment bejn il-konjuġi huma regolati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (6), dawn għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll kwistjonijiet relatati ma' suċċessjoni fir-rigward tal-patrimonju ta' sieħeb deċedut, billi huma koperti bir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(23)

Il-kwistjonijiet rigward intitolamenti għal trasferiment jew aġġustament bejn is-sħab tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabbiltà, irrispettivament min-natura tagħhom, akkumulati matul is-sħubija reġistrata u li ma ġġenerawx dħul ta' pensjoni matul is-sħubija reġistrata, huma materji li għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'kont meħud tas-sistemi speċifiċi eżistenti fl-Istati Membri. Madankollu, din l-esklużjoni għandha tiġi interpretata b'mod strett. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jirregola, b'mod partikolari, il-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-assi tal-pensjoni, l-ammonti li diġà tħallsu lil sieħeb wieħed matul is-sħubija reġistrata, u l-kumpens possibbli li jingħata fil-każ ta' pensjoni sottoskritta b'assi komuni.

(24)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew it-trasferiment li jirriżulta mill-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati ta' dritt fil-proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat (“numerus clausus”) ta' drittijiet in rem magħrufa fil-liġi nazzjonali ta' xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma' proprjetà li tinsab f'dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.

(25)

Madankollu, biex is-sħab jitħallew igawdu fi Stat Membru ieħor id-drittijiet li nħolqu jew ġew trasferiti lilhom bħala riżultat tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-adattament ta' dritt in rem mhux magħruf għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti taħt il-liġi ta' dak l-Istat Membru l-ieħor. Fil-kuntest ta' tali adattament għandhom jitqiesu l-għanijiet u l-interessi segwiti bid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu. Għall-finijiet li jiġi determinat l-eqreb dritt nazzjonali ekwivalenti, l-awtoritajiet jew il-persuni kompetenti tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikata għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata jistgħu jiġu kkuntattjati biex tinkiseb aktar informazzjoni dwar in-natura u l-effetti tad-dritt. Għal dak il-għan, jistgħu jintużaw in-netwerks eżistenti fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll kwalunkwe mezz disponibbli ieħor li jiffaċilita l-fehim tal-liġi barranija.

(26)

L-adattament ta' drittijiet in rem mhux magħrufa kif ipprovdut b'mod espliċitu f'dan ir-Regolament m'għandux jipprekludi forom oħrajn ta' adattament fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(27)

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f'reġistru ta' dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali, u kif, għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B'mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt ta' sieħeb għal proprjetà msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni jkun dritt li jkun irreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni ta' dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti, mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija prevista minn dan ir-Regolament. Dan ma għandux jipprekludi lill-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali, jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali, li skont kif ikunu meħtieġa taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, pereżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta' xi boll. L-awtorità kompetenti tista' tindika lill-persuna li tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista' tiġi pprovduta l-informazzjoni nieqsa jew id-dokumenti neqsin.

(28)

L-effetti tar-reġistrar ta' dritt f'reġistru għandhom ukoll jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li tiddetermina jekk effettivament ir-reġistrar huwiex, pereżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B'hekk, fejn pereżempju, l-akkwist ta' dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f'reġistru taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta' tali akkwist għandu jkun regolat mil-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(29)

Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “qorti” għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fis-sens strett tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll pereżempju n-nutara f'xi Stati Membri li, f'ċerti materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f'xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji meta jittrattaw l-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati permezz ta' delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu “qorti” ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta' Stat Membru mogħtija s-setgħa taħt il-liġi nazzjonali li jittrattaw materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn huma ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji.

(30)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin jew le bir-regoli ta' ġuriżdizzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament għandu jiddependi minn jekk ikunux koperti jew le mit-terminu “qorti” għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(31)

L-atti maħruġin min-nutara f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma għandhom ikunu marbutin mir-regoli ta' ġuriżdizzjoni stabbiliti f'dan ir-Regolament, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar ir-rikonoxximent, l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, huma m'għandhomx ikunu marbutin minn dawk ir-regoli ta' ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar strumenti awtentiċi.

(32)

Sabiex jirriflettu l-mobbiltà miżjuda tal-koppji u biex tiġi faċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni f'dan ir-Regolament għandhom jippermettu liċ-ċittadini jressqu diversi proċeduri assoċjati, quddiem il-qrati tal-istess Stat Membru. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament għandu jikkonċentra l-ġuriżdizzjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu jiġu inkarigati biex jittrattaw is-suċċessjoni ta' sieħeb skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 jew ix-xoljiment jew l-annullament tas-sħubija reġistrata.

(33)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi li, meta l-proċedimenti dwar is-suċċessjoni ta' sieħeb ikunu pendenti quddiem il-qorti ta' Stat Membru li quddiemha titressaq il-kawża skont ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni li jiddeċiedu fuq materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati li jirriżultaw b'rabta ma' dak il-każ ta' suċċessjoni.

(34)

Bl-istess mod, kwistjonijiet tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati li jinħolqu b'rabta mal-proċedimenti pendenti quddiem il-qorti ta' Stat Membru li quddiemha titressaq applikazzjoni għax-xoljiment jew l-annullament ta' sħubija reġistrata għandhom ikunu mismugħa mill-qrati ta' dak l-Istat Membru, jekk is-sħab jiftiehmu hekk.

(35)

Fejn materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati ma jkunux marbuta mal-proċedimenti pendenti quddiem il-qorti ta' Stat Membru dwar is-suċċessjoni ta' sieħeb jew ix-xoljiment jew l-annullament tas-sħubija reġistrata, dan ir-Regolament għandu jipprevedi skala ta' fatturi ta' konnessjoni sabiex tiġi determinata l-ġuriżdizzjoni, li tibda mir-residenza abitwali tas-sħab fil-mument li l-qorti tkun assumiet il-kompetenza. L-aħħar skalun fl-iskala ta' fatturi ta' konnessjoni tal-ġuriżdizzjoni għandu jindika dak l-Istat Membru li skont il-liġi tiegħu tkun saret ir-reġistrazzjoni obbligatorja tas-sħubija bl-iskop li tiġi stabbilita. Dawn il-fatturi ta' konnessjoni huma stabbiliti fid-dawl tal-mobbiltà taċ-ċittadini li qiegħda tiżdied u sabiex jiżguraw li jeżisti fattur ta' konnessjoni ġenwin bejn is-sħab u l-Istat Membru li fih tiġi eżerċitata l-ġuriżdizzjoni.

(36)

Ladarba l-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata mhijiex prevista fl-Istati Membri kollha, il-qrati ta' Stat Membru li l-liġi tiegħu ma tipprovdix għall-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata, jistgħu b'mod eċċezzjonali jkollhom jirrifjutaw il-ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament. F'dan il-każ, il-qrati għandhom jaġixxu malajr u l-parti kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta l-każ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkollu fattur ta' konnessjoni li jagħti l-ġuriżdizzjoni, irrispettivament mill-ordni tar-raġunijiet għall-ġuriżdizzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jirrispetta l-awtonomija tal-partijiet. Kwalunkwe qorti inkarigata wara rifjut tal-ġuriżdizzjoni, ħlief għall-qrati tal-Istat Membru li fih tkun inħolqot is-sħubija reġistrata skont il-liġi tiegħu, li jkollha ġuriżdizzjoni abbażi ta' ftehim dwar l-għażla tal-qorti jew il-preżenza tal-konvenut, jista' jkollha wkoll il-ħtieġa, b'mod eċċezzjonali, li tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni skont l-istess kundizzjonijiet. Fl-aħħar nett, jekk l-ebda qorti ma jkollha l-ġuriżdizzjoni sabiex tittratta s-sitwazzjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li tiġi inkluża regola ta' ġuriżdizzjoni sussidjarja f'dan ir-Regolament sabiex jiġi evitat kull riskju li tinċaħad il-ġustizzja.

