EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0895

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/895 tat-2 ta' Frar 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta' dispożizzjonijiet tranżitorji

C/2015/0398

OJ L 147, 12.6.2015, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/895/oj

12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 147/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/895

tat-2 ta' Frar 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta' dispożizzjonijiet tranżitorji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 129(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li skonthom l-appoġġ approvat mill-Kummissjoni taħt ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 (2), (KE) Nru 1198/2006 (3) u (KE) Nru 791/2007 (4) u (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jista' jiġi integrat f'appoġġ previst skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014, inkluż għal assistenza teknika u għall-evalwazzjonijiet ex-post.

(2)

Id-dispożizzjonijiet għat-tranżizzjoni minn appoġġ skont ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006, għal appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 għandhom jiġu adottati. L-evalwazzjoni ex post tal-programmi ffinanzjati taħt il- Fond Ewropew għas-Sajd (FES) se jipprovdu informazzjoni ewlenija li tappoġġa r-rapport strateġiku għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, kif imsemmi fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Din l-informazzjoni ser tikkontribwixxi wkoll fl-evalwazzjoni tal-impatt li se tgħin fit-tħejjija tal-qafas regolatorju l-ġdid għall-Fondi SIE fil-perjodu wara l-2020.

(3)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, dan ir-Regolament għandu jaġġusta d-dati għat-tlestija tal-evalwazzjoni ex post tal-programmi biex jittieħed kont tal-fatt li l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 mhijiex kompatibbli ma' eżerċizzju ta' evalwazzjoni ex-post komprensiv, peress li mhux se jkun possibbli li evalwatur jeżamina l-impatt tal-programmi fir-rigward tal-għanijiet meta l-impenji u l-pagamenti għadhom għaddejjin. Fil-fatt, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-perjodu ta' eliġibbiltà ta' nefqa taħt il-FES idum sal-31 ta' Diċembru 2015, u għaldaqstant il-ħlasijiet mill-benefiċjarji u lilhom skont l-Artikolu 55(1) u l-Artikolu 55(7) ta' dak ir-Regolament jistgħu jsiru sa dik id-data. Barra minn hekk, l-aħħar applikazzjoni għal pagament jistgħu jintbagħtu mill-Istati Membri lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2017, skont l-Artikolu 86(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

(4)

Dan ir-Regolament għandu jiċċara wkoll li mhuwiex neċessarju li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni r-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 sat-30 ta' Ġunju 2016 minħabba li l-informazzjoni li tinsab f'dan ir-rapport mhux se tasal fil-ħin għall-inklużjoni tagħha fir-rapport ta' evalwazzjoni ex-post msemmi fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Ladarba jintbagħat lill-Kummissjoni mill-Istati Membri f'Ġunju 2016, dak ir-rapport ikun jeħtieġ jiġi approvat qabel ma jiġi eżaminat u integrat fl-evalwazzjoni ex-post sal-31 ta' Diċembru 2016. Barra minn hekk, dik l-informazzjoni ser tiġi inkluża fir-rapport finali msemmi f'dak l-Artikolu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-evalwazzjoni ex post tal-programmi operattivi u għar-rapport annwali li għandu jintbagħat mill-Istati Membri kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 2

Evalwazzjoni ex post

L-evalwazzjoni ex post imsemmija fl-Artikolu 50(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandha tiġi kompluta mill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2016.

Artikolu 3

Rapport ta' implimentazzjoni annwali

Fis-sena 2016, l-Istati Membri m'għandhomx ikunu meħtieġa li jibagħtu r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm operattiv previst fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta' Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta' Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanari, il-Guiana Franċiża u r-Réunion (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta' Politika Marittima Integrata (ĠU L 321, 5.12.2011, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).


Top