Help Print this page 
Title and reference
Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

OJ L 149, 20.5.2014, p. 1–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html GA html HR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf GA pdf HR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/1


REGOLAMENT (UE) Nru 508/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42, l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 91(1) u l-Artikolu 100(2), l-Artikolu 173(3), l-Artikoli 175 u 188, l-Artikolu 192(1), l-Artikolu 194(2), l-Artikolu 195(2) u l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li aġixxew skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ Lulju 2011 intitolata ir-“Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd”‘stabbiliet l-isfidi potenzjali, l-objettivi u l-orjentazzjonijiet għall-Politika Komuni tas-Sajd (’“il-PKS”) wara l-2013. Fid-dawl tad-dibattitu wara l-pubblikazzjoni ta’ dik il-Komunikazzjoni, il-PKS ġiet riformata bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Ir-riforma tal-PKS tkopri l-elementi ewlenin kollha tal-PKS, inklużi l-aspetti finanzjarji tagħha. Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dik ir-riforma, huwa xieraq li jitħassru r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003 (5), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 (6), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (7) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 (8) u li dawn jiġu sostitwiti minn dan ir-Regolament.

Billi huwa rikonoxxut li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-oċeani u l-ibħra tal-Ewropa huma interkonnessi, dan ir-Regolament għandu jappoġġa wkoll l-iżvilupp ulterjuri tal-Politika Marittima Integrata (PMI) kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1255/201 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(2)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) għandu jinkludi appoġġ għall-PKS għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, għall-ġestjoni tas-sajd u l-flotot li jisfruttaw dawk ir-riżorsi, għar-riżorsi bijoloġiċi tal-ilma ħelu u- l-akkwakultura, u kif ukoll għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, meta dawn l-attivitajiet iseħħu fit-territorju tal-Istati Membri, minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, jew minn ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà primarja tal-Istat tal-bandiera, dejjem fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 117 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (10) (UNCLOS).

(3)

Is-suċċess tal-PKS jiddependi minn sistema effettiva ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar, kif ukoll minn data sħiħa u affidabbli, kemm għal finijiet ta’ parir xjentifiku kif ukoll għal finijiet ta’ implimentazzjoni u kontroll. Għalhekk il-FEMS għandu jappoġġa dawk il-politiki.

(4)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-FEMS għandu jinkludi l-appoġġ lill-PMI, inkluż għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet koordinati u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-oċeani, l-ibħra, ir-reġjuni kostali u s-setturi marittimi, li jikkomplimentaw il-politiki differenti tal-Unjoni li għandhom x’jaqsmu magħhom, l-aktar il-PKS, u l-politika ta’ trasport, industrija, koeżjoni territorjali, ambjent, enerġija u turiżmu. Fil-ġestjoni ta’ politiki settorjali differenti fil-baċiri tal-Baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, l-Ibħra Ċeltiċi, il-Bajja ta’ Biscay u l-Kosta Iberika, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, għandhom jiġu żgurati l-koerenza u l-integrazzjoni.

(5)

Il-benefiċjarji tal-FEMS, fis-sens tal-punt (10) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jistgħu ikunu operaturi, skont it-tifsira tal-punt (30) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013, sajjieda jew organizzazzjonijiet ta’ sajjieda sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(6)

F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010, li permezz tagħhom ġiet adottata l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għal impjiegi u tkabbir inteliġenti, sostenibbli u inklużiv, abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020 - Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (“l-istrateġija Ewropa 2020”), l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw ‘tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li jippromwovu l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni. ‘Ir-riżorsi għandhom jiġu ffokati sabiex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, b’mod partikolari dawk marbutin mal-impjiegi, it-tibdil fil-klima, s-sostenibbiltà tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali, u tittejjeb l-effettività permezz ta’ aktar attenzjoni fuq ir-riżultati. L-inklużjoni tal-PMI fil-FEMS tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi politiċi ewlenin stabbiliti ‘u tikkorrispondi mal-objettivi ġenerali li tiżdied il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali msemmija fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-FEMS jikkontribwixxi għall-objettivi tal-PKS, il-PMI u l-istrateġija Ewropa 2020, jeħtieġ li jiġi ffokat fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet prinċipali relatati mat-trawwim ta’ sajd u akkwakultura ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattivi, kompetittivi u bbażati fuq l-għarfien, it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS, iż-żieda fl-impjiegi u l-koeżjoni territorjali, it-trawwim tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar, kif ukoll it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PMI.

(8)

Fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-FEMS, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li telimina n-nuqqas ta’ ugwaljanza u tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

(9)

L-objettiv ġenerali tal-PKS huwa li tiżgura li l-attivitajiet ta’ sajd u tal-akkwakultura jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ambjentali li jkunu jistgħu jkunu sostnuti fit-tul li jkunu neċessarji għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Barra minn hekk, għandha tikkontribwixxi għal produttività akbar, livell ta’ għajxien tajjeb għas-settur tas-sajd u s-swieq stabbli, u għandha tiżgura d-disponibbiltà tar-riżorsi u li l-provvisti jilħqu lill-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli.

(10)

Huwa ta’ importanza kbira li t-tħassib ambjentali jiġi integrat aħjar fil-PKS li għandha tilħaq l-objettivi u l-miri tal-politika ambjentali tal-Unjoni u tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-PKS hija mmirata lejn sfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar li jreġġa’ lura u jżomm l-istokkijiet tal-ħut fil-livelli li jistgħu joħolqu rendiment massimu sostenibbli sal-2015, meta jkun possibbli, u mhux aktar tard mill-2020. Il-PKS għandha timplimenta approċċi prekawzjonali u tal-ekosistemi għall-ġestjoni tas-sajd. Konsegwentement, il-FEMS għandu jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent marittimu kif stabbilit fid-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(11)

Il-finanzjament tan-nefqa tal-PKS u tal-PMI permezz ta’ fond waħdieni, il-FEMS, għandu jindirizza l-ħtieġa għal simplifikazzjoni, u għandu jsaħħaħ l-integrazzjoni taż-żewġ politiki. L-estensjoni tal-ġestjoni kondiviża għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni inkluż kumpens għar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kontroll, l-attivitajiet tal-ġbir ta’ data u ta’ ġestjoni u l-PMI għandhom ikomplu jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni u għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri, kif ukoll jiksbu konsistenza u effiċjenza akbar tal-appoġġ mogħti.

(12)

Il-baġit tal-Unjoni għandu jiffinanzja l-ispejjeż tal-PKS u tal-PMI permezz ta’ fond waħdieni, il-FEMS, direttament jew fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Il-ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri għandha tapplika mhux biss għal miżuri li jappoġġaw is-sajd, l-akkwakultura u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, iżda anki għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni, l-kumpens għar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kontroll u l-attivitajiet tal-ġbir ta’ data kif ukoll il-PMI. Il-ġestjoni diretta għandha tapplika għall-parir xjentifiku, il-miżuri speċifiċi ta’ kontroll u infurzar, il-kontribuzzjonijiet volontarji lill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, il-Kunsilli Konsultattivi, l-informazzjoni dwar is-suq, l-operazzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-‘PMI u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. Għandhom jiġu speċifikati t-tipi ta’ opreazzjonijiet li jikkwalifikaw għal finanzjament taħt l-EMFF’.

(13)

Huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ miżuri ta’ kontroll u ta’ infurzar li huma kofinanzjati fi ħdan il-qafas tal-ġestjoni kondiviża u dawk kofinanzjati fi ħdan il-qafas ta’ ġestjoni diretta. Huwa kruċjali li jiġu delimitati r-riżorsi li għandhom jiġu allokati għall-kontroll u għall-ġbir ta’ data taħt ġestjoni kondiviża - filwaqt li tkun permessa flessibbiltà bejn iż-żewġ kategoriji ta’ miżuri.

(14)

Skont lir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt il-FEMS għandu jingħata bil-kundizzjoni li l-Istati Membri u l-operaturi jkunu konformi mar-regoli tal-PKS. Dan ir-rekwiżit huwa maħsub biex jirrefletti r-responsabbiltà tal-Unjoni li fl-interess pubbliku tiżgura l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar taħt il-PKS, skont l-Artikolu 3 TFUE.

(15)

L-ilħuq tal-objettivi tal-PKS ikun imxekkel jekk l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt il-FEMS jingħata lil operaturi li, ex ante, ma kkonformawx mar-rekwiżiti relatati mal-interess pubbliku ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar. Għaldaqstant l-applikazzjonijiet ippreżentati mill-operaturi għandhom ikunu ammissibbli biss għall-finanzjament taħt il-FEMS bil-kundizzjoni li, f’perijodu ta’ żmien partikolari qabel ma jippreżentaw applikazzjoni għal appoġġ, l-operaturi kkonċernati ma kkommettewx ksur serju, reat jew frodi u ma kinux involuti fl-operazzjoni, fil-ġestjoni jew fis-sjieda ta’ bastimenti tas-sajd inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ bastimenti involuti f’sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU), jew ta’ bastimenti li jtajru bandiera ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li ma jikkooperawx hekk kif stabbilit f’dan ir-Regolament

(16)

Barra minn hekk, il-benefiċjarji għandhom ikomplu jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà matul il-perijodu kollu tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni u, għal perijodu ta’ ħames snin wara li l-benefiċjarju kkonċernat ikun ingħata l-pagament finali.

