Help Print this page 
Title and reference
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas- 27 ta' Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

OJ L 190, 28.6.2014, p. 45–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

28.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 190/45


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 717/2014

tas-27 ta' Ġunju 2014

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament tal-Istat li jissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista' jiddetermina kategoriji ta' għajnuna li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit ta' notifika. F'konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat. Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 994/98 il-Kunsill iddeċieda, f'konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-għajnuna de minimis tista' tikkostitwixxi kategorija bħal din. Fuq dik il-bażi, għajnuna de minimis, li hi għajnuna mogħtija għal impriża waħda matul perjodu partikolari ta' żmien li ma taqbiżx ċertu ammont fiss, hija meqjusa li ma tkunx tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta' notifika.

(2)

Il-Kummissjoni, f'diversi Deċiżjonijet, ikkjarifikat il-kunċett ta' għajnuna, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll il-politika tagħha dwar limitu massimu de minimis li taħtu l-Artikolu 107(1) tat-Trattat jista' jitqies li ma japplikax, l-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (3) u sussegwentement fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (4) u (KE) Nru 1998/2006 (5). Fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tar-riskji li anki livelli baxxi ta' għajnuna jistgħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, is-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ġie eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk ir-Regolamenti. Il-Kummissjoni diġà adottat għadd ta' Regolamenti li jipprovdu regoli dwar l-għajnuna de minimis mogħtija fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, li l-aħħar wieħed fosthom kien ir-Regolament (KE) Nru 875/2007 (6). Permezz ta' dak ir-Regolament, l-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda attiva fis-settur tas-sajd tqies li ma jissodisfax il-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat tal-KE meta ma jkunx qabeż it-EUR 30 000 għal kull benefiċjarju fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali u jkun anqas minn ammont kumulattiv stabbilit għal kull Stat Membru u li jirrappreżenta 2,5 % tal-produzzjoni annwali fis-settur tas-sajd. Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 875/2007, huwa xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati f'dak ir-Regolament u li jiġi sostitwit.

(3)

Huwa xieraq li jinżamm il-limitu massimu ta' EUR 30 000 għall-ammont ta' għajnuna de minimis li impriża waħda tista' tirċievi għal kull Stat Membru matul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin. Dak il-limitu massimu jibqa' meħtieġ biex jiġi żgurat li kull miżura li taqa' taħt dan ir-Regolament tista' titqies li ma għandha ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma theddidx il-kompetizzjoni meta l-ammont totali ta' din l-għajnuna mogħtija lill-impriżi kollha fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq tliet snin ikun inqas minn ammont kumulattiv stabbilit għal kull Stat Membru u li jirrappreżenta 2,5 % tal-fatturat annwali tas-settur tas-sajd, jiġifieri tal-attivitajiet marbuta mal-qbid, l-ipproċessar u l-akkwakultura (il-limitu nazzjonali).

(4)

Għall-finijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, impriża hija entità involuta f'attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus legali tagħha u mill-mod kif tkun iffinanzjata (7). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-entitajiet kollha li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża waħda (8). Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista eżawrjenti ta' kriterji ċari li permezz tagħhom jiġi ddeterminat meta żewġ intrapriżi jew aktar fl-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni, minn fost il-kriterji stabbiliti sew li jiddefinixxu “impriżi relatati” fid-definizzjoni ta' intrapriża żgħira jew medja (SME) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9) u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (10), għażlet dawk il-kriterji li huma xierqa għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Il-kriterji huma diġà familjari mal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom ikunu applikabbli, minħabba l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, kemm għall-SMEs kif ukoll għal impriżi kbar. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li grupp ta' impriżi relatati jitqies bħala impriża unika għall-applikazzjoni tar-regola de minimis, iżda li intrapiżi li ma għandhom ebda rabta ma' xulxin għajr il-fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, ma jitqisux li huma marbuta ma' xulxin. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi kkontrollati mill-istess korp jew korpi pubbliċi, li jistgħu jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu b'mod indipendenti, qed tiġi kkunsidrata.