(37)

Sabiex jiżdiedu ċ-ċertezza legali, il-prevedibbiltà u l-awtonomija tal-partijiet, dan ir-Regolament għandu jippermetti, taħt ċerti ċirkostanzi, li l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu ftehim ta' għażla ta' qrati, favur dawk tal-Istat Membru tal-liġi applikabbli jew dawk tal-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu tkun inħolqot is-sħubija reġistrata.

(38)

Dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi lill-partijiet milli jittransiġu l-każ b'mod amikevoli barra l-qorti, pereżempju quddiem nutar, fi Stat Membru tal-għażla tagħhom, fejn dan ikun possibbli skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru. Dan għandu jkun il-każ anki jekk il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata ma tkunx il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(39)

Sabiex ikun żgurat li l-qrati tal-Istati Membri kollha jkunu jistgħu, għall-istess raġunijiet, jeżerċitaw ġuriżdizzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi b'mod eżawrjenti r-raġunijiet li għalihom tista' tiġi eżerċitata tali ġuriżdizzjoni sussidjarja.

(40)

Sabiex ikun hemm rimedju, partikolarment, għal sitwazzjonijiet ta' ċaħda ta' ġustizzja, dan ir-Regolament għandu jipprevedi forum necessitatis li jippermetti qorti ta' Stat Membru, fuq bażi eċċezzjonali, tieħu deċiżjonijiet dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li tkun konnessa mill-qrib ma' Stat terz. Tali bażi eċċezzjonali tista' titqies li teżisti meta l-proċedimenti jkunu impossibbli fl-Istat terz ikkonċernat, pereżempju minħabba gwerra ċivili, jew meta sieħeb ma jkunx jista' raġonevolment ikun mistenni li jibda jew iwettaq proċedimenti f'dak l-Istat. Madankollu, ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-forum necessitatis għandha tiġi eżerċitata biss jekk il-kawża tkun konnessa b'mod suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.

(41)

Fl-interess tal-funzjonament armonjuż tal-ġustizzja, l-għoti ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli fi Stati Membri differenti għandu jiġi evitat. Għal dak l-għan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli proċedurali ġenerali simili għal dawk ta' strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili. Waħda mit-tali regoli proċedurali hija regola lis pendens, li tidħol fis-seħħ jekk l-istess każ dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata jitressaq quddiem qrati differenti fi Stati Membri differenti. Dik ir-regola konsegwentement tiddetermina liema qorti għandha tipproċedi biex tittratta l-każ.

(42)

Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermetti lis-sħab li jkunu jafu minn qabel liema liġi tkun se tapplika għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom. Għalhekk, għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati dwar il-kunflitt ta' liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li l-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata jkunu regolati minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni, il-liġi applikabbli għandha tirregola l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata fl-intier tagħha, jiġifieri, il-konsegwenzi patrimonjali kollha koperti mis-sħubija reġistrata, irrispettivament min-natura tal-beni u indipendentement minn jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

(43)

Il-liġi determinata minn dan ir-Regolament għandha tapplika anke jekk ma tkunx il-liġi ta' Stat Membru.

(44)

Sabiex jiffaċilita l-ġestjoni tal-beni mis-sħab, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom li jagħżlu l-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom, irrispettivament min-natura tal-beni jew mill-post fejn ikunu jinsabu, minn fost il-liġijiet li magħhom ikollhom rabtiet mill-qrib pereżempju minħabba r-residenza abitwali tagħhom jew in-nazzjonalità tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi evitat li tiġi mċaħħda l-għażla tal-liġi ta' kwalunkwe effett u b'hekk is-sħab jitħallew f'lakuna ġuridika, din l-għażla tal-liġi għandha tiġi limitata għal liġi li torbot il-konsegwenzi patrimonjali mas-sħubijiet reġistrati. Din l-għażla tista' ssir fi kwalunkwe mument, qabel ir-reġistrazzjoni tas-sħubija, fil-waqt tar-reġistrazzjoni tas-sħubija jew matul is-sħubija reġistrata.

(45)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tat-tranżazzjonijiet u biex jiġi evitat li ssir kwalunkwe bidla fil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati mingħajr ma jkunu ġew informati s-sħab dwar dan, ma għandha ssir l-ebda bidla tal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati ħlief jekk il-partijiet ikunu talbuha espressament. Tali bidla deċiża mis-sħab ma għandhiex ikollha effett retroattiv sakemm huma ma jistipulawx hekk espressament. Irrispettivament x'ikun il-każ, hija ma tistax tikser id-drittijiet ta' terzi persuni.

(46)

Ir-regoli dwar il-validità materjali u formali ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom ikunu stabbiliti sabiex l-għażla informata tas-sħab u jiġi rispettat il-kunsens tagħhom bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali kif ukoll aċċess aħjar għall-ġustizzja. Sa fejn hija kkonċernata l-validità formali, għandhom jiġu introdotti ċerti salvagwardji sabiex jiġi żgurat li s-sħab ikunu konxji tal-implikazzjonijiet tal-għażla tagħhom. Il-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli għandu tal-anqas ikun bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ partijiet. Madankollu, jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati. Pereżempju, tali regoli formali addizzjonali jistgħu jkunu jeżistu fi Stat Membru fejn il-ftehim ikun inkluż fi ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija. Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, is-sħab ikunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti li jistabbilixxu regoli formali differenti, għandu jkun biżżejjed li jiġu rrispettati r-regoli formali ta' wieħed minn dawn l-Istati. Jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, sieħeb wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru li jistabbilixxi regoli formali addizzjonali, dawn ir-regoli għandhom jiġu rrispettati.

(47)

Ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija huwa tip ta' trasferiment tal-proprjetà tas-sħab li l-ammissibbiltà u l-aċċettazzjoni tiegħu jvarjaw fost l-Istati Membri. Sabiex issir aktar faċli li d-drittijiet għall-proprjetà miksuba b'riżultat ta' ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija jiġu aċċettati fl-Istati Membri, għandhom jiġu definiti regoli dwar il-validità formali tal-ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija. Tal-anqas, il-ftehim għandu jiġi espress bil-miktub, ikun iddatat u ffirmat miż-żewġ partijiet. Madankollu, il-ftehim għandu jissodisfa wkoll ir-rekwiżiti formali addizzjonali dwar il-validità stipulati fil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata kif determinat minn dan ir-Regolament u fil-liġi tal-Istat Membru fejn is-sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom. Dan ir-Regolament għandu jiddetermina wkoll liema liġi għandha tirregola l-validità materjali ta' tali ftehim.

(48)

Fejn ebda liġi applikabbli ma tintgħażel, u bil-għan ta' rikonċiljazzjoni tal-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali mal-kunsiderazzjoni tal-ħajja li effettivament tkun tgħix il-koppja, dan ir-Regolament għandu jipprovdi li l-liġi tal-Istat li taħt il-liġi tiegħu tkun saret ir-reġistrazzjoni obbligatorja tas-sħubija sabiex tiġi stabbilita għandha tapplika għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata.

(49)

Fejn dan ir-Regolament jirreferi għaċ-ċittadinanza bħala fattur ta' konnessjoni, il-kwistjoni kif tiġi kkunsidrata persuna li jkollha ċittadinanzi multipli hija kwistjoni preliminari li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u għandha titħalla għal-liġi nazzjonali, inklużi, fejn applikabbli, konvenzjonijiet internazzjonali, b'rispett sħiħ lejn il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni m'għandu jkollha l-ebda effett fuq il-validità ta' għażla tal-liġi li ssir skont dan ir-Regolament.

(50)

Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata fin-nuqqas ta' għażla tal-liġi u ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija, l-awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru, fuq talba ta' wieħed mis-sħab għandha, f'każijiet eċċezzjonali — fejn is-sħab ikunu marru jgħixu fl-Istat tar-residenza abitwali għal żmien twil — tkun tista' tasal għall-konklużjoni li l-liġi ta' dak l-Istat tista' tapplika jekk is-sħab ikunu użaw lilha. Irrispettivament x'ikun il-każ, hija ma tistax tikser id-drittijiet ta' partijiet terzi.