(17)

Il-konsegwenzi u l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom japplikaw f’każ li l-benefiċjarju jonqos milli jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mal-‘eliġibbiltà u d-durata. Sabiex jiġi determinat l-ammont ta’ tali korrezzjoni finanzjarja, għandu jittieħed kont tan-natura, il-gravità, it-tul u r-ripetizzjoni tal-ksur, reat jew frodi mill-benefiċjarju u tal-importanza tal-kontribuzzjoni tal-FEMS għall-attività ekonomika tal-benefiċjarju.

(18)

L-ilħuq tal-objettivi tal-PKS jiġi imxekkel wkoll jekk l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni taħt l-FEMS jitħallas lill-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom taħt ir-regoli tal-PKS relatati mal-interess pubbliku ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, bħall-ġbir ta’ data u l-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ kontroll. Barra minn hekk, jekk dawk l-obbligi, hemm ir-riskju li l-Istati Membri ma jidentifikawx applikazzjonijiet inammissibbli jew operazzjonijiet ineliġibbli.

(19)

Bħala miżura ta’ prekawzjoni, sabiex jiġu evitati pagamenti ineliġibbli kif ukoll biex l-Istati Membri jiġu provduti inċentiv biex jikkonformaw mar-regoli tal-PKS, għandhom jiġu previsti l-interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagament u s-sospensjoni tal-pagamenti, miżuri li huma limitati biż-żmien u li huma fl-ambitu tagħhom ta’ applikazzjoni. Korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom konsegwenzi definiti u irrevokabbli għandhom japplikaw biss għal infiq li huwa affettwat mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

(20)

Għat-titjib tal-koordinazzjoni u tal-implimentazzjoni armonizzata tal-Fondi li jipprovdu appoġġ fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), mal-Fondi għall-iżvilupp rurali għas-settur tal-affarijiet marittimi u tas-sajd, jiġifieri l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), u l- FEMS, ġew stabbiliti rispettivament, dispożizzjonijiet komuni għal dawk il-Fondi kollha (il-’“Fondi ESI”’) fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013’. Minbarra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, dan ir-Regolament fih dispożizzjonijiet speċifiċi, komplimentari minħabba l-partikolaritajiet tas-setturi tal-PKS u l-PMI.

(21)

Il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi applikat għall-programm operazzjonali u matul iċ-ċiklu tal-programm kollu filwaqt li jittieħed kont tad-daqs tal-amministrazzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri u tal-ammont totali ta’ nfiq pubbliku allokat għall-programm operazzjonali.

(22)

Il-Kummissjoni għandha tqassam l-approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli kull sena skont l-Istati Membri bl-użu ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu indikaturi li jkejlu d-daqs tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, il-firxa tar-responsabbiltajiet tal-kontroll u l-ġbir ta’ data, l-allokazzjonijiet storiċi skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 u l-konsum storiku skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru (KE) Nru 861/2006.

(23)

Is-sodisfar ta’ ċerti kundizzjonalitajiet speċifiċi ex ante huwa importanti ħafna fil-kuntest tal-PKS, speċjalment fir-rigward tal-preżentazzjoni ta’ rapport dwar il-kapaċità tas-sajd u ta’ pjan ta’ strateġiku nazzjonali plulriennali dwar l-akkwakultura u l-kapaċità amministrattiva pprovata li jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-data għall-ġestjoni tas-sajd u li jinfurzaw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar tal-Unjoni.

(24)

F’konformità mal-mira ta’ simplifikazzjoni, l-attivitajiet kollha taħt l-FEMS li jaqgħu taħt il-ġestjoni kondiviża, inkluż il-kontroll u l-ġbir ta’ data, għandhom jieħdu l-forma ta’ programm operazzjonali waħdieni għal kull Stat Membru, f’konformità mal-istruttura nazzjonali ta’ kull Stat Membru konċernat. L-eżerċizzju tal-ipprogrammar għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Meta jħejju l-programm operazzjonali waħdieni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontenut u l-volum ‘tal-programmi operazzjonali tagħhom jirrifletti l-mira ta’ simplifikazzjoni. Kull programm għandu jidentifika strateġija sabiex jintlaħqu l-miri fir-rigward ta’ dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni għall-FEMS u għażla ta’ miżuri. L-ipprogrammar għandu jkun konformi mal-prijoritajiet tal-Unjoni, filwaqt li jkun adattat għall-kuntesti nazzjonali u jikkomplimenta l-politiki l-oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika tal-iżvilupp rurali u l-politika ta’ koeżjoni.

(25)

Bil-ħsieb li jippromwovu s-sajd kostali fuq skala żgħira, l-Istati Membri li għandhom segment ta’ sajd kostali fuq skala żgħira ħafna, għandhom jehmżu mal-programmi operazzjonali tagħhom, pjani ta’ azzjoni għall-iżvilupp, il-kompetittività u s-sostenibbiltà ta’ sajd kostali fuq skala żgħira.

(26)

Sabiex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-mira ta’ simplifikazzjoni fl-implimentazzjoni tal-FEMS u sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta’ kontroll u r-rata ta’ żbalji, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-akbar użu possibbli mill-possibbiltà li jużaw forom simplifikati ta’ għotjiet kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(27)

Għall-iskop tal-infurzar tal-obbligi ta’ kontroll taħt il-PKS, l-Istati Membri għandhom ifasslu t-taqsima dwar il-kontroll tal-programm operazzjonali skont il-prijoritajiet tal-Unjoni adottati mill-Kummissjoni għal dak il-qasam ta’ politika. Sabiex il-programm operazzjonali jiġi aġġustat skont il-ħtiġijiet li jevolvu fir-rigward tal-kontroll u l-infurzar, it-taqsima tal-kontroll tal-programmi operazzjonali tista’ tiġi rieżaminata regolarment abbażi tal-bidliet fil-prijoritajiet tal-Unjoni fil-politika ta’ kontroll u infurzar taħt il-PKS. Dawk l-emendi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. Sabiex tinżamm ilflessibbiltà fl-ipprogrammar tal-attivitajiet fil-qasam tal-kontroll, ir-reviżjoni tat-taqsima tal-kontroll tal-programmi operazzjonali għandha tkun soġġetta għal proċedura simplifikata.

(28)

L-Istati Membri għandhom ifasslu t-taqsima dwar il-ġbir ta’ data tal-programm operazzjonali f’konformità mal-Programm Pluriennali tal-Unjoni kif imsemmi firr-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (13). Sabiex jadattaw għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ data, l-Istati Membri għandhom skont dak ir-Regolament, ifasslu pjan ta’ ħidma ‘li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

(29)

Il-fondi taħt il-ġestjoni diretta bl-eċċezzjoni tal-assistenza teknika mill-Kummissjoni għandhom jiġu definiti minn qabel b’objettivi ta’ 5 % ta’ marġni ta’ flessibbiltà u jkunu regolati bi programmi ta’ ħidma annwali.

(30)

Sabiex jiżdiedu l-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd, huwa vitali li jiġu stimolati u li jingħata appoġġ lil investimenti fl-innovazzjoni. Sabiex jiġi inkoraġġut livell ogħla ta’ parteċipazzjoni, il-proċedura tal-applikazzjoni għal appoġġ għall-innovazzjoni għandha tiġi simplifikata.

(31)

L-investiment fil-kapital uman huwa wkoll vitali sabiex jiżdiedu l-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tas-sajd u tal-attivitajiet marittimi. Għalhekk, il-FEMS għandu jappoġġa s-servizzi ta’ konsulenza, il-kooperazzjoni bejn ix-xjenzati u s-sajjieda, it-taħriġ professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, u għandu jistimola d-disseminazzjoni ta’ għarfien jgħin fit-titjib tal-prestazzjoni u l-kompetittività globali tal-operaturi u jippromwovi djalogu soċjali. B’rikonoxximent għar-rwol tagħhom fil-komunitajiet tas-sajd, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-konjuġi u s-sħab fil-ħajja ta’ sajjieda li jaħdmu għal rashom għandhom ukoll jingħataw appoġġ għat-taħriġ professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u d-disseminazzjoni ta’ għarfien, u, għan-netwerking li jikkontribwixxu għall-iżvilupp professjonali tagħhom.