(5)

Meta jitqiesu l-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u d-definizzjoni tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura stabbilita fl-Artikolu 5(d) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli għal impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

(6)

Huwa prinċipju ġenerali li ma għandha tingħata ebda għajnuna f'ċirkostanzi fejn ma jkunux ġew osservati l-liġijiet tal-UE, u b'mod partikolari r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-għajnuna de minimis.

(7)

Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata koerenza mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, b'mod partikolari għajnuna għax-xiri ta' bastimenti tas-sajd, għajnuna għall-modernizzazzjoni jew is-sostituzzjoni ta' magni prinċipali jew anċillari ta' bastimenti tas-sajd u għajnuna għal kwalunkwe waħda mill-operazzjonijiet mhux eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(8)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta' organizzazzjoni komuni tas-suq f'settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista' ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha (13). Dan il-prinċipju japplika wkoll fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Għal dik ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Anqas ma għandu japplika għal appoġġ marbut ma' obbligu ta' kondiviżjoni ta' għajnuna ma' produtturi primarji.

(9)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna suġġetta għall-użu ta' prodotti domestiċi fuq dawk importati. B'mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni fi Stati Membri oħrajn jew f'pajjiżi terzi. Għajnuna għall-spejjeż ta' parteċipazzjoni f'fieri kummerċjali, jew ta' studji jew servizzi ta' konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta' prodott ġdid jew li diġà jeżisti f'suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż terz ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(10)

Fejn impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f'setturi oħra jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (14), id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawk is-setturi jew l-attivitajiet l-oħra, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attività fis-settur tas-sajd u tal-akkwkultura ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

(11)

Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fis-settur tal-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawn is-setturi jew l-attivitajiet tal-aħħar, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura b'mezzi xierqa, bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

(12)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stipulati f'Regolamenti speċifiċi jew f'Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jistipula wkoll regoli ċari dwar l-akkumulazzjoni li huma faċli biex jiġu applikati.

(13)

Il-perjodu ta' tliet snin li għandu jitqies għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament għandu jkun ivvalutat kontinwament sabiex, għal kull għotja ġdida ta' għajnuna de minimis, l-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija fis-sena fiskali kkonċernata, kif ukoll matul is-sentejn fiskali ta' qabel, ikun irid jiġi kkunsidrat.

(14)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura tista' ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat minħabba raġunijiet oħra minn dawk stipulati f'dan ir-Regolament, pereżempju minħabba li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq jew minħabba li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta' riżorsi tal-Istat. B'mod partikulari, aktar finanzjament tal-Unjoni amministrat ċentralment mill-Kummissjoni u li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u ma għandux jittieħed inkonsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk il-limitu massimu rilevanti jew il-limitu nazzjonali hux qed jiġi rispettat.

(15)

Għall-finijiet ta' trasparenza, trattament indaqs u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li jiġi kkalkulat bi preċiżjoni l-ekwivalenti tal-għotja gross ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan, pereżempju, jista' isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħra li jiffissaw limitu li jiżgura li l-limitu rilevanti ma jinqabiżx. L-iffissar ta' limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun żgurat li bosta miżuri ta' għajnuna flimkien ma jaqbżux il-limitu stabbilit f'dan ir-Regolament u li jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni.

(16)

L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta' kalkolu, sabiex ikun hemm trasparenza, trattament indaqs u applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammonti tal-għajnuna mogħtija mhux f'forma ta' għotja ta' flus kontanti jiġu konvertiti fl-ekwivalenti ta' għotja grossa ekwivalenti. Il-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti fir-rigward ta' tipi trasparenti ta' għajnuna barra minn għotjiet u ta' għajnuna li tkun pagabbli f'għadd ta' pagamenti jeħtieġ l-użu ta' rati ta' imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat tali għajnuna. Bl-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament ir-rati tas-suq applikabbli għandhom ikunu r-rati ta' referenza, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (15).