(51)

Il-liġi determinata bħala l-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata għandha tirregola dawn l-effetti mill-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta' wieħed mis-sħab jew tat-tnejn li huma f'kategoriji differenti matul is-sħubija reġistrata u wara x-xoljiment tagħha, sal-likwidazzjoni tal-proprjetà. Hija għandha tinkludi l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata fuq ir-relazzjoni legali bejn sieħeb u partijiet terzi. Madankollu, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati tista' tiġi invokata minn sieħeb kontra parti terza biex jiġu regolati dawn l-effetti biss meta r-relazzjonijiet legali bejn is-sieħeb u l-parti terza jkunu bdew f'mument fejn il-parti terza kienet taf jew kellha tkun taf b'dik il-liġi.

(52)

Kunsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku, bħall-protezzjoni tal-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika ta' Stat Membru, għandhom jiġġustifikaw l-għoti lill-qrati u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri l-possibbiltà, f'każijiet eċċezzjonali, li japplikaw eċċezzjonijiet fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. Għaldaqstant, il-kunċett ta' “dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti” għandu jkopri r-regoli ta' natura imperattiva bħar-regoli għall-protezzjoni tad-dar tal-familja. Madankollu, din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata teħtieġ interpretazzjoni stretta sabiex tibqa' kompatibbli mal-objettiv ġenerali ta' dan ir-Regolament.

(53)

F'ċirkustanzi eċċezzjonali, kunsiderazzjonijiet ta' interess pubbliku għandhom jippermettu lill-qrati u lil awtoritajiet kompetenti oħrajn, meta jittrattaw materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri, li jinjoraw ċerti dispożizzjonijiet ta' liġi barranija fejn, f'każ partikolari, l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (ordre publique) tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti oħrajn ma għandhomx ikunu jistgħu japplikaw l-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku sabiex iqisu bħala bla effett liġi ta' Stat Membru ieħor jew jirrifjutaw li jirrikonoxxu, jew, kif jista' jkun il-każ, li jaċċettaw, jew li jeżegwixxu deċiżjoni, strument awtentiku jew tranżazzjoni bil-qorti derivanti minn Stat Membru ieħor jekk tali att imur kontra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropew (il-“Karta”), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni.

(54)

Peress li hemm xi Stati Membri li fihom jeżistu flimkien żewġ sistemi legali jew aktar jew żewġ ġabriet ta' regoli jew aktar li jittrattaw materji regolati minn dan ir-Regolament, tinħtieġ dispożizzjoni li tirregola l-limitu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-unitajiet territorjali differenti ta' dawk l-Istati Membri.

(55)

Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li huwa r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-eżekutorjetà u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet simili għal dawk ta' strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili.

(56)

Sabiex jitqiesu s-sistemi differenti għat-trattament ta' materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jiżgura l-aċċettazzjoni u l-eżekutorjetà fl-Istati Membri kollha ta' strumenti awtentiċi f'materji ta' reġim tal-proprjetà matrimonjali.

(57)

L-istrumenti awtentiċi għandu jkollhom l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma jkollhom fl-Istat Membru tal-oriġini, jew l-aktar effetti komparabbli. Meta jkunu qegħdin jiġu ddeterminati l-effetti evidenzjarji ta' strument awtentiku partikolari fi Stat Membru ieħor jew l-aktar effetti komparabbli, għandha ssir referenza għan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-effetti evidenzjarji tal-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini. L-effetti evidenzjarji li strument awtentiku partikolari għandu jkollu fi Stat Membru ieħor għaldaqstant jiddependu mil-liġi tal-Istat Membru ta' oriġini.

(58)

L-“awtentiċità” ta' strument awtentiku għandha tkun kunċett awtonomu li jkopri elementi bħall-ġenwinità tal-istrument, il-prerekwiżiti formali tal-istrument, is-setgħat tal-awtorità li qed tfassal l-istrument u l-proċedura li biha jitfassal l-istrument. Huwa għandu jkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem dik l-awtorità fid-data indikata u li jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati. Parti li tixtieq tikkontesta l-awtentiċità ta' strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-istrument awtentiku skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

(59)

It-terminu “l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku” għandhom jiġu interpretati bħala referenza għall-kontenuti fis-sens sostantiv reġistrati fl-istrument awtentiku. Parti li tixtieq tikkontesta l-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament, li għandhom jiddeċiedu dwar il-kontestazzjoni f'konformità mal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata.

(60)

Jekk kwistjoni relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku titqajjem bħala kwistjoni sekondarja fi proċedimenti quddiem qorti ta' Stat Membru, dik il-qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

(61)

Strument awtentiku li jiġi kkontestat ma għandu jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta' oriġini sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Jekk il-kontestazzjoni tikkonċerna biss kwistjoni speċifika relatata mal-atti legali jew relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku, l-istrument awtentiku inkwistjoni ma għandu jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru għajr fl-Istat Membru ta' oriġini fir-rigward tal-materja li tkun qed tiġi kkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti. Strument awtentiku li jkun ġie ddikjarat invalidu bħala riżultat ta' kontestazzjoni, ma għandu jibqa' jipproduċi l-ebda effett evidenzjarju.

(62)

Jekk awtorità, fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, tiġi ppreżentata b'żewġ strumenti awtentiċi inkompatibbli, din għandha tivvaluta l-kwistjoni dwar liema strument awtentiku għandu, jekk ikun hemm, jingħata prijorità b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ partikolari. Fejn, minn dawk iċ-ċirkostanzi, ma jkunx ċar liema strument awtentiku, jekk ikun hemm, għandu jingħata prijorità, il-kwistjoni għandha tiġi ddeterminata mill-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament, jew, fejn il-kwistjoni titqajjem bħala kwistjoni sekondarja matul il-proċedimenti, mill-qorti inkarigata b'dawk il-proċedimenti. F'każ ta' inkompatibbiltà bejn strument awtentiku u deċiżjoni, għandhom jiġu kkunsidrati r-raġunijiet tan-non-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet taħt dan ir-Regolament.

(63)

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata taħt dan ir-Regolament ma għandhomx fi kwalunkwe mod jimplikaw ir-rikonoxximent tas-sħubija reġistrata li wasslet għal din id-deċiżjoni.

(64)

Għandha tiġi speċifikata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali dwar il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati li għalihom l-Istati Membri jkunu partijiet.

(65)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġi previst obbligu li jeħtieġ lill-Istati Membri li jikkomunikaw ċerta informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri tagħhom relatati mal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (8). Sabiex tkun tista' tiġi ppubblikata f'waqtha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kollha b'relevanza għall-applikazzjoni prattika ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ukoll tali informazzjoni lill-Kummissjoni qabel ma jibda japplika dan ir-Regolament.

(66)

Ugwalment, kemm biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif ukoll biex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni, għandhom jiġu preskritti formoli standard għall-attestazzjonijiet li għandhom jingħataw b'rabta mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' deċiżjoni, strument awtentiku jew tranżazzjoni bil-qorti.

(67)

Meta jiġu kkalkulati l-perjodi u l-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (9) għandu japplika.

(68)

Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-forom relatati mad-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ta' deċiżjonijiet, tranżazzjonijiet bil-qorti u strumenti awtentiċi. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(69)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli previsti f'dan ir-Regolament.

(70)

L-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni, l-opportunità għas-sħab li jorganizzaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom bejniethom stess u fir-rigward ta' oħrajn matul ħajjithom bħala koppja u meta ssir il-likwidazzjoni tal-proprjetà tagħhom, u iktar prevedibbiltà u iktar ċertezza legali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti ta' dan ir-Regolament, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, fejn xieraq permezz tal-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri. F'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għalhekk għandha l-kompetenza li taġixxi. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(71)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari, l-Artikoli 7, 9, 17, 21 u 47 dwar, rispettivament, ir-rispett lejn il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja, id-dritt għat-twaqqif ta' familja skont il-liġijiet nazzjonali, id-dritt għall-proprjetà, il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti u għal proċess imparzjali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mill-qrati u awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri f'konformità ma' dawk id-drittijiet u prinċipji,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati.