(32)

Sabiex tingħata għajnuna liż-żgħażagħ li għaddejjin minn diffikultajiet rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol fis-settur tas-sajd fi iż-żmien ta’ kriżi finanzjarja persistenti, il-FEMS għandu jappoġġa l-programmi ta’ apprendistat u l-korsijiet dwar prattiki tas-sajd sostenibbli u l-konservazzjoni ta’ riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

(33)

Konxju mill-potenzjal li d-diversifikazzjoni toffri għas-sajjieda kostali fuq skala żgħira u r-rwol kruċjali tagħhom fil-komunitajiet kostali, il-FEMS għandu jipprovdi appoġġ lill-investimenti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet komplimentari, inklużi, investimenti abbord, it-turiżmu tas-sajd bil-qasba, ir-restoranti, is-servizzi ambjentali relatati mas-sajd u l-attivitajiet edukattivi dwar is-sajd.

(34)

Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi ġdida fis-settur tas-sajd minn sajjieda żgħażagħ jikkostitwixxu sfida finanzjarjau huma element li għandu jitqies fl-allokazzjoni u l-mira tal-fondi taħt il-FEMS. Dan l-iżvilupp huwa essenzjali għall-kompetittività tas-settur tas-sajd fl-Unjoni. Konsegwentement, ‘għandu jiġi stabbilit apoġġ għal sajjieda żgħażagħ li jibdew l-attivtajiet ta’ sajd tagħhom sabiex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment inizjali tagħhom. Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda appoġġati taħt il-FEMS, l-appoġġ għandu jkun bil-kundizzjoni li jinkisbu l-ħiliet u kompetenzi neċessarji. L-appoġġ għall-bidu ta’ negozji (business start-up) għandu jikkontribbwixxi biss għall-akkwist tal-ewwel bastiment tas-sajd.

(35)

Sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-saħħa u tas-sikurezza abbord, il-FEMS għandu jappoġġa l-investimenti li jkopru s-sikurezza, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, is-saħħa u l-iġjene abbord dment li l-investimenti appoġġati jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

(36)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-għoti ta’ allowances u kumpens finanzjarju lis-sajjieda u s-sidien ta’ bastimenti tas-sajd f’każijiet ta’ waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, jekk tali waqfien ikun il-konsegwenza diretta ta’ ċerti miżuri ta’ konservazzjoni, bl-esklużjoni tal-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd, ikun previst f’ċerti pjanijiet tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-ġestjoni tas-sajd, jew jirriżulta minħabba li l-ftehimiet ta’ sħubija tas-sajd sostenibbli jew il-protokolli għalihom ma ġġeddewx. Tali regoli għandhom ukoll jiġi stipulati f’każijiet ta’ waqfien permanenti tal-attivitajiet tas-sajd.

(37)

Għandu jkun possibbli, taħt ċerti kondizzjonijiet, għall-FEMS li jikkontribwixxi għall-fondi reċiproċi li jipprovdu kumpens finanzjarju lis-sajjeda għal telf ekonomiku kkawżat minn avvenimenti klimatiċi ħżiena, inċident ambjentali jew l-ispejjeż ta’ salvataġġ.

(38)

Sabiex l-attivitajiet tas-sajd jiġu adattati għall-opportunitajiet tas-sajd, għandu jkun possibbli li l-FEMS ‘jappoġġa d-disinn, l-iżvilupp, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ sistemi li jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd.

(39)

Huwa ta’ importanza kbira li t-tħassib ambjentali jiġi integrat fil-FEMS u li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni taħt il-PKS, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-diversi kundizzjonijiet fost l-ibħra tal-Unjoni. Għal dak il-għan, huwa essenzjali li jiġi żviluppat approċċ reġjonalizzat għall-miżuri ta’ konservazzjoni.

(40)

Bl-istess mod, għandu jkun possibnbli għall-FEMS li jappoġġa t-tnaqqis tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent marittimu b’mod partikolari permezz tal-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni u l-użu ta’ apparat u tagħmir aktar selettivi kif ukoll permezz ta’ miżuri li għandhom l-għan li jipproteġu u jreġġgħu lura l-bijodiversità u l-ekosistemi marittimi u s-servizzi li jipprovdu, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità għall-2020.

(41)

F’konformità mal-mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 relatata mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-użu effiċjenti tal-enerġija, għandu jkun possibbli li lFEMS’ jappoġġa investimenti abbord u awditi tal-enerġija.

(42)

Sabiex jiġu mnaqqsal-effetti tat-tibdil fil-klima u titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, għandu jkun possibbli li jingħata appoġġ lill-modernizzazzjoni u s-sostituzzjoni ta’ magni prinċipali u anċillari dment li l-operaturi attivi fis-sajd kostali fuq skala żgħira jingħataw prijorità fil-proċess tal-għażla sabiex l-aċċess tagħhom għall-finanzjament jiżdied, u dment li bastimenti akbar jikkontribwixxu għat-tnaqqis tas-saħħa tal-magna.

(43)

Sabiex ma jiġix mhedded l-objettiv tas-sostenibbiltà tar-riforma tal-PKS, l-ammont ta’ appoġġ finanzjarju li jista’ jiġi ddedikat għall-miżuri ta’ flotta, bħall-waqfien temporanju u permanenti kif ukoll is-sostituzzjoni ta’ magna, għandu jkollu limitu, u l-perijodu ta’ żmien li matulu għandu jingħata tali appoġġ finanzjarju għal waqfien permanenti għandu jkun limitat.

(44)

F’konformità mal-projbizzjoni tar-rimi introdotta mill-PKS, il-FEMS għandu jappoġġa l-investimenti abbord li għandhom l-għan li jagħmlu l-aħjar użu mill-ħut maqbud mhux mixtieq u li jivvalorizzaw il-komponenti li ma jintużawx wisq tal-ħut maqbud. Meta wieħed iqis l-iskarsità tar-riżorsi, u sabiex jiġi massimizzat il-valur tal-ħut maqbud, il-FEMS għandu jappoġġa wkoll l-investimenti abbord li għandhom l-għan li jżidu l-valur kummerċjali għall-ħut maqbud.

(45)

Konxju mill-importanza tal-portijiet tas-sajd, is-siti ta’ żbark u l-postijiet ta’ kenn, il-FEMS għandu jappoġġa l-investimenti rilevanti li għandhom il-mira, b’mod partikolari li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-protezzjoni ambjentali, il-kwalità tal-prodotti żbarkati, u li jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ sikurezza u tax-xogħol.

(46)

Huwa ferm importanti għall-Unjoni li jinkiseb bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi tal-ilma ħelu u l-isfruttament tagħhom. Għalhekk, b’kont meħud tal-impatt ambjentali u filwaqt li jiġi żgurat li s-setturi kollha jibqa’ jkollhom vijabbiltà ekonomika, għandhom ikunu stipulati miżuri xierqa sabiex jiġi appoġġat is-sajd intern.

(47)

F’konformità mal- Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Settembru 2002 intitolata ‘Strateġija għal żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura Ewropea’, u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tad-29 ta’ April 2013 intitolata “Linji Gwida strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE”, l-objettivi tal-PKS u l-istrateġija Ewropa 2020, il-FEMS għandu jappoġġa l-iżvilupp ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli tal-industrija tal-akkwakultura.

(48)

Minħabba l-impatt potenzjali li jista’ jkollhom fuq il-popolazzjonijiet selvaġġi tal-baħar l-annimali mrobbija li jaħarbu mis-siti tal-akkwakultura, il-FEMS ma għandux jipprovdi inċentivi għat-trobbija ta’ organiżmi modifikati ġenetikament.

(49)

L-akkwakultura tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni kostali u rurali. Għalhekk, huwa kruċjali li l-FEMS ikun aċċessibbli għall-impriżi tal-akkwakultura, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u li jikkontribwixxi sabiex ikun hemm akkwakulturisti ġodda fin-negozju. Sabiex jiżdiedu l-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tal-attivitajiet tal-akkwakultura, huwa vitali li jiġu stimolati l-innovazzjoni u l-imprenditorija. Għalhekk għandu jkun possibbli għall-FEMS li jappoġġa operazzjonijiet innovattivi, l-iżvilupp tan-negozju ta’ impriżi tal-akkwakultura inġenerali, inkluża l-akkwakultura mhux tal-ikel u dik lil hinn mill-kosta, u attivitajiet komplimentari bħat-turiżmu tas-sajd bil-qasba, is-servizzi ambjentali relatati mal-akkwakultura jew attivitajiet edukattivi.

(50)

L-investiment fil-kapital uman huwa wkoll vitali sabiex jiżdiedu l-kompetittività u l-prestazzjoni ekonomika tal-attivitajiet tal-akkwakultura. Għalhekk, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jappoġġa t-tagħlim tul il-ħajja u n-netwerking li jistimolaw it-tixrid tal-għarfien, kif ukoll is-servizzi ta’ konsulenza li jgħinu sabiex jittejbu l-kompetittività u l-prestazzjoni globali tal-operaturi.

(51)

Sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-siti u l-infrastrutturi tal-akkwakultura, għandu jkun possibbli li ll-FEMS jappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-għażliet strateġiċi tagħhom, b’mod partikolari rigward id-definizzjoni u l-immappjar taż-żoni li jistgħu jitqiesu l-aktar adatti għall-iżvilupp tal-akkwakultura.