(17)

Għajnuna inkluża f'self, inkluża għajnuna ta' finanzjament ta' riskju de minimis fil-forma ta' self, għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie ikkalkulat abbażi ta' rati attwali ta' imgħax tas-suq fil-mument tal-għotja. Bil-għan li l-ipproċessar ta' self żgħir fuq tul ta' żmien qasir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tista' tiġi applikata faċilment u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll it-tul ta' żmien tiegħu. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, is-self li huwa assigurat b'kopertura kollaterali li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jaqbiżx EUR 150 000 u perjodu ta' ħames snin jew EUR 75 000 u perjodu ta' għaxar snin jista' jitqies li għandu ekwivalenti tal-għotja gross li ma taqbiżx il-limitu massimu de minimis. Minħabba d-diffikultajiet biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m'għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(18)

L-għajnuna inkluża f'injezzjonijiet ta' kapital ma għandhiex tkun ikkunsidrata għajnuna de minimis trasparenti, sakemm l-ammont totali ta' injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu de minimis. L-għajnuna li tikkonsisti f'miżuri ta' finanzjament tar-riskju li tieħu l-għamla ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, kif imsemmi fil-linji gwida dwar il-finanzjament tar-riskju (16), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, sakemm il-miżura kkonċernata ma tipprovdix kapital li ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

(19)

Għajnuna li tikkonsisti f'garanziji, inkluża għajnuna ta' finanzjament ta' riskju de minimis li tieħu l-forma ta' garanziji, għandha titqies bħala trasparenti fejn l-ekwivalent tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat abbażi ta' primjums eżentati stabbiliti f'avviż tal-Kummissjoni għat-tip ta' impriża kkonċernata (17). Bil-għan li l-ipproċessar ta' garanziji fuq tul ta' żmien qasir li jiggarantixxi sa 80 % ta' self relattivament żgħir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tal-garanziji kif ukoll it-tul ta' żmien tiegħu. Din ir-regola m'għandhiex tapplika għal dawk il-garanziji fuq tranżazzjonijiet sottostanti li mhumiex self, bħal garanziji għal tranżazzjonijiet ta' ekwità. Meta l-garanzija ma tkunx qabżet it-80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jaqbiżx EUR 225 000 u t-tul tal-garanzija ma jaqbiżx ħames snin, il-garanzija tista' titqies bħala ekwivalenti tal-għotja gross li ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis. L-istess japplika fejn il-garanzija ma tkunx qabżet it-80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jaqbiżx is-EUR 112 500 u t-tul tal-garanzija ma jaqbiżx l-għaxar snin. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġija biex jikkalkulaw l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanziji li jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni bis-saħħa ta' Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f'dak iż-żmien, li l-Kummissjoni tkun aċċettat ħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew skont kwalunkwe avviż suċċessiv, sakemm il-metodoloġija aċċettata tindirizza b'mod espliċitu t-tip ta' garanzija u t-tip ta' tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Minħabba d-diffikultajiet biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f'pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m'għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(20)

Meta skema ta' għajnuna de minimis tiġi implimentata permezz ta' intermedjarji finanzjarji, għandu jiġi żgurat li dawn tal-aħħar ma jirċievu l-ebda għajnuna mill-Istat. Dan jista' jiġi żgurat, pereżempju, billi l-intermedjarji finanzjarji li jibbenefikaw minn garanzija tal-Istat jintalbu jħallsu primjum konformi mas-suq jew jittrasferixxu kompletament kwalunkwe vantaġġ lill-benefiċjarji finali, jew billi jiġi rispettat il-limitu de minimis u kundizzjonijiet oħrajn ta' dan ir-Regolament anki fuq il-livell tal-intermedjarji.