Huwa m'għandux japplika għal materji fiskali, doganali jew amministrattivi.

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)

il-kapaċità ġuridika tas-sħab,

(b)

l-eżistenza, il-validità jew ir-rikonoxximent ta' sħubija reġistrata,

(c)

l-obbligi ta' manteniment,

(d)

is-suċċessjoni għall-patrimonju ta' sieħeb deċedut,

(e)

is-sigurtà soċjali;

(f)

l-intitolament għal trasferiment jew aġġustament bejn is-sħab fil-każ ta' xoljiment jew annullament tas-sħubija reġistrata, tad-drittijiet għall-pensjoni tal-irtirar jew ta' diżabbiltà akkumulati matul is-sħubija reġistrata u li ma ġġenerawx dħul pensjonabbli matul is-sħubija reġistrata,

(g)

in-natura tad-drittijiet in rem relatati ma' proprjetà, u

(h)

kwalunkwe reġistrar f'reġistru tad-drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti tar-reġistrar jew tan-nuqqas ta' reġistrar ta' tali drittijiet f'reġistru.

Artikolu 2

Kompetenza f'materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati fl-Istati Membri

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kompetenza tal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jittrattaw materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“sħubija reġistrata” tfisser is-sistema li tirregola l-ħajja komuni bejn żewġ persuni, prevista mil-liġi, li r-reġistrazzjoni tagħha hija obbligatorja skont dik il-liġi u li tissodisfa l-formalitajiet legali kollha rikjesti minn dik il-liġi għall-ħolqien tagħha;

(b)

“konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata” tfisser il-ġabra tar-regoli li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet patrimonjali tas-sħab, bejniethom u fil-konfront ta' partijiet terzi, b'riżultat tar-relazzjoni legali li tinħoloq bir-reġistrazzjoni tas-sħubija jew mix-xoljiment tagħha;

(c)

“ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija” tfisser kwalunkwe ftehim bejn is-sħab jew sħab futuri li permezz tiegħu jiġu organizzati l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom;

(d)

“strument awtentiku” tfisser dokument f'materja tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)

tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku, u

(ii)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini;

(e)

“deċiżjoni” tfisser kwalunkwe deċiżjoni f'materja tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata mogħtija minn qorti ta' Stat Membru, irrispettivament mill-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

(f)

“tranżazzjoni bil-qorti” tfisser tranżazzjoni fi kwistjoni relatata mal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li kienet approvata minn qorti jew li kienet konkluża quddiem qorti matul il-proċedimenti;

(g)

“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li fih ingħatat id-deċiżjoni, jew ġie mfassal l-istrument awtentiku, jew ġiet approvata jew konkluża t-tranżazzjoni bil-qorti;

(h)

“Stat Membru tal-eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li fih issir it-talba għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, jew għall-istrument awtentiku jew għat-tranżazzjoni bil-qorti.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “qorti” jfisser kwalunkwe awtorità ġudizzjarja u l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn kollha b'kompetenza f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delega ta' setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll tagħha, dment li tali awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u tad-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu, u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)

jistgħu jkunu s-suġġett ta' appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; u

(b)

għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta' awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 64.

KAPITOLU II

ĠURIŻDIZZJONI

Artikolu 4

Ġuriżdizzjoni f'każ ta' mewt ta' wieħed mis-sħab

Fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni ta' wieħed mis-sħab reġistrati taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar kwistjonijiet tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata relatati ma' dik il-kawża ta' suċċessjoni.

Artikolu 5

Ġuriżdizzjoni f'każijiet ta' xoljiment jew annullament

1.   Fejn qorti ta' Stat Membru tkun inkarigata biex tiddeċiedi fuq ix-xoljiment jew l-annullament ta' sħubija reġistrata, il-qrati ta' dak l-Istat għandu jkollhom ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata li jinħolqu b'rabta ma' dak il-każ ta' xoljiment jew annullament, fejn ikun hemm il-qbil tas-sħab dwar dan.

2.   Jekk il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jiġi konkluż qabel ma l-qorti tkun ġiet inkarigata biex tiddeċiedi dwar materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata, il-ftehim għandu jikkonforma mal-Artikolu 7.

Artikolu 6

Ġuriżdizzjoni f'każijiet oħra

Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha l-ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4 jew 5 jew f'każijiet għajr dawk previsti f'dawk l-Artikoli, il-ġuriżdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata għandha tkun tal-qrati tal-Istat Membru:

(a)

li fit-territorju tiegħu s-sħab ikunu residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,

(b)

li fit-territorju tiegħu s-sħab kienu residenti abitwali l-aħħar, sa fejn wieħed minnhom ikun għadu jirrisjedi hemmhekk fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,

(c)

li fit-territorju tiegħu l-konvenut ikun residenti abitwali fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,

(d)

li tiegħu s-sħab għandhom ċittadinanza komuni fil-mument li fih tiġi inkarigata l-qorti, jew jekk dan ma jirriżultax,

(e)

li taħt il-liġi tiegħu nħolqot is-sħubija reġistrata.

Artikolu 7

Għażla tal-qorti

1.   Fil-każijiet li huma koperti mill-Artikolu 6, il-partijiet jistgħu jaqblu li l-qrati tal-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26(1) jew il-qrati tal-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu tkun inħolqot is-sħubija reġistrata għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni esklussiva li jiddeċiedu fuq il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom.

2.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi espress bil-miktub u ddatat u ffirmat mill-partijiet. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni dejjiema tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għal kitba.

Artikolu 8

Ġuriżdizzjoni bbażata fuq il-preżenza tal-konvenut

1.   Apparti mill-ġuriżdizzjoni derivanti minn dispożizzjonijiet oħra ta' dan ir-Regolament, qorti ta' Stat Membru li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont l-Artikolu 22 jew l-Artikolu 26(1), u li quddiemha l-konvenut jidher, għandha jkollha l-ġuriżdizzjoni. Din ir-regola m'għandhiex tapplika fejn id-dehra tkun saret biex tkun ikkontestata l-ġuriżdizzjoni, jew f'każijiet koperti mill-Artikolu 4.

2.   Qabel ma tassumi ġuriżdizzjoni skont il-paragrafu 1, il-qorti għandha tiżgura li l-konvenut ikun informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġuriżdizzjoni u bil-konsegwenzi jekk jidher jew jekk ma jidhirx quddiemha.

Artikolu 9

Ġuriżdizzjoni alternattiva

1.   Jekk qorti tal-Istat Membru li jkollu ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, jew il-punti (a), (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 6 tiddeċiedi li l-liġi tagħha ma tipprevedix l-istituzzjoni ta' sħubija reġistrata, din tista' tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni. Jekk qorti tiddeċiedi li tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni, hija għandha tagħmel dan mingħajr dewmien bla bżonn.

2.   Fejn qorti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni u fejn il-partijiet jaqblu li jikkonferixxu l-ġuriżdizzjoni lill-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor f'konformità mal-Artikolu 7, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati għandha tkun tal-qrati ta' dak l-Istat Membru.

F'każijiet oħrajn, il-ġuriżdizzjoni għad-deċiżjoni dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati għandha tkun tal-qrati ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 8.

3.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika meta l-partijiet ikunu kisbu x-xoljiment jew l-annullament tas-sħubija reġistrata li jistgħu jiġu rikonoxxuti fl-Istat Membru tal-forum.

Artikolu 10

Ġuriżdizzjoni sussidjarja

Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 8, jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 6, jew l-Artikoli 7 jew 8, għandu jkollhom il-ġuriżdizzjoni l-qrati ta' Stat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tinsab xi proprjetà immobbli ta' kwalunkwe mis-sħab jew tat-tnejn li huma, iżda f'dak il-każ il-qorti inkarigata għandu jkollha ġuriżdizzjoni biex tiddeċiedi biss fir-rigward tal-proprjetà immobbli inkwistjoni.