(52)

Sabiex jippromwovi akkwakultura soċjalment u ambjentalment sostenibbli, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jappoġġa l-attivitajiet tal-akkwakultura li għandhom rispett kbir lejn l-ambjent, il-konverżjoni tal-impriżi tal-akkwakultura għall-ekoġestjoni, l-użu ta’ skemi ‘tal-awditjar, kif ukoll il-konverżjoni għall-akkwakultura organika. Bl-istess mod, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jappoġġa wkoll l-akkwakultura li tipprovdi servizzi ambjentali speċjali.

(53)

Konxju mill-importanza tal-protezzjoni tal-konsumaturi, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jipprovdi appoġġ adegwat lill-akkwakulturisti sabiex jipprevjenu u jtaffu r-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali li tista’ tikkawża t-trobbija fil-qasam tal-akkwakultura.

(54)

Fid-dawl tar-riskju tal-investimenti fl-attivitajiet tal-akkwakultura, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jippromwovi s-sigurtà tan-negozju billi jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-istokk tal-akkwakultura, u b’hekk jissalvagwardja d-dħul tal-produtturi f’każ ta’ telf anormali fil-produzzjoni, b’mod partikolari minħabba diżastri naturali, avvenimenti klimatiċi ħżiena, bidliet f’daqqa fil-kwalità tal-ilma, mard jew infestazzjonijiet minn insetti u l-qerda tal-faċilitajiet tal-produzzjoni.

(55)

Meta wieħed iqis li l-approċċ immexxi mill-komunità għall-iżvilupp lokali, fuq numru ta’ snin, wera l-utilità tiegħu fil-promozzjoni tal-iżvilupp tas-sajd u tal-akkwakultura kif ukoll taż-żoni rurali billi jikkunsidra b’mod sħiħ il-ħtiġijiet multisettorjali għall-iżvilupp endoġenu, l-appoġġ għandu jissokta u jissaħħaħ fil-ġejjieni.

(56)

Fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, l-iżvilupp immexxi mill-komunità għandu jinkoraġġixxi lill-istrateġiji innovattivi biex joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, b’mod partikolari billi jżidu l-valur għall-prodotti tas-sajd u jiddiversifikaw l-ekonomija lokali lejn attivitajiet ekonomiċi ġodda, inklużi dawk offruti minn tkabbir marittimu (“blue growth”) u s-setturi marittimi usa’.

(57)

L-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar, il-ħolqien ta’ impjiegi, u t-trawwim tal-innovazzjoni fil-livell lokali. Għandu wkoll jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali, li hija l-prijorità ewlenija tat-TFUE.

(58)

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità għandu jiġi implimentat permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq minn sħubijiet lokali li huma magħmula minn rappreżentanti tas-settur pubbliku, is-settur privat u tas-soċjetà ċivili u li jirriflettu sew is-soċjetà lokali. Dawk l-atturi lokali huma fl-aħjar pożizzjoni biex ifasslu u jimplimentaw strateġiji tal-iżvilupp lokali multisettorjali mmexxijin mill-komunità sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet taż-żona tas-sajd lokali tagħhom. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-ebda grupp ta’ interess waħdieni ma jkollu aktar minn 49 % tad-drittijiet tal-vot fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd (FLAGs).

(59)

In-netwerking bejn is-sħubiji lokali huwa karatteristika essenzjali ta’ dak l-approċċ. Il-kooperazzjoni bejn is-sħubiji lokali hija għalhekk għodda ta’ żvilupp importanti li għandha tkun appoġġata mill-FEMS.

(60)

L-appoġġ għaż-żoni tas-sajd permezz tal-FEMS għandu jiġi kkoordinat mal-appoġġ għall-iżvilupp lokali offrut minn Fondi oħrajn tal-Unjoni u għandu jkopri l-aspetti kollha tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxijin mill-komunità u l-operazzjonijiet ‘FLAGs, kif ukoll l-ispejjeż għall-animazzjoni taż-żona lokali u t-tmexxija tas-sħubija lokali.

(61)

Sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tas-sajd u tal-akkwakultura f’suq kompetittiv ħafna, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) kif ukoll għall-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u pproċessar imwettqa mill-operaturi sabiex jimmassimizzaw il-valur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-promozzjoni tal-operazzjonijiet li jintegraw l-attivitajiet tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-katina tal-provvista jew li jikkonsistu minn proċessi jew metodi innovattivi. Għandha tingħata prijorità lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi meta jingħataw appoġġ. Fil-każ ta’ pjanijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni, tali organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet biss għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ.Sabiex jadatta għall-politika ġdida ta’ projbizzjoni fuq ir-rimi, il-FEMS għandu jappoġġa wkoll l-ipproċessar ta’ qabdiet mhux mixtieqa.

(62)

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 jipprevedi mekkaniżmu ta’ ħżin għall-prodotti tas-sajd intenzjonati għal konsum mill-bniedem bil-ħsieb li tissaħħaħ l-istabbilizzazzjoni tas-swieq. Sabiex tiġi żgurata transizzjoni mill-mekkaniżmi ta’ intervent fis-suq għal fokus ġdid fuq l-ippjanar u l-ġestjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni, kwalunkwe appoġġ mogħti mill-FEMS għandu ‘jintemm sal-31 ta’ Diċembru 2018.

(63)

Billi jirrikonoxxi l-kompetizzjoni li qed tikber li jaffaċċjaw s-sajjieda kostali ta’ skala żgħira, għandu jkun possibbli għall-FEMS li jappoġġa inizjattivi imprenditorjali ta’ sajjieda kostali fuq skala żgħira li jżidu l-valur għall-ħut li jaqbdu, b’mod partikolari billi jwettqu l-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni diretta ta’ tali ħut.

(64)

Minħabba li l-attivitajiet tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet, b’mod partikolari minħabba d-distanza mbiegħda u l-kundizzjonijiet klimatiċi partikolari tagħhom, għandu jkun possibbli li l-FEMS iqis il-limitazzjonijiet ta’ tali reġjuni rikonoxxuti mill-Artikolu 349 TFUE.

(65)

Sabiex iżżomm il-kompetittività ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni mqabbla ma’ dik ta’ prodotti simili minn reġjuni oħrajn tal-Unjoni, fl-1992 l-Unjoni introduċiet miżuri biex tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali relatati fis-settur tas-sajd. Il-miżuri li japplikaw għall-perijodu 2007-2013 huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 791/2007. Huwa neċessarju li jkompli jiġi pprovdut appoġġ sabiex jittaffew l-ispejjeż addizzjonali għas-sajd, il-farming, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sabiex il-kumpens jikkontribwixxi għaż-żamma tal-vijabbiltà ekonomika tal-operaturi minn dawk ir-reġjuni.

(66)

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni differenti fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-varjazzjonijiet fil-qbid u l-ħażniet u fid-domandi tas-suq, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri kkonċernati biex jiddeterminaw il-prodotti tas-sajd eliġibbli għal kumpens, il-kwantitajiet massimi rispettivi tagħhom u l-ammonti ta’ kumpens fl-allokazzjoni globali għal kull Stat Membru.

(67)

L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jiddifferenzjaw il-lista u l-kwantitajiet tal-prodotti tas-sajd ikkonċernati u l-ammont ta’ kumpens fl-allokazzjoni globali għal kull Stat Membru. Huma għandhom ikunu awtorizzati wkoll jaġġustaw il-pjanijiet tal-kumpens tagħhom jekk dan ikun ġustifikat mill-kundizzjonijiet li qegħdin jinbidlu.

(68)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont ta’ kumpens f’livell li jippermetti t-tpaċija xierqa tal-ispejjeż addizzjonali, li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi. ‘Sabiex jiġi evitat kumpens eċċessiv, dak l-ammont għandu jkun proporzjonati għall-ispejjeż addizzjonali li tpatti għalihom l-għajnuna. Għal dak il-għan, huwa għandu jikkunsidra wkoll tipi oħrajn ta’ interventi pubbliċi li jħallu impatt fuq il-livell ta’ spejjeż addizzjonali.

(69)

Huwa ferm importanti li l-Istati Membri u l-operaturi ‘jkollhom il-mezzi neċessarji biex iwettqu kontrolli ta’ standard għoli u għalhekk jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-PKS, filwaqt li jipprovdu għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin. Għalhekk għandu jkun possibbli li l-FEMS jappoġġa lill-Istati Membri u lill-operaturi skont ‘ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (15). Billi joħloq kultura ta’ konformità, dan l-appoġġ għandu jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli.

(70)

L-appoġġ mogħti lill-Istati Membri fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għall-infiq relatat mal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-Unjoni għandu jiżdied taħt il-FEMS billi jsegwi l-loġika ta’ fond waħdieni.

(71)

F’konformità mal-objettivi politiċi ta’ kontroll u infurzar tal-Unjoni, hu xieraq li jiġi dedikat ħin minimu għall-kontroll tas-sajd fl-użu ta’ bastimenti, inġenji tal-ajru, ħelikopters ta’ sorveljanza li għandhom jiġu stabbiliti eżattament sabiex jipprovdu bażi għall-appoġġ taħt il-FEMS.