(21)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista' teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix f'għotja, self, garanzija, injezzjoni ta' kapital jew miżuri ta' finanzjament ta' riskju twassalx għal forma ta' investiment ta' ekwità jew kważi ekwità li ma jaqbiżx il-limitu de minimis u tista' għalhekk tkun koperta fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(22)

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li jinżammu r-regoli ta' għajnuna mill-Istat, u b'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni li jinsab fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta' dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda skont ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu massimu kumplessiv permissibbli. Għal dak l-għan, meta l-Istati Membri jagħtu għajnuna de minimis, għandhom jinfurmaw lill-intrapriża kkonċernata bl-ammont tal-għajnuna de minimis mogħtija u l-karattru de minimis tagħha u għandhom jagħmlu referenza espliċita għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jintalbu jimmonitorjaw l-għajnuna mogħtija biex jiżguraw li l-limiti massimi rilevanti ma jinqabżux u li r-regoli ta' kumulazzjoni jiġu rrispettati. Sabiex jikkonforma ma' dak l-obbligu, qabel l-għoti ta' għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża dwar għajnuna de minimis oħra koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħra li din tkun irċeviet matul is-sena fiskali kkonċernata u s-sentejn fiskali ta' qabel. Inkella, għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jistabbilixxu reġistru ċentrali b'informazzjoni kompluta dwar l-għajnuna de minimis mogħtija u li jiċċekkjaw li kull għoti ġdid ta' għajnuna ma jaqbiżx il-limitu massimu rilevanti.

(23)

Qabel ma jagħti kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida, kull Stat Membru għandu jivverifika li la l-limitu massimu de minimis u lanqas il-limitu nazzjonali ma jinqabeż f'dak l-Istat Membru mill-għajnuna de minimis il-ġdida, u li l-kundizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament jitħarsu.

(24)

Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni u b'mod partikolari l-frekwenza li biha ġeneralment ikun meħtieġ li tiġi riveduta l-politika tal-għajnuna mill-Istat, il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun limitat. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun ġie estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta' aġġustament ta' sitt xhur f'dak li għandu x'jaqsam mal-għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, bl-eċċezzjoni ta' dan li ġej:

(a)

għajnuna li l-ammont tagħha jkun iffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq;

(b)

għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, jiġifieri għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u t-tħaddim ta' netwerk ta' distribuzzjoni jew ma' nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(c)

għajnuna li tiddependi mill-użu ta' prodotti domestiċi minflok l-użu ta' dawk importati;

(d)

għajnuna għax-xiri ta' bastimenti tas-sajd;

(e)

għajnuna għall-immodernizzar jew is-sostituzzjoni tal-magna prinċipali jew anċillari tal-bastimenti tas-sajd;

(f)

għajnuna għal operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità għas-sajd ta' bastiment jew għal tagħmir li jżid il-kapaċità ta' bastiment li jsib il-ħut;

(g)

għajnuna għall-bini ta' bastimenti ġodda tas-sajd jew għall-importazzjoni ta' bastimenti tas-sajd;

(h)

għajnuna għall-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd sakemm ma jkunx stabbilit b'mod speċifiku fir-Regolament (UE) Nru 508/2014;

(i)

għajnuna għas-sajd esploratorju;

(j)

għajnuna għat-trasferiment tas-sjieda ta' negozju;

(k)

għajnuna għar-ripopolazzjoni diretta, sakemm ma tiġix stipulata b'mod espliċitu bħala miżura ta' konservazzjoni b'att legali tal-Unjoni jew fil-każ ta' ripopolazzjoni sperimentali.

2.   Fejn impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f'wieħed jew f'aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dak ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta' dawn is-setturi jew l-attivitajiet tal-aħħar, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

3.   Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (18), dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur imsemmi qabel, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser impriżi attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(b)

“prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 5(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(c)

“ipproċessar u kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-operazzjonijiet kollha, li jinkludu t-tqandil, it-trattament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni li jsiru bejn il-ħin li fih jasal l-art il-prodott jew jinħasad u l-istadju finali.

2.   “Impriża waħda” tinkludi, għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, l-intrapriżi kollha li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a)

intrapriża waħda jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f'intrapriża oħra;

(b)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta' ġestjoni jew regolatorju ta' intrapriża oħra;

(c)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma' dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew l-artikoli ta' assoċċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża waħda, li tkun azzjonista f'intrapriża oħra jew membru tagħha, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma' azzjonisti oħra f'dik l-intrapriża jew ma' membri tagħha, il-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f'dik l-intrapriża.