Artikolu 11

Forum necessitatis

Fejn ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8 jew 10, jew meta l-qrati kollha skont l-Artikolu 9 jkunu rrifjutaw il-ġuriżdizzjoni u l-ebda qorti ta' Stat Membru ma jkollha ġuriżdizzjoni skont il-punt (e) tal-Artikolu 6, jew l-Artikoli 7, 8 jew 10, il-qrati ta' Stat Membru jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata jekk il-proċedimenti ma jkunux raġonevolment jistgħu jitressqu jew jitmexxew, jew ikunu impossibbli fi Stat terz li miegħu jkun marbut mill-qrib il-każ.

Il-każ għandu jkollu rabta suffiċjenti mal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.

Artikolu 12

Kontrotalbiet

Il-qorti li fiha jkunu pendenti l-proċedimenti skont l-Artikoli 4, 5, 6, 7, 8, 10 jew 11, għandu jkollha ġuriżdizzjoni wkoll biex tiddeċiedi dwar kontrotalba jekk din taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Limitazzjoni tal-proċedimenti

1.   Fejn il-patrimonju tad-deċedut li s-suċċessjoni tiegħu taqa' taħt ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 ikun fih assi li jinsabu fi Stat terz, il-qorti inkarigata biex tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata tista', fuq talba ta' waħda mill-partijiet, tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni dwar wieħed jew aktar minn tali assi jekk jista' jkun mistenni li d-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta' dawk l-assi ma tiġix rikonoxxuta u, fejn applikabbli, ma tiġix dikjarata eżekutorja f'dak l-Istat terz.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dritt tal-partijiet li jillimitaw l-ambitu tal-proċedimenti skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti inkarigata.

Artikolu 14

Inkarigar ta' qorti

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu, qorti tkun ikkunsidrata inkarigata:

(a)

fil-mument meta d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat lill-qorti, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li huwa kien meħtieġ jieħu biex id-dokument ikun notifikat lill-konvenut;

(b)

jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat lill-qorti, f'mument li fih jasal għand l-awtorità responsabbli għan-notifika, dment li l-applikant ma jonqosx sussegwentement milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat lill-qorti; jew

(c)

jekk il-proċedimenti jinfetħu mill-qorti ex officio, fil-mument meta d-deċiżjoni li jinfetħu l-proċedimenti tittieħed mill-qorti, jew, fejn tali deċiżjoni ma tkunx meħtieġa, fil-mument meta l-każ jiġi rreġistrat mill-qorti.

Artikolu 15

Verifika tal-ġuriżdizzjoni

Fejn qorti ta' Stat Membru tiġi inkarigata b'każ dwar il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata li fuqu ma jkollha ebda ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament, hija għandha ex officio tiddikjara li m'għandha l-ebda ġuriżdizzjoni.

Artikolu 16

Verifika tal-ammissibbiltà

1.   Fejn konvenut li jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat minbarra l-Istat Membru fejn tiġi istitwita l-azzjoni ma jidhirx, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni skont dan ir-Regolament għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta' jirċievi d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti biex iħejji d-difiża tiegħu, jew li ttieħdu l-passi kollha meħtieġa għal dak il-għan.

2.   L-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) għandu japplika minflok il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess minn Stat Membru wieħed għal ieħor f'konformità ma' dak ir-Regolament.

3.   Fejn ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ma jkunx japplika, għandu japplika l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar il-komunikazzjoni u n-notifika barra mill-pajjiż ta' atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali jekk id-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti kellu jiġi trażmess 'il barra mill-pajjiż f'konformità ma' dik il-Konvenzjoni.

Artikolu 17

Lis pendens

1.   Fejn jiġu istitwiti proċedimenti li jinvolvu l-istess suġġett tal-kawża u li jkunu bejn l-istess partijiet fil-qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti, ħlief il-qorti li ġiet inkarigata l-ewwel, għandha tissospendi l-proċedimenti ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-ewwel qorti inkarigata.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba minn qorti inkarigata bid-disputa, kwalunkwe qorti oħra inkarigata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data li fiha ġiet inkarigata.

3.   Fejn tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni tal-qorti li tkun ġiet inkarigata l-ewwel, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni favur dik il-qorti.

Artikolu 18

Kawżi relatati

1.   Fejn ikunu pendenti kawżi relatati fi qrati ta' Stati Membri differenti, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata għandha tissospendi l-proċedimenti tagħha.

2.   Fejn il-kawżi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu pendenti fl-ewwel istanza, kull qorti ħlief l-ewwel qorti inkarigata tista' wkoll, fuq applikazzjoni minn waħda mill-partijiet, tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni jekk l-ewwel qorti inkarigata jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawżi inkwistjoni u l-liġi tagħha tkun tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, kawżi huma meqjusa li jkunu relatati fejn ikunu konnessi hekk mill-qrib li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien biex ikun evitat ir-riskju ta' deċiżjonijiet irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.

Artikolu 19

Miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi

Tista' ssir applikazzjoni fil-qrati ta' Stat Membru li titlob tali miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli taħt il-liġi ta' dak l-Istat, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qrati ta' Stat Membru ieħor ikollhom il-ġuriżdizzjoni dwar il-mertu tal-każ.

KAPITOLU III

LIĠI APPLIKABBLI

Artikolu 20

Applikazzjoni universali

Il-liġi speċifikata bħala applikabbli minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk hi l-liġi ta' Stat Membru kif ukoll jekk mhijiex.

Artikolu 21

Unità tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata għandha tapplika għall-assi kollha li jkunu soġġetti għal dawk il-konsegwenzi, irrispettivament minn fejn jinsabu l-assi.

Artikolu 22

Għażla tal-liġi applikabbli

1.   Is-sieħeb jew sħab futuri jistgħu jaqblu li jagħżlu jew li jibdlu l-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom, sakemm dik il-liġi torbot konsegwenzi patrimonjali mal-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata u dik il-liġi tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-liġi tal-Istat fejn is-sħab jew sħab futuri, jew wieħed minnhom, ikollu r-residenza abitwali tiegħu jew tagħhom fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim,

(b)

il-liġi ta' Stat taċ-ċittadinanza ta' xi wieħed mis-sħab jew ta' sieħeb futur fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, jew

(c)

il-liġi tal-Istat li taħt il-liġi tiegħu tkun inħolqot is-sħubija reġistrata.

2.   Sakemm is-sħab ma jiftehmux mod ieħor, bidla fil-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom, li ssir matul is-sħubija, għandu jkollha biss effett prospettiv.

3.   Kull bidla retroattiva fil-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 2 ma għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet ta' partijiet terzi derivanti minn dik il-liġi.

Artikolu 23

Validità formali tal-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli

1.   Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 22 għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ sħab. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.

2.   Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

3.   Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, is-sħab ikunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għall-ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' kwalunkwe waħda minn dawk il-liġijiet.

4.   Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, sieħeb wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 24

Kunsens u validità materjali

1.   L-eżistenza u l-validità ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi jew ta' kwalunkwe terminu tiegħu għandhom jiġu determinati mil-liġi li tirregolah skont l-Artikolu 22 kieku l-kuntratt jew it-terminu kienu validi.

2.   Madankollu, sieħeb jista', sabiex jistabbilixxi li ma tax il-kunsens tiegħu, jiddependi fuq il-liġi tal-pajjiż fejn ikollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument li tiġi inkarigata l-qorti jekk miċ-ċirkostanzi jkun jidher li ma jkunx raġonevoli li jiġi determinat l-effett tal-imġiba tiegħu skont il-liġi speċifikata fil-paragrafu 1.