(72)

Meta wieħed iqis l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-kontroll, il-FEMS għandu jkun possibbli li jipprovdi appoġġ għal dak il-għan.

(73)

Għandhom jiġu adottati miżuri biex jappoġġaw il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data dwar is-sajd kif speċifikat fil-programm pluriennali tal-Unjoni, b’mod partikolari biex jappoġġaw il-programmi nazzjonali u l-ġestjoni u l-użu tad-data għall-analiżi xjentifika u l-implimentazzjoni tal-PKS. L-appoġġ mogħti lill-Istati Membri fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 861/2006 għall-infiq relatat mal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data dwar is-sajd għandu jissokta fil-kuntest tal-FEMS billi jsegwi l-loġika ta’ fond waħdieni.

(74)

Deċiżjonijiet sodi u effiċjenti dwar il-ġestjoni tas-sajd taħt il-PKS għandhom ikunu appoġġati minn attivitajiet ta’ riċerka u kooperazzjoni, mid-dispożizzjoni għal opinjonijiet xjentifiċi u soċjoekonomiċi u pariri meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-PKS, inklużi f’żoni sensittivi bijoġeografikament.

(75)

Jeħtieġ li tiġi appoġġata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi, fejn rilevanti, fir-rigward tal-ġbir ta’ data fi ħdan l-istess baċin tal-baħar, kif ukoll mal-korpi xjentifiċi internazzjonali rilevanti.

(76)

L-objettiv tal-PMI huwa li tappoġġa l-użu sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani u li tiżviluppa proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat, konsistenti u trasparenti fir-rigward tal-politiki li jaffettwaw l-oċeani, l-ibħra, il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u ultraperiferiċi u s-setturi marittimi, kif rifless fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-10 ta’ Ottubru 2007 intitolata “Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea”.

(77)

Huwa meħtieġ finanzjament sostnut għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-PMI għall-Unjoni kif rifless fir-Regolament (UE) Nru 1255/2011“, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni. L-iżvilupp ta’ affarijiet marittimi permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-miżuri tal-PMI hu mistenni li jkollu impatt sinifikanti f’termini ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(78)

Il-FEMS għandu jappoġġa l-promozzjoni ta’ tmexxija marittima integrata fil-livelli kollha, speċjalment permezz ta’ skambji tal-aqwa prattiki u l-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-istrateġiji tal-baċini tal-baħar. Dawk l-istrateġiji huma maħsuba biex jistabbilixxu qafas integrat għall-indirizzar tal-isfidi komuni fil-baċini tal-baħar Ewropej u l-kooperazzjoni msaħħa bejn il-partijiet interessati sabiex jimmassimizzaw l-użu tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-Unjoni u jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, l-azzjonijiet u l-mekkaniżmi li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jistgħu jinkludu l-kooperazzjoni transkonfinali u trasversali bejn it-taqsimiet marittimi, pereżempju, attivitajiet fi ħdan il-qafas tal-forum Ewropew tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta biex jiġi promoss l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba sabiex jinkisbu effettività u koerenza fil-qafas tal-liġi eżistenti rilevanti tal-Unjoni.

(79)

Il-FEMS għandu jappoġġa wkoll l-iżvilupp ulterjuri tal-għodod sabiex jinħolqu sinerġiji bejn l-inizjattivi meħuda f’setturi differenti u li jaffettwaw l-ibħra, l-oċeani u l-kosti. Dan huwa l-każ għas-Sorveljanza Marittima Integrata (IMS), li hija maħsuba biex ittejjeb l-għarfien dwar is-sitwazzjoni marittima permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni mtejba u sikuri fis-setturi kollha. Madankollu, l-operazzjonijiet relatati mas-sorveljanza marittima li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti Tlieta TFUE ma għandhomx jiġu ffinanzjati permezz tal-FEMS.

(80)

L-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni mmexxija minn dawk is-setturi tista’ tkun teħtieġ il-mobilizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ dawk is-sistemi b’mod konsistenti u skont it-TFUE. L-ippjanar spazjali marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni marittimi u r-reġjuni kostali u t-tnejn li huma jikkontribwixxu għall-għan ta’ ġestjoni bbażati fuq l-ekosistemi u l-iżvilupp ta’ rabtiet bejn l-art u l-baħar. Dawk l-għodod huma importanti wkoll għall-ġestjoni tal-użi differenti tal-kosti, l-ibħra u l-oċeani tagħna sabiex ikun hemm lok għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tagħhom u biex jiġi stimolat l-investiment transkonfinali, filwaqt li l-implimentazzjoni tad-Direttiva ‘2008/56/KE se tiddefinixxi ulterjorment il-limiti ta’ sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-bniedem li jħallu impatt fuq l-ambjent marittimu. Barra minn hekk, jeħtieġ li jittejjeb l-għarfien dwar id-dinja tal-baħar, u li tiġi stimolata l-innovazzjoni permezz tal-iffaċilitar tal-ġbir, it-tqassim b’xejn, l-użu mill-ġdid u t-tixrid tad-data dwar l-istat tal-oċeani u l-ibħra.

(81)

Il-FEMS għandu jappoġġa wkoll it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività fis-setturi marittimi u fir-reġjuni kostali. Huwa partikolarment importanti li jiġu identifikati l-ostakoli regolatorji u n-nuqqasijiet fil-ħiliet li jfixklu t-tkabbir f’setturi marittimi emerġenti u prospettivi, kif ukoll l-operazzjonijiet immirati lejn it-trawwim tal-investiment fl-innovazzjoni teknoloġika meħtieġa biex jitjieb il-potenzjal kummerċjali tal-applikazzjonijiet tal-baħar u dawk marittimi.

(82)

Il-FEMS għandu jkun komplimentari għal, u konsistenti mal-istrumenti finanzjarji eżistenti u futuri magħmula disponibbli mill-Unjoni u mill-Istati Membri, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali sostenibbli, tal-protezzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u l-kosti, billi jgħin sabiex titrawwem kooperazzjoni aktar effettiva bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kostali, tal-gżejjer u ultraperiferiċi tagħhom, u billi jikkunsidra l-prijoritizzazzjoni u l-progress tal-proġetti nazzjonali u lokali. Il-FEMS għandu jintrabat ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni li jistgħu jiġbru fihom dimensjoni marittima, b’mod partikolari l-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE, kif ukoll il-Programm Orizzont 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(83)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-PKS fil-livell globali, l-Unjoni għandha rwol attiv fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Għalhekk, huwa essenzjali li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-attivitajiet ta’ dawn l-organizzazzjonijiet li jgħinu sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-isfruttar b’mod sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra miftuħa u fl-ibħra tal-pajjiżi terzi. L-appoġġ mogħti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali fuq il-bażi tar-Regolament Nru (KE) Nru 861/2006 għandu jissokta taħt l-FEMS, u b’hekk isegwi l-loġika ta’ fond waħdieni.

(84)

Sabiex tittejjeb it-tmexxija fil-PKS u jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-Kunsilli Konsultattivi, huwa essenzjali li l-Kunsilli Konsultattivi jiġu pprovduti b’finanzjament suffiċjenti u permanenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-irwol konsultattiv tagħhom b’mod effettiv fi ħdan il-PKS. Billi jsegwi l-loġika ta’ fond waħdieni, l-appoġġ mogħti lill-Kunsilli Konsultattivi taħt il-FEMS għandu jieħu post l-appoġġ mogħti lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 861/2006.

(85)

Permezz ta’ assistenza teknika, il-FEMS għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali, inter alia billi jippromwovi approċċi u prattiki innovattivi għal implimentazzjoni sempliċi u trasparenti. L-assistenza teknika għandha tinkludi wkoll l-istabbiliment ta’ netwerk Ewropew ta’ ‘FLAGs immirat lejn il-bini tal-kapaċità, id-disseminazzjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-esperjenzi u l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn is-sħubiji lokali.

(86)

Fl-interess ta’ sħubija ta’ ħidma tajba u ta’ promozzjoni xierqa tal-assistenza tal-Unjoni, għandhom jiġu pprovduti l-aktar informazzjoni u pubbliċità mifruxa possibbli dwar l-appoġġ tal-Unjoni. L-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-assistenza għandhom ikunu responsabbli wkoll għal dan l-aspett ta’ informazzjoni u pubbliċità u li jżommu lill-Kummissjoni informata bil-miżuri meħuda f’dan ir-rigward.

(87)

Fir-rigward tal-operazzjonijiet kollha ffinanzjati skont dan ir-Regolament, kemm taħt ġestjoni kondiviża kif ukoll taħt ġestjoni diretta, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni rilevanti li tappartjeni għall-protezzjoni ta’ dawk l-interessi, u li jiġi żgurat li jitwettqu l-verifiki xierqa mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni.