L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta' intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta' għajnuna jitqiesu bħala li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma għandux jaqbeż EUR 30 000 tul kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

3.   L-ammont kumulattiv ta' għajnuna de minimis mogħti għal kull Stat Membru lil impriżi fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali, ma għandux jaqbeż il-limitu massimu stipulat fl-Anness.

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li d-dritt legali biex tingħata l-għajnuna jkun konċess lill-impriża skont is-sistema legali nazzjonali applikabbli irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw irrispettivament mill-għamla ta' għajnuna de minimis jew mill-objettiv segwit u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-perjodu ta' tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat b'referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Għall-finijiet tal-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, l-għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta' flus kontanti. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta' taxxa jew ta' xi tariffi oħra. Fejn għajnuna tingħata f'forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta' għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna.

Għajnuna pagabbli f'għadd ta' pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta' skont għandha tkun ir-rata ta' referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

7.   Meta l-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 jew il-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, jinqabeż bl-għotja ta' għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista' tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta' fużjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna de minimis kollha mogħtija qabel lil kwalunkwe waħda mill-impriżi għaddejjin minn fużjoni, għandha titqies biex jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwista taqbiżx il-limitu massimu jew il-limitu nazzjonali. Għajnuna de minimis li tkun ingħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwist għandha tibqa' legali.

9.   Jekk impriża waħda tinqasam f'żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li fil-prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk dik l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur skont il-valur kontabilistiku tal-kapital ta' ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.

Artikolu 4

Kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tista' tiġi kkalkulata b'mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

2.   Għajnuna inkluża f'għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

3.   L-għajnuna inkluża f'self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta' stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta' stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta' impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f'sitwazzjoni paragunabbli ma' klassifikazzjoni ta' kreditu ta' mill-inqas B-; jew

(b)

is-self ikun assigurat minn kollateral li jkopri mill-anqas 50 % tas-self u s-self jammonta jew għal EUR 150 000 fuq ħames snin jew għal EUR 75 000 fuq għaxar snin; jekk is-self jammonta għal inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta' dak is-self għandu jiġi kkalkulat bħala proporzjon korrispondenti tal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta' referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

4.   L-għajnuna li tikkonsisti f'injezzjonijiet ta' kapital għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta' injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2).

5.   L-għajnuna li tikkonsisti f'miżuri ta' finanzjament tar-riskju li tieħu l-għamla ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut għal impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2).

6.   L-għajnuna inkluża f'garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta' stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, għaliex jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta' stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta' impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f'sitwazzjoni paragunabbli ma' klassifikazzjoni ta' kreditu ta' mill-inqas B-; u

(b)

il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit ma jaqbiżx EUR 225 000 u t-tul tal-garanzija jkun ta' ħames snin jew l-ammont garantit ma jaqbiżx EUR 112 500 u t-tul tal-garanzija jkun ta' għaxar snin; jekk l-ammont garantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta' dik il-garanzija għandu jiġi kkalkolat bħala proporzjon korrispondenti tal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta' primjums eżentati stipulati f'avviż tal-Kummissjoni; jew

(d)

qabel l-implimentazzjoni,

(i)

il-metodoloġija użata biex jiġi kkalkolat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanzija tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f'dak iż-żmien u aċċettata mill-Kummissjoni bħala konformi mal-Avviż ta' Garanzija, jew kull Avviż ulterjuri, u

(ii)

li dik il-metodoloġija tindirizza b'mod espliċitu t-tip ta' garanziji u t-tip ta' tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

7.   L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti sakemm l-istrument jipprovdi għall-iffissar li jassigura li l-limitu rilevanti applikabbli ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.   Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura u tkun attiva wkoll f'wieħed jew f'aktar mis-setturi jew ikollha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, l-għajnuna de minimis mogħtija għall-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura skont dan ir-Regolament tista' tiġi kkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward ta' dan is-settur jew dawn is-setturi tal-aħħar jew l-attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura, b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitajiet fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013.