Artikolu 25

Validità formali ta' ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija

1.   Il-ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija għandu jkun espress bil-miktub, datat u ffirmat miż-żewġ sħab. Kwalunkwe komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi li tipprovdi reġistrazzjoni durabbli tal-ftehim għandha titqies ekwivalenti għall-kitba.

2.   Jekk il-liġi tal-Istat Membru li fih iż-żewġ sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim tistabbilixxi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, is-sħab ikunu residenti abitwali fi Stati Membri differenti u l-liġijiet ta' dawk l-Istati jipprevedu rekwiżiti formali differenti għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, il-ftehim għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti ta' waħda minn dawk il-liġijiet.

Jekk, fil-mument li jiġi konkluż il-ftehim, sieħeb wieħed biss ikollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru u dak l-Istat jipprevedi rekwiżiti formali addizzjonali għal ftehimiet dwar il-patrimonju tas-sħubija, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

3.   Jekk il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata timponi rekwiżiti formali addizzjonali, għandhom japplikaw dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 26

Il-liġi applikabbli fin-nuqqas ta' għażla mill-partijiet

1.   Fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-għażla tal-liġi skont l-Artikolu 22, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati għandha tkun il-liġi tal-Istat li taħt il-liġi tiegħu s-sħubija reġistrata tkun inħolqot.

2.   Bħala eċċezzjoni u fuq applikazzjoni minn kwalunkwe sieħeb, l-awtorità ġudizzjarja li jkollha l-ġuriżdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq materji tal-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata tista' tiddeċiedi li l-liġi ta' Stat, li ma jkunx l-Istat li l-liġi tiegħu hija applikabbli skont il-paragrafu 1, għandha tirregola l-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata jekk il-liġi tal-Istat l-ieħor torbot konsegwenzi patrimonjali mal-istituzzjoni tas-sħubija reġistrata u jekk l-applikant juri li:

(a)

is-sħab kellhom l-aħħar residenza abitwali komuni tagħhom f'dak l-Istat l-ieħor għal perjodu ta' żmien twil b'mod sinifikanti; u

(b)

iż-żewġ sħab ddependew fuq il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor fl-arranġament jew l-ippjanar tar-relazzjonijiet patrimonjali tagħhom.

Il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika mill-ħolqien tas-sħubija reġistrata, ħlief jekk sieħeb minnhom ma jaqbilx. Fil-każ tal-aħħar, il-liġi ta' dak l-Istat l-ieħor għandu jkollha effett mill-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.

L-applikazzjoni tal-liġi tal-Istat l-ieħor m'għandhiex taffettwa negattivament id-drittijiet tal-partijiet terzi derivanti mil-liġi applikabbli skont il-paragrafu 1.

Dan il-paragrafu m'għandux japplika meta s-sħab ikunu kkonkludew ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija qabel l-istabbiliment tal-aħħar residenza abitwali komuni f'dak l-Istat l-ieħor.

Artikolu 27

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati skont dan ir-Regolament għandha tirregola, inter alia:

(a)

il-klassifikazzjoni tal-proprjetà ta' wieħed jew taż-żewġ sħab f'kategoriji differenti matul u wara s-sħubija reġistrata,

(b)

it-trasferiment tal-proprjetà minn kategorija għall-oħra,

(c)

ir-responsabbiltà ta' sieħeb wieħed għall-obbligazzjonijiet u d-djun tas-sieħeb l-ieħor,

(d)

is-setgħat, drittijiet u obbligi ta' wieħed mis-sħab jew tat-tnejn li huma fir-rigward tal-proprjetà,

(e)

id-diviżjoni, id-distribuzzjoni jew il-likwidazzjoni tal-proprjetà fil-mument tax-xoljiment tas-sħubija reġistrata,

(f)

l-effetti tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati fuq relazzjoni legali bejn sieħeb u partijiet terzi, u

(g)

il-validità materjali ta' ftehim dwar il-patrimonju tas-sħubija.

Artikolu 28

Effetti fil-konfront ta' partijiet terzi

1.   Minkejja l-punt (f) tal-Artikolu 27, il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata bejn is-sħab ma tistax tiġi invokata minn sieħeb kontra parti terza f'tilwima bejn il-parti terza u wieħed mis-sħab jew it-tnejn li huma, sakemm il-parti terza ma kinitx taf jew, fl-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta, kellha tkun taf b'dik il-liġi.

2.   Il-parti terza titqies li jkollha konoxxenza tal-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata, jekk:

(a)

dik il-liġi tkun il-liġi:

(i)

tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza,

(ii)

tal-Istat fejn is-sieħeb kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew,

(iii)

f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà,

jew

(b)

kwalunkwe mis-sħab ikun ikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għad-divulgazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata speċifikati mil-liġi:

(i)

tal-Istat li l-liġi tiegħu tkun applikabbli għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza

(ii)

tal-Istat fejn is-sieħeb kontraenti u l-parti terza jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom jew,

(iii)

f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli, tal-Istat fejn tkun tinsab il-proprjetà

3.   Fejn il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata ma tkunx tista' tiġi invokata minn sieħeb kontra parti terza permezz tal-paragrafu 1, il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata fir-rigward tal-parti terza għandhom ikunu regolati:

(a)

mil-liġi tal-Istat li l-liġi tiegħu tapplika għat-tranżazzjoni bejn sieħeb u l-parti terza; jew

(b)

f'każijiet li jinvolvu proprjetà immobbli jew assi jew drittijiet reġistrati, permezz tal-liġi tal-Istat fejn tinsab il-proprjetà jew fejn ikunu reġistrati l-assi jew id-drittijiet.

Artikolu 29

Adattament ta' drittijiet in rem

Fejn persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt ikun invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u sa fejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt ekwivalenti taħt il-liġi ta' dak l-Istat, b'kont meħud tal-għanijiet u tal-interessi segwiti mid-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.

Artikolu 30

Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

1.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-forum.

2.   Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom ikun meqjus bħala kruċjali minn Stat Membru għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mil-liġi li b'xi mod ieħor tkun applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubija reġistrata skont dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Ordni pubbliku (ordre publique)

L-applikazzjoni ta' dispożizzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tista' tiġi rifjutata biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli mal-ordni pubbliku (ordre publique) tal-forum.

Artikolu 32

Esklużjoni ta' renvoi

L-applikazzjoni tal-liġi ta' kwalunkwe Stat speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f'dak l-Istat minbarra r-regoli tad-dritt internazzjonali privata tiegħu.

Artikolu 33

Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti territorjali tal-liġijiet

1.   Fejn il-liġi speċifikata minn dan ir-Regolament tkun dik ta' Stat li jinkludi diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha rigward il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, ir-regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet ta' dak l-Istat għandhom jiddeterminaw l-unità territorjali rilevanti li r-regoli tal-liġi proprji tagħha għandhom japplikaw.

2.   Fin-nuqqas ta' tali regoli interni dwar il-kunflitt tal-liġijiet:

(a)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għar-residenza abitwali tas-sħab, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali fejn is-sħab ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom;

(b)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont dispożizzjonijiet li jirreferu għan-nazzjonalità tas-sħab, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali li s-sħab ikollhom l-akbar rabta magħha;

(c)

kwalunkwe referenza għal-liġi tal-Istat imsemmija fil-paragrafu 1 għandha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli skont kwalunkwe dispożizzjoni oħra li tirreferi għal elementi oħrajn bħala fatturi ta' konnessjoni, titqies bħala li tirreferi għal-liġi tal-unità territorjali fejn jinsab l-element rilevanti.

Artikolu 34

Stati b'aktar minn sistema legali waħda — kunflitti interpersonali tal-liġijiet

Fir-rigward ta' Stat li jkollu żewġ sistemi legali jew aktar jew żewġ ġabriet ta' regoli jew aktar applikabbli għal kategoriji differenti ta' persuni fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, kwalunkwe referenza għal-liġi ta' tali Istat għandha titqies bħala li tirreferi għas-sistema legali jew ġabra ta' regoli determinati mir-regoli fis-seħħ f'dak l-Istat. Fin-nuqqas ta' tali regoli, għandhom japplikaw is-sistema ta' liġijiet jew il-ġabra ta' regoli li magħhom s-sħab ikollhom l-akbar rabta.