(88)

Sabiex jiġu indirizzati l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-PKS imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013u ssir kontribuzzjoni għall-konformità mar-regoli tal-PKS, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet addizzjonali għar-regoli dwar l-interruzzjoni tad-data ta’ skadenza tal-pagament kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fejn Stat Membru jew operatur jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-PKS jew fejn il-Kummissjoni għandha provi li jissuġġerixxu tali nuqqas ta’ konformità, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-Kummissjoni għandha titħalla tinterrompi l-iskadenzi tal-pagamenti.

(89)

Minbarra l-possibbiltà ta’ interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagamenti u, sabiex jiġi evitat riskju evidenti ta’ skadenza ta’ pagament ta’ nefqa ineliġibbli, il-Kummissjoni għandha titħalla tissospendi l-pagamenti ‘f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju mar-regoli tal-PKS minn Stat Membru.

(90)

Il-programmi operazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex tittejjeb il-kwalità tagħhom u jintwerew il-kisbiet tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas għal sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni komuni li tiżgura, fost l-oħrajn, li d-data rilevanti tkun disponibbli fil-ħin. F’dak il-kuntest, għandha tiġi stabbilita lista ta’ indikaturi, filwaqt li għandu jiġi vvalutat l-impatt tal-politika tal-FEMS mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ objettivi speċifiċi.

(91)

Ir-responsabbiltà għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ programm operazzjonali għandha tinqasam bejn l-awtorità ta’ ġestjoni u l-kumitat ta’ monitoraġġ stabbilit għal dak il-għan. Għal dak il-għan, għandhom jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet rispettivi tal-awtorità ta’ ġestjoni u l-kumitat ta’ monitoraġġ. Il-monitoraġġ ta’ programm operazzjonali għandu jinvolvi t-tħejjija ta’ rapport ta’ implimentazzjoni annwali, li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni.

(92)

Bil-għan li jitjiebu l-aċċessibbiltà u t-trasparenza tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament u l-benefiċjarji tal-proġetti, għandhom isiru disponibbli sit elettroniku uniku jew portal ta’ sit elettroniku li jipprovdu l-informazzjoni dwar il-programm operazzjonali, inklużi l-listi ta’ operazzjonijiet appoġġati taħt il- programm operazzjonali f’kull Stat Membru. Is-siti elettroniċi ddedikati tal-Istati Membri kollha għandhom ukoll ikunu aċċessibbli minn sit elettroniku uffiċjali wieħed tal-Unjoni biex ikun iffaċilitat l-aċċess taċ-ċittadini minn Stati Membri differenti għall-informazzjoni ppubblikata mill-Istati Membri kollha. Dik l-informazzjoni għandha tkun raġonevoli, ċara u konkreta, biex tagħti lill-pubbliku ġenerali u b’mod partikolari lill-kontribwenti tal-Unjoni, tagħrif dwar kif jintefaq il-finanzjament tal-Unjoni f’dan il-qafas tal-FEMs. Minbarra dak l-għan, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti għandha taqdi l-iskop ta’ pubbliċità ulterjuri tal-possibbiltà li wieħed japplika għal finanzjament tal-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17)’ tali pubblikazzjoni tista’ tinkludi ismijiet tal-‘persuni fiżiċi f’konformità mal-liġi nazzjonali.

(93)

Sabiex jiġu ssupplimentati u emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUEgħandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-perijodu ta’ żmien u d-dati rilevanti tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ żmien relatat mal-kriterji ta’ applikazzjoni, l-aġġustament ‘tal-perċentwali li jirrigwardaw id-distribuzzjoni indikattiva tal-fondi fost l-objettivi taħt il-ġestjoni diretta, id-definizzjoni ta’ operazzjonijiet u spejjeż eleġibbli għall-iġene, is-saħħa u investimnti relatati mas-sikurezza u investimenti dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol, abbord u f’tagħmir invidiwali, id-definizzjoni tal-ispejjeż eleġibbli tal-operazzjonijiet għall-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar fil-qafas ta’ attivitajiet ta’ sajd sostenibbli, id-definizzjoni tal-ispejjeż eleġibbli għall-appoġġ fir-rigward ta’ investimenti fit-tagħmir jew abbord immirati lejn it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu jew gassijiet b’effett ta’ serra u lejn iż-żieda tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bastimenti tas-sajd, id-definizzjoni tal-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-diffikultajiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, id-definizzjoni tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri li jistgħu jikkawżaw interruzzjoni tal-iskadenza tal-pagamenti jew sospensjoni tal-pagamenti, id-definizzjoni tal-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell ta’ korrezzjoni finanzjarja li għandhom jiġu applikati u l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ rati fissi jew korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati u d-definizzjoni tal-kontenut u l-kostruzzjoni tas-sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

(94)

Sabiex tiġi ffaċilitata transizzjoni bla xkiel mis-sistema stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għall-iskema stabbilita minn dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti b’konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet transitorji.

(95)

Meta tadotta atti delegati taħt dan ir-Regolament, huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(96)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment tat-tqassim annwali, għal kull Stat Membru, tar-riżorsi globali ‘disponibbli għal impenji fil-qafas ta’ ġestjoni kondiviża li japprovaw il-programmi operazzjonali u l-emendi tagħhom, li japprovaw il-pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data, billi jiġu adottati l-programmi ta’ ħidma annwali, relatati mal-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, li jirrikonoxxu li hemm evidenza li tissuġġerixxi ‘nuqqas ta’ konformità serju mal-obbligi taħt il-PKS, u l-għarfien li Stat Membru naqas milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-PKS, deċiżjonijiet dwar is-sospensjoni tal-pagamenti interim kollha jew ta’ parti minnhom taħt il-programm operazzjonali u ‘deċiżjonijiet dwr korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-kanċellazzjoni tal-appoġġ kollu tal-Unjoni jew ta’ parti minnu għal programm operazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(97)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-preżentazzjoni tal-elementi tal-programm operazzjonali, ir-regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’, u l-preżentazzjoni u l-approvazzjoni ta’ emendi għallprogrammi operazzjonali, il-programm ta’ ħidma annwali taħt il-Kapitoli I u II tat-Titolu VI, l-istruttura tal-pjan ta’ kumpens għar-reġjuni ultraperiferiċi, l-applikazzjoni tal-punti perċentwali differenti tal-intensità tal-għajnuna pubblika, il-mudell li għandu jintuża mill-Istati Membri meta tiġi ppreżentata d-data finanzjarja lill-Kummissjoni, l-iffissar tal-indikaturi speċifiċi għall-prijoritajiet tal-Unjoni, ir-regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri kif ukoll dwar ħtiġijiet tad-daa u sinerġiji bejn sorsi ta’ data potenzjali, il-format u l-preżentazzjoni tar-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali, u l-elementi li għandhom jiġu inklużi fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ex ante. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità ma’r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u l-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti.

(98)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha wkoll tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal”-adozzjoni u d-dettalji ta’ kwalunkwe tibdil fil-prijoritajiet infishom tal-Unjoni għall-infurzar u l-kontroll, l-istabbiliment tar-regoli għall-preżentazzjoni tad-data provduta mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni, il-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità għall-operazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-ħolqien ta’ emblema u d-definizzjoni tal-kuluri standard. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Sabiex tkun żgurata proċedura iktar sempliċi u ikar mgħaġġla, ilgħandha tintuża l-proċedura ta’ konsultazzjoni’.

(99)

Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-problemi strutturali li nstabu fl-iżvilupp tas-setturi tas-sajd, tal-akkwakultura u dak marittimu kif ukoll minħabba r-riżorsi finanzjarji limitati tal-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programmi operazzjonali, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni billi jipprovdu appoġġ finanzjarju pluriennali ffokat fuq il-prijoritajiet rilevanti, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità ma’ dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħaq dawk l-għanijiet.

(100)

L-iskema ta’ appoġġ prevista f’dan ir-Regolament tissostitwixxi l-iskemi ta’ appoġġ stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 2328/2003, ir-Regolament (KE) Nru 861/2006, ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006, ir-Regolament (KE) Nru 791/2007, ir- Regolament (KE) Nru 1255/2011 u l-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Għaldaqstant, dawk ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet għandhom jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jew ta’ kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013.

(101)

Huwa xieraq li jiġi allinjat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ dak tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiddefinixxi l-miżuri finanzjarji tal-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’:

(a)

il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS);

(b)

miżuri rilevanti marbuta mal-Liġi tal-Baħar;

(c)

l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura u s-sajd f’ilmijiet interniu

(d)

il-Politika Marittima Integrata (PMI).