2.   Meta impriża tkun attiva fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, l-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 tista' tiġi kkumulata mal-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura b'konformità ma' dan ir-Regolament sal-limitu massimu stabbilit f'dan ir-Regolament, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura b'mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax minn għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

3.   L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi kkumulata mal-għajnuna tal-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna tal-Istat għall-istess miżura ta' finanzjament tar-riskju, jekk din l-akkumulazzjoni tkun taqbeż l-ogħla intensità ta' għajnuna rilevanti jew l-ammont tal-għajnuna ffissat fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta' kull każ permezz ta' regolament għall-eżenzjoni ta' kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li tkun attribwibbli għalihom tista' tiġi kumulata ma' għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.   Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, għandu jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala għotja grossa ekwivalenti u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza ta' pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Meta l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti fuq il-bażi ta' skema u ammonti differenti ta' għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista' jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta' għajnuna li tkun se tingħata taħt dik l-iskema. F'tali każ, l-ammont fiss għandu jintuża biex jiġi ddeterminat jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) intlaħaqx, u jekk ikunx inqabeż il-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3). Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru għandu wkoll jikseb mingħand l-impriża konċernata dikjarazzjoni, bil-miktub jew f'forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta' qabel u fis-sena fiskali attwali.

2.   Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi ħdan dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta' tliet snin fiskali.

3.   Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2) u mil-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3) u li jkunu tħarsu l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom iżommu rekord tal-informazzjoni kollha, u għandhom jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati. Ir-rekords relatati ma' għajnuna de minimis individwali għandhom jinżammu għal perjodu ta' 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Ir-rekords li jkollhom x'jaqsmu ma' skema ta' għajnuna de minimis se jinżammu għal perjodu ta' 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali bit-tali skema.

5.   Fuq talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f'perjodu ta' 20 jum ta' xogħol jew f'perjodu itwal hekk kif jista' jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis li hi meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunux ġew imħarsa, u b'mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għajnuna mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament. Kwalunkwe għajnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi rilevanti.

2.   Kull għajnuna de minimis individwali li ngħatat bejn l-1 ta' Jannar 2005 u t-30 ta' Ġunju 2008, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk għandha tiġi eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Kull għajnuna de minimis individwali mogħtija bejn il-31 ta' Lulju 2007 u t-30 ta' Ġunju 2014, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

4.   Fl-aħħar tal-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta' għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' dan ir-Regolament tibqa' koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014.

Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 92, 29.3.2014, p. 22.

(3)  Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta' Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 tal-24 ta' Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6).

(7)  Il-Kawża C-222/04 Ministero dell'Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA et al. [2006] Ġabra I-289.

(8)  Il-Kawża C-382/99 Il-Pajjiżi l-Baxxi v Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-5163.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(13)  Il-Kawża C-456/00 Franza v Il-Kummissjoni [2002] Ġabra I-11949.

(14)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(16)  Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti tal-kapital għal riskju f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2).

(17)  Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji, (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).


ANNESS

Limitu massimu nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 3(3)

(EUR)

Stat Membru

Ammont kumulattiv massimu ta' għajnuna de minimis għal kull Stat Membru fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura

Il-Belġju

11 240 000

Il-Bulgarija

1 270 000

Ir-Repubblika Ċeka

3 020 000

Id-Danimarka

51 720 000

Il-Ġermanja

55 520 000

L-Estonja

3 930 000

L-Irlanda

20 820 000

Il-Greċja

27 270 000

Spanja

165 840 000

Franza

112 550 000

Il-Kroazja

6 260 000

L-Italja

96 310 000

Ċipru

1 090 000

Il-Latvja

4 450 000

Il-Litwanja

8 320 000

Il-Lussemburgu

0

L-Ungerija

975 000

Malta

2 500 000

Il-Pajjiżi l-Baxxi

22 960 000

L-Awstrija

1 510 000

Il-Polonja

41 330 000

Il-Portugall

29 200 000

Ir-Rumanija

2 460 000

Is-Slovenja

990 000

Is-Slovakkja

860 000

Il-Finlandja

7 450 000

L-Isvezja

18 860 000

Ir-Renju Unit

114 780 000


Top