Artikolu 35

Non-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal kunflitti interni tal-liġijiet

Stat Membru li jkollu diversi unitajiet territorjali li kull waħda minnhom ikollha r-regoli tal-liġi proprji tagħha fir-rigward tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal kunflitti tal-liġijiet li jirriżultaw bejn dawk l-unitajiet territorjali biss.

KAPITOLU IV

RIKONOXXIMENT, EŻEKUTORJETÀ U EŻEKUZZJONI TA' DEĊIŻJONIJIET

Artikolu 36

Rikonoxximent

1.   Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.

2.   Kull parti interessata li tinvoka r-rikonoxximent ta' deċiżjoni bħala l-kwistjoni prinċipali f'disputa tista', skont il-proċeduri previsti fl-Artikoli 44 sa 57, tapplika sabiex id-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.

3.   Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi mid-determinazzjoni ta' kwistjoni inċidentali ta' rikonoxximent, dik il-qorti għandu jkollha ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 37

Raġunijiet għal non-rikonoxximent

Deċiżjoni ma għandhiex tiġi rikonoxxuta:

(a)

jekk tali rikonoxximent ikun manifestament kontra l-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru li fih intalab ir-rikonoxximent;

(b)

fejn tkun ingħatat f'kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie nnotifikat bid-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew b'dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b'tali mod li b'hekk seta' jħejji d-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibbli għalih jagħmel hekk;

(c)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent;

(d)

jekk tkun irrikonċiljabbli ma' deċiżjoni mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li involviet l-istess suġġett tal-kawża u kienet bejn l-istess partijiet, dment li dik id-deċiżjoni aktar kmieni tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.

Artikolu 38

Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 37 ta' dan ir-Regolament għandu jkun applikat mill-qrati u minn awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istati Membri f'konformità mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta, b'mod partikolari fl-Artikolu 21 tagħha dwar il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.

Artikolu 39

Il-projbizzjoni ta' reviżjoni ta' ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-oriġini

1.   Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma tistax tiġi riveduta.

2.   Il-kriterju tal-ordni pubbliku (ordre publique) imsemmi fl-Artikolu 37 ma għandux japplika għar-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni disposti fl-Artikoli 4 sa 12.

Artikolu 40

Ebda reviżjoni fir-rigward tal-mertu

Taħt l-ebda ċirkostanza deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ma tista' tiġi riveduta fir-rigward tal-mertu tagħha.

Artikolu 41

Sospensjoni ta' proċedimenti dwar rikonoxximent

Qorti ta' Stat Membru li ssirilha talba għal rikonoxximent ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor tista' tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie ppreżentat fl-Istat Membru ta' oriġini appell ordinarju kontra d-deċiżjoni.

Artikolu 42

Eżekutorjetà

Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u eżekutorji f'dak l-Istat għandhom ikunu eżekutorji fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew dikjarati eżekutorji hemmhekk skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

Artikolu 43

Id-determinazzjoni tad-domiċilju

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57, parti hijiex domiċiljata fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-qorti inkarigata għandha tapplika l-liġi interna ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 44

Ġuriżdizzjoni tal-qrati lokali

1.   L-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi ppreżentata lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni kkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

2.   Il-ġuriżdizzjoni lokali għandha tiġi determinata b'referenza għal post tad-domiċilju tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, jew għall-post tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 45

Proċedura

1.   Il-proċedura ta' applikazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

2.   L-applikant ma għandux ikun meħtieġ li jkollu indirizz postali jew rappreżentant awtorizzat fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni.

3.   L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

(a)

kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

(b)

l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46.

Artikolu 46

Nuqqas ta' preżentazzjoni tal-attestazzjoni

1.   Jekk l-attestazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) ma tiġix preżentata, il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tispeċifika żmien għall-preżentazzjoni tagħha jew taċċetta dokument ekwivalenti jew, jekk tikkunsidra li għandha informazzjoni suffiċjenti quddiemha, tgħaddi mingħajrha.

2.   Jekk il-qorti jew awtorità kompetenti titlob dan, għandha tiġi ppreżentata traduzzjoni jew trażlitterazzjoni tad-dokumenti. It-traduzzjoni għandha ssir minn persuna kkwalifikata biex tittraduċi f'wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 47

Dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

Id-deċiżjoni għandha tiġi ddikjarata eżekutorja immedjatament wara li jitlestew il-formalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 45 mingħajr ebda reviżjoni taħt l-Artikolu 37. Il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma għandhiex f'dan l-istadju tal-proċedimenti tkun intitolata tagħmel xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni.

Artikolu 48

Notifika tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tinġieb immedjatament għall-attenzjoni tal-applikant skont il-proċedura stabbilita bil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha tiġi notifikata lill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, akkumpanjata mid-deċiżjoni, jekk ma tkunx diġà ġiet notifikata lil dik il-parti.

Artikolu 49

Appell kontra d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

1.   Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà tista' tiġi appellata minn kwalunkwe parti.

2.   L-appell għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

3.   L-appell għandu jiġi ttrattat skont ir-regoli li jirregolaw il-proċedura f'materji kontradittorji.

4.   Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tonqos milli tidher quddiem il-qorti tal-appell fi proċedimenti dwar appell imressaq mill-applikant, għandu japplika l-Artikolu 16 anki meta l-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tkunx domiċiljata f'ebda wieħed mill-Istati Membri.

5.   Appell kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandu jiġi ppreżentat fi żmien 30 jum min-notifika tiegħu. Jekk il-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni tkun domiċiljata fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun ingħatat id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, iż-żmien għal appell għandu jkun ta' 60 jum u għandu jibda jiddekorri mid-data tal-għoti tan-notifika, kemm jekk liha personalment jew fir-residenza tagħha. Ma tista' tingħata l-ebda estensjoni minħabba d-distanza.

Artikolu 50

Proċedura biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fl-appell

Id-deċiżjoni mogħtija fl-appell tista' tiġi kkontestata biss permezz tal-proċedura kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 64.

Artikolu 51

Rifjut jew revoka ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà

Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss għal xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 37. Hija għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien.

Artikolu 52

Sospensjoni tal-proċedimenti

Il-qorti ppreżentata b'appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha, fuq applikazzjoni mill-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni, tissospendi l-proċedimenti jekk l-eżekutorjetà tad-deċiżjoni tiġi sospiża fl-Istat Membru tal-oriġini minħabba appell.

Artikolu 53

Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi

1.   Meta deċiżjoni tkun trid tiġi rikonoxxuta skont dan il-Kapitolu, xejn ma għandu jimpedixxi lill-applikant milli jagħmel użu minn miżuri provviżorji, inklużi miżuri protettivi, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà taħt l-Artikolu 47.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà għandha simultanjament tikkonferixxi, b'effett tal-liġi, is-setgħa li wieħed jipproċedi għal kwalunkwe miżura protettiva.

3.   Matul iż-żmien speċifikat għal appell taħt l-Artikolu 49(5) kontra d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà u sa meta jkun determinat kwalunkwe tali appell, ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ħlief miżuri protettivi kontra l-proprjetà tal-parti li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni.

Artikolu 54

Eżekutorjetà parzjali

1.   Fejn tkun ingħatat deċiżjoni fir-rigward ta' diversi materji u d-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà ma tistax tingħata għalihom kollha, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tagħtiha għal waħda minnhom jew aktar.

2.   Applikant jista' jitlob dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà limitata għal partijiet minn deċiżjoni.