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

Dan ir-Regolament japplika għal operazzjonijiet imwettqa fit-territorju tal-Unjoni dment li ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘Ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni’ (CISE)’ tfisser netwerk ta’ sistemi b’setup deċentralizzat żviluppat għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-utenti sabiex jittejjeb l-għarfien tagħom dwar is-sitwazzjoni tal-attivitajiet fuq il-baħar;

(2)

‘operazzjonijiet transsettorjali’ tfisser dawk l-inizjattivi li minnhom jistgħu jibbenifikaw b’mod reċiproku setturi u/jew politiki settorjali differenti, kif imsemmi fit-TFUE, u li ma jistgħux jitwettqu kompletament permezz ta’ miżuri inklużi fl-oqsma ta’ politika rispettivi;

(3)

‘sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar’ (ERS) tfisser sistema għar-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniċi tad-data kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(4)

‘Netwerk Ewropew ta’ data u osservazzjoni dwar il-Baħar’ tfisser netwerk li jintegra l-programmi nazzjonali rilevanti ta’ data u osservazzjoni tal-baħar rilevanti f’riżorsa Ewropea komuni u aċċessibbli;

(5)

‘żona tas-sajd u tal-akkwakultura’ tfisser żona b’xatt tal-baħar, xmara jew lag li tinkludi għadajjar jew baċir ta’ xmara b’livell sinifikanti ta’ impjiegi fis-settur tas-sajd jew tal-akkwakultura, li tkun funzjonalment koerenti f’termini ġeografiċi, ekonomiċi u soċjali u magħżula bħala tali mill-Istat Membru;

(6)

‘sajjied’ tfisser kwalunkwe persuna involuta f’attivitajiet ta’ sajd kummerċjali, kif rikonoxxut mill-Istat Membru;

(7)

‘sajd fl-ibħra interni’ tfisser attivitajiet tas-sajd imwettqa għal skopijiet kummerċjali fl-ibħra interni minn bastimenti jew ‘mezzi oħra, inklużi dawk użati għas-sajd fis-silġ;

(8)

‘ġestjoni integrata taż-żoni kostali’ tfisser strateġiji u miżuri bħal dawk deskritti fir-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19);

(9)

‘tmexxija marittima integrata’ tfisser il-ġestjoni koordinata tal-politiki settorjali kollha fil-livell tal-Unjoni li jaffettwaw l-oċeani, l-ibħra u r-reġjuni kostali;

(10)

“Politika Marittima Integrata” (‘PMI’) tfisser politika tal-Unjoni li l-għan tagħha huwa li trawwem teħid ta’ deċiżjonijiet ikkoordinat u konsistenti sabiex jiġi massimizzat l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri, u b’mod partikolari r-reġjuni tal-kosta, insulari u ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif ukoll is-setturi marittimi, permezz ta’ politiki konsistenti relatati mas-settur marittimu u kooperazzjoni internazzjonali rilevanti;

(11)

‘Sorveljanza marittima integrata’ (IMS) tfisser inizjattiva tal-Unjoni maħsuba biex issaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-ibħra Ewropej permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u kollaborazzjoni madwar is-setturi u l-fruntieri;

(12)

‘pjanar spazjali marittimu’ tfisser proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-Istat Membru rilevanti janalizzaw u jorganizzaw l-attivitajiet umani f’żoni tal-baħar sabiex jilħqu objettivi ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali;

(13)

‘miżura’ tfisser sett ta’ operazzjonijiet;

(14)

‘sajd kostali fuq skala żgħira’ tfisser sajd imwettaq minn bastimenti tas-sajd b’tul globali ta’ inqas minn 12-il metru u li ma jużawx tagħmir irmunkat tas-sajd kif elenkat fit-Tabella 3 tal-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 (20)’;

(15)

‘bastimenti li joperaw esklussivament f’ibħra interni’ tfisser bastimenti involuti f’sajd kummerċjali f’ibħra interni u mhux inklużi fir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.

TITOLU II

QAFAS ĠENERALI

KAPITOLU I

Stabbiliment u objettivi tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd

Artikolu 4

Stabbiliment

Il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) huwa b’dan stabbilit.

Artikolu 5

Objettivi

Il-FEMS għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta’ sajd u akkwakultura kompetittivi, ambjentalment sostenibbli, ekonomikament vijabbli u soċjalment responsabbli;

(b)

it-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS;

(c)

il-promozzjoni ta’ żvilupp territorjali bilanċjat u inklużiv taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura;

(d)

it-trawwim tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PMI tal-Unjoni b’mod komplimentari għall-politika ta’ koeżjoni u għall-PKS;

Is-segwitu ta’ dawk l-objettivi m’għandhomx jirriżultaw f’żieda fil-kapaċità tas-sajd.

Artikolu 6

Prijoritajiet tal-Unjoni

Il-FEMS għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020 u għall-implimentazzjoni tal-PKS. Huwa għandu jsegwi l-prijoritajiet li ġejjin tal-Unjoni għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u l-akkwakultura u ta’ attivitajiet relatati, li jirriflettu l-objettivi tematiċi rilevanti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013:

(1)

Il-promozzjoni ta’ sajd ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattiv, kompetittiv u bbażat fuq l-għarfien permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

it-tnaqqis tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, inkluż l-evitar u t-tnaqqis, sa fejn possibbli, ta’ qabdiet mhux mixtieqa;

(b)

il-protezzjoni u l-irkuprar tal-bijodiversità u l-ekosistemi akkwatiċi;

(c)

l-iżgurar ta’ bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet disponibbli tas-sajd;

(d)

it-titjib tal-kompetittività u l-vijabbiltà tal-impriżi tas-sajd, inkluż tal-flotta kostali fuq skala żgħira u t-titjib tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

(e)

l-għoti ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni, inkluż iż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u t-trasferiment tal-għarfien;

(f)

l-iżvilupp ta’ taħriġ professjonali, ħiliet professjonali ġodda u tagħlim tul il-ħajja;

(2)

It-trawwim ta’ akkwakultura ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattiv, kompetittiv u bbażat fuq l-għarfien permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

l-għoti ta’ appoġġ għat-tisħiħ tal-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien;

(b)

it-titjib tal-kompetittività u l-vijabbiltà tal-impriżi tal-akkwakultura, inkluż it-titjib tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari tal-SMEs;

(c)

il-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità akkwatika u titjib tal-ekosistemi relatati mal-akkwakultura u l-promozzjoni ta’ akkwakultura effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

(d)

il-promozzjoni ta’ akkwakultura li għandha ‘livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tal-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri tal-annimali u wkoll tas-saħħa u s-sikurezza tal-pubbliku;

(e)

l-iżvilupp ta’ taħriġ professjonali, ħiliet professjonali ġodda u tagħlim tul il-ħajja.

(3)

It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

it-titjib u l-forniment ta’ għarfien xjentifiku u t-titjib u l-ġbir u l-ġestjoni ta’ data;

(b)

l-għoti ta’ appoġġ għall-monitoraġġ, il-kontroll u l-infurzar, li jtejjeb il-kapaċità istituzzjonali u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv.

(4)

Żieda fl-impjiegi u l-koeżjoni territorjali permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin: il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku, inklużjoni soċjali, u l-ħolqien ta’ impjiegi u appoġġ għall-impjegabbiltà u l-mobbiltà tal-ħaddiema f’komunitajiet kostali u interni li jiddependu mis-sajd u l-akkwakultura; inklużi: id-diversifikazzjoni tal-attivitajiet fis-settur tas-sajd u f’setturi oħra tal-ekonomija marittima.

(5)

It-trawwim tal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-organizzazzjoni tas-suq għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(b)

l-inkoraġġiment għal investiment fis-setturi tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni.

(6)

It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PMI.

KAPITOLU II

Ġestjoni kondiviża u diretta

Artikolu 7

Ġestjoni kondiviża u diretta

1.   Il-miżuri koperti bit-Titolu V għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEMS skont il-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u r-regoli komuni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Il-miżuri koperti bit-Titolu VI għandhom ikunu ffinanzjati mill-FEMS f’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni diretta.

KAPITOLU III

Prinċipji Ġenerali tal-Assistenza taħt Ġestjoni Kondiviża

Artikolu 8

Għajnuna mill-Istat

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-impriżi fis-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura.

2.   Madankollu, l-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE ma għandhomx japplikaw għall-pagamenti magħmula mill-Istati Membri skont, u f’konformità ma’, dan ir-Regolament li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42 TFUE.

3.   Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-finanzjament pubbliku li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-pagamenti imsemmija fil-paragrafu 2, għandhom jiġu ttrattati b’mod sħiħ abbażi tal-paragrafu 1.

4.   Għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, elenkati fl-Anness I TFUE, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, f’konformità mal-Artikolu 108 TFUE, għajnuna operattiva fir-reġjuni ultraperifiċi msemmijia fl-Artikolu 349 TFUE fis-setturi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, bl-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi li jirriżultaw mill-iżolazzjoni, l-insularità u n-natura estremament remota tagħhom.

Artikolu 9

Kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi

Il-kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi msemmija fl-Anness IV ‘għandhom japplikaw għall-FEMS.

KAPITOLU IV

Ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet u operazzjonijiet ineliġibbli

Artikolu 10

Ammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet

1.   Kwalunkwe applikazzjoniji ppreżentata minn operatur għall-appoġġ mill-FEMS għandha tkun inammissibbli għall-perijodu ta’ żmien identifikat stabbilit skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jekk jiġi ddeterminat mill-awtorità kompetenti li l-operatur kkonċernat:

(a)

ikun wettaq ksur serju skont l-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (21) jew l-Artikolu 90(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(b)

kien involut fl-operazzjoni, il-ġestjoni jew is-sjieda ta’ bastimenti tas-sajd inklużi fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 40 (3) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jew ta’ bastimenti bil-bandiera ta’ pajjiżi identifikati bħala pajjiżi terzi li mhux qed jikkooperaw kif stabbilit fl-Artikolu 33 ta’ dak Regolament;

(c)

wettaq ksur serju tar-regoli tal-PKS identifikat bħala tali ‘f’atti leġiżlattivi oħrajn adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill;

(d)

wettaq kwalunkwe wieħed mir-reati stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), fejn issir applikazzjoni għal appoġġ skont il-Kapitolu II tat-Titolu V ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-benefiċjarju, wara li jippreżenta l-applikazzjoni, għandu jkompli jikkonforma mal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-applikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1, u matul il-perijodu kollu tal-implimentazzjoni ta’ operazzjoni u għal perijodu ta’ ħames snin wara li jkun sar l-aħħar pagament lill-benefiċjarju.

3.   Applikazzjoni ppreżentata minn operatur ma għandhomx ikunu ammissibbli għal perijodu ta’ żmien idenitifikat jekk jiġi determinat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, li operattur ikun ikkommetta frodi, kif definita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji (23) tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kuntest tal-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) jew il-FEMS ma għandhomx ikunu ammissibbli għal perijodu ta’ żmien identifikat stipulat skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 126 rigward:

(a)

l-identifikazzjoni tal-perijodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu li għandu jkun proporzjonat għan-natura, il-gravità, it-tul u r-ripetizzjoni tal-ksur serju, r-reat jew il-frodi, u għandu jkun ta’ mill-inqas sena;

(b)

id-dati rilevanti tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu taż-żmien msemmi fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi li jippreżentaw applikazzjoni taħt il-FEMS jipprovdu lill-awtorità ta’ ġestjoni b’dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma li huma jirrispettaw il-kriterji elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u li tiddikara li ma wettqux frodi taħt il-FES jew il-FEMS kif imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-veraċità ta’ dik id-dikjarazzjoni qabel l-approvazzjoni tal-operazzjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fir-reġistru nazzjonali tal-ksur kif imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, jew kwalunkwe data oħra disponibbli.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, Stat Membru għandu jipprovdi, fuq talba minn Stat Membru ieħor, l-informazzjoni li tkun tinsab fir-reġistru nazzjonali tiegħu ta’ ksur imsemmi fl-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 11

Operazzjonijiet ineliġibbli

L-operazzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli taħt il-FEMS:

(a)

operazzjonijiet li jżidu l-kapaċità tas-sajd ta’ bastiment jew tagħmir li jżid il-kapaċità tal-bastiment biex isib il-ħut;

(b)

il-kostruzzjoni ta’ bastimenti tas-sajd ġodda jew l-importazzjoni ta’ bastimenti tas-sajd;

(c)

il-waqfien temporanju jew permanenti ‘tal-attivitajiet tas-sajd, ‘sakemm ma jiġix previst mod ieħor f’dan ir-Regolament;

(d)

sajd esploratorju;

(e)

it-trasferiment tas-sjieda ta’ negozju;

(f)

ripopolazzjoni diretta, dment li dan ma jkunx previst b’mod espliċitu bħala miżura ta’ konservazzjoni minn att legali tal-Unjoni jew fil-każ ta’ ripopolazzjoni sperimentali.

TITOLU III

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 12

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Il-baġit tal-Unjoni allokat għall-FEMS taħt it-Titolu V ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Il-baġit tal-Unjoni allokat għall-FEMS taħt it-Titolu VI ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat direttament mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament(UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

3.   Kwalunkwe kanċellazzjoni tal-impenn baġitarju kollu jew parti minnu taħt ġestjoni diretta mill-Kummissjoni għandu jkun skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u fejn xieraq skont l-Artikolu 123 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba għandu jiġi applikat skont l-Artikoli 30 u 53 tar-Regolament(UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 13

Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni kondiviża

1.   Ir-riżorsi disponibbli għal impenji mill-FEMS għall-perijodu li jkopri mill-2014 sal-2020 taħt ġestjoni kondiviża għandhom ikunu EUR 5 749 331 600 fi prezzijiet attwali skont it-tqassim annwali stabbilit fl-Anness II.

2.   EUR 4 340 800 000 mir-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp sostenibbli tas-sajd, tal-akkwakultura u taż-żoni tas-sajd, għall-immarketjar u l-miżuri relatati mal-ipproċessar u għall-assistenza teknika fuq inizjattiva tal-istati Membri taħt il-Kapitoli I, II, III, IV u VII tat-Titolu V bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 67.

3.   EUR 580 000 000 tar-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri ta’ kontroll u infurzar imsemmija fl-Artikolu 76.

4.   EUR 520 000 000 tar-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri dwar il-ġbir ta’ data msemmija fl-Artikolu 77.

5.   EUR 192 500 000 tar-riżorsi baġitarji imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-kumpens tar-reġjuni ultraperiferiċi taħt il-Kapitolu V tat-Titolu V. Dak il-kumpens m’għandux jisboq, kull sena:

(a)

EUR 6 450 000 għall-Ażores u l-Madeira;

(b)

EUR 8 700 000 għall-Gżejjer Kanarji;

(c)

EUR 12 350 000 għar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi msemmijin fl-Artikolu 349 TFUE.

6.   EUR 44 976 000 tar-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għall-miżuri dwar il-ġbir ta’ data msemmija fl-Artikolu 67.

7.   EUR 71 055 600 tar-riżorsi baġitarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu allokati għal miżuri dwar il-PMI msemmija fil-Kapitolu VIII tat-Titolu V.

8.   L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilita li jużaw ir-riżorsi disponibbli taħt il-paragrafi 3 u 4 b’alternanza.

Artikolu 14

Riżorsi baġitarji taħt ġestjoni diretta

1.   Ir-riżorsi disponibbli għal impenji mill-FEMS, għall-perijodu mill-2014 sal-2020, dwar miżuri taħt ġestjoni diretta kif speċifikat fil-Kapitoli I sa II tat-Titolu VI għandhom ikunu ta’ EUR 647 275 400 fil-prezzijiet kurrenti.

2.   Għall-finijiet tal-Kapitoli I u II tat-Titolu VI, id-distribuzzjoni indikattiva tal-fondi fost l-objettivi li jinsabu fl-Artikoli 82 u 85, hija stabbilita fl-Anness IIa.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddevja mill-perċentwali indikattivi msemmija fil-paragrafu 2 iżda mhux b’aktar minn 5 % tal-valur tal-pakkett finanzjarju f’kull każ.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 126, biex taġġusta l-perċentwali indikattivi fl-Anness III.

Artikolu 15

Rieżami ta’ nofs it-terminu

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-Kapitolu I u II tat-Titolu VI, inkluża l-ħtieġa għal aġġustamenti tad-distribuzzjoni indikattiva tal-fondi kif stabbilit fl-Anness III, u għandha, sat-30 ta’ Ġunju 2017, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksubin u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ‘tal-FEMS’.

Artikolu 16

Distribuzzjoni finanzjarja għall-ġestjoni kondiviża

1.   Ir-riżorsi disponibbli għal impenji mill-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 13(2) sa (7) għall-perijodu mill-2014 sal-2020 kif stabbilit fit-tabella fl-Anness II huma ddeterminati abbażi tal-kriterji oġġettivi li ġejjin:

(a)

fir-rigward tat-Titolu V, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 76 u 77:

(i)

il-livell tal-impjiegi fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu, inkluż impjiegi fl-ipproċessar relatat;

(ii)

il-livell ta’ produzzjoni fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura tal-baħar u tal-ilma ħelu, inkluż l-ipproċessar relatat; u

(iii)

is-sehem tal-flotot tas-sajd kostali fuq skala żgħira fil-flotot tas-sajd;

(b)

fir-rigward tal-Artikolu 76 u l-Artikolu 77:

(i)

il-firxa tal-kompiti ta’ kontroll tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jittieħed kont tad-daqs tal-flotta tas-sajd nazzjonali u d-daqs taż-żona tal-baħar li għandha tiġi kkontrollata, il-volum ta’ żbarki u l-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

(ii)

ir-riżorsi ta’ kontroll disponibbli mqabbla mal-firxa tal-kompiti ta’ kontroll tal-Istat Membru, fejn il-mezzi disponibbli huma determinati bili jittieħed kont tal-għadd ta’ kontrolli mwettqa fuq il-baħar u ta’ spezzjonijiet ta’ żbark;

(iii)

il-firxa tal-kompiti ta’ ġbir ta’ data tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jittieħed kont tad-daqs tal-flotta tas-sajd nazzjonali, il-volum ta’ żbarki u l-kwantità tal-akkwakultura, l-ammont ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ xjentifiku fil-baħar u l-għadd ta’ stħarriġ li l-Istat Membru jkun qed jieħu sehem