Artikolu 55

Għajnuna legali

Applikant li, fl-Istat Membru tal-oriġini, jkun ibbenefika bis-sħiħ jew parzjalment mill-għajnuna legali jew minn eżenzjoni mill-ispejjeż jew l-infiq għandu jkun intitolat, fi kwalunkwe proċediment għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, li jibbenefika mill-għajnuna legali l-aktar favorevoli jew mill-eżenzjoni l-aktar estiża mill-ispejjeż jew l-infiq kif previst mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 56

Ebda garanzija, rahan jew depożitu

L-ebda garanzija, rahan jew depożitu, irrispettivament mid-deskrizzjoni, ma għandhom ikunu meħtieġa minn parti li fi Stat Membru tapplika ghal rikonoxximent, eżekutorjetà jew eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor minħabba li tkun ċittadin barrani jew li ma tkunx domiċiljata jew residenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 57

Ebda imposta, dazju jew onorarju

Fil-proċedimenti għall-ħruġ ta' dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà, ma għandhom jiġu imposti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni l-ebda imposta, dazju jew onorarju kkalkulati b'referenza għall-valur tal-materja inkwistjoni.

KAPITOLU V

STRUMENTI AWTENTIĊI U TRANŻAZZJONIJIET BIL-QORTI

Artikolu 58

Aċċettazzjoni ta' strumenti awtentiċi

1.   Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor kif ikollu fl-Istat Membru tal-oriġini, jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru kkonċernat.

Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista' titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-awtentiċità ta' strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati tal-Istat Membru ta' oriġini u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi ta' dak l-Istat. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ieħor sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

3.   Kwalunkwe kontestazzjoni relattiva għall-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali rreġistrati fi strument awtentiku għandha ssir quddiem il-qrati li jkollhom ġuriżdizzjoni taħt dan ir-Regolament u għandha tiġi deċiża taħt il-liġi applikabbli skont il-Kapitolu III. L-istrument awtentiku kkontestat ma għandu jipproduċi ebda effett evidenzjarju fi Stat Membru ħlief l-Istat Membru tal-oriġini fir-rigward tal-materja li tkun ikkontestata sakemm il-kontestazzjoni tkun għadha pendenti quddiem il-qorti kompetenti.

4.   Jekk l-eżitu tal-proċedimenti f'qorti ta' Stat Membru jiddependi fuq id-determinazzjoni ta' kwistjoni sekondarja relatata mal-atti legali jew ir-relazzjonijiet legali reġistrati fi strument awtentiku f'materji ta' konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, dik il-qorti għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fuq dik il-kwistjoni.

Artikolu 59

Eżekutorjetà ta' strumenti awtentiċi

1.   Strument awtentiku li jkun eżekutorju fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala eżekutorju fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), l-awtorità li stabbilixxiet l-istrument awtentiku għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

3.   Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tal-istrument awtentiku tkun manifestament kuntrarja għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 60

Eżekutorjetà ta' tranżazzjonijiet bil-qorti

1.   It-tranżazzjonijiet bil-qorti li huma eżekutorji fl-Istat Membru tal-oriġini għandhom jiġu ddikjarati bħala eżekutorji fi Stat Membru ieħor fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 44 sa 57.

2.   Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 45(3), il-qorti li approvat it-tranżazzjoni jew li quddiemha ġiet konkluża t-tranżazzjoni għandha, fuq applikazzjoni minn kwalunkwe parti interessata, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

3.   Il-qorti li quddiemha jkun ġie ppreżentat appell taħt l-Artikolu 49 jew l-Artikolu 50 għandha tirrifjuta jew tirrevoka dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà biss jekk l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni bil-qorti tkun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (ordre publique) fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 61

Legalizzazzjoni u formalitajiet simili oħra

L-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra ma għandha tkun meħtieġa fir-rigward ta' dokumenti maħruġa fi Stat Membru fil-kuntest ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 62

Relazzjonijiet mal-konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet bilaterali jew multilaterali li għalihom Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri jkunu partijiet meta jiġi adottat dan ir-Regolament jew ta' deċiżjoni skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE u li jikkonċernaw materji koperti minn dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 351 tat-TFUE.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, dan ir-Regolament għandu, bejn l-Istati Membri, jieħu preċedenza fuq konvenzjonijiet konklużi bejniethom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

Artikolu 63

Informazzjoni disponibbli għall-pubbliku

L-Istati Membri għandhom, bil-ħsieb li l-informazzjoni ssir disponibbli għall-pubbliku fil-qafas tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jipprovdu lill-Kummissjoni b'sommarju qasir tal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali tagħhom li jirrigwardaw il-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati, inkluża informazzjoni dwar it-tip ta' awtorità li għandha kompetenza f'materji tal-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubijiet reġistrati u dwar l-effetti fir-rigward tal-partijiet terzi msemmija fl-Artikolu 28.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-informazzjoni permanentement aġġornata.

Artikolu 64

Informazzjoni dwar dettalji ta' kuntatt u proċeduri

1.   Sad-29 ta' April 2018, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni:

(a)

il-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà skont l-Artikolu 44(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 49(2);

(b)

il-proċeduri biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 50.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal din l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 1, bl-eċċezzjoni tal-indirizzi u dettalji ta' kuntatt oħrajn tal-qrati u l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kollha kkomunikata skont il-paragrafu 1 pubblikament disponibbli bi kwalunkwe mezz xieraq, b'mod partikolari bin-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Artikolu 65

Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-lista li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)

1.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' notifiki mill-Istati Membri, tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f'dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont kif ikun meħtieġ.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista u kwalunkwe emendi sussegwenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-informazzjoni kollha nnotifikata f'konformità mal-paragrafi 1 u 2 permezz ta' kwalunkwe mezz ieħor li jkun adattat, b'mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

Artikolu 66

Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw l-attestazzjonijiet u l-formoli msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 45(3) u fl-Artikoli 58, 59 u 60. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 67(2).

Artikolu 67

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 68

Klawżola ta' reviżjoni

1.   Sad-29 ta' Jannar 2027, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Fejn meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-emendar ta' dan ir-Regolament.

2.   Sad-29 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 38 ta' dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jevalwa b'mod partikolari l-limitu sa fejn dawn l-Artikoli żguraw aċċess għall-ġustizzja.

3.   Għall-finijiet tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni rilevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-qrati tagħhom.

Artikolu 69

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi mfassla formalment jew reġistrati u għal tranżazzjonijiet bil-qorti approvati jew konklużi fi jew wara d-29 ta' Jannar 2019, soġġett għall-paragrafi 2 u 3.

2.   Jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta' oriġini kienu ġew istitwiti qabel id-29 ta' Jannar 2019, id-deċiżjonijiet mogħtija wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti f'konformità mal-Kapitolu IV sakemm ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni li jkunu applikati jkunu konformi ma' dawk stabbiliti fil-Kapitolu II.

3.   Il-Kapitolu III huwa biss applikabbli biss għas-sħab li jirreġistraw is-sħubija tagħhom jew li jispeċifikaw il-liġi applikabbli għall-konsegwenzi patrimonjali tas-sħubija reġistrata tagħhom wara d-29 ta' Jannar 2019.

Artikolu 70

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika fl-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet dwar ir-reġimi ta' proprjetà ta' koppji internazzjonali, li tkopri kemm materji ta' reġimi ta' proprjetà matrimonjali kif ukoll il-konsegwenzi patrimonjali ta' sħubijiet reġistrati, kif awtorizzata mid-Deċiżjoni (UE) 2016/954.

Huwa għandu japplika mid-29 ta' Jannar 2019, ħlief għall-Artikoli 63 u 64 li għandhom japplikaw mid-29 ta' April 2018, u l-Artikoli 65, 66 u 67 li għandhom japplikaw mid-29 ta' Lulju 2016. Għal dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa permezz ta' deċiżjoni adottata skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 331(1) tat-TFUE, dan ir-Regolament għandu japplika mid-data indikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri parteċipanti skont it-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU L 159, 16.6.2016, p. 16.

(2)  L-Opinjoni tat-23 ta' Ġunju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet relatati ma' obbligi ta' manteniment (ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta' strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 107).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE tat-28 ta' Mejju 2001 li tistabbilixxi Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25).

(9)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta' dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).


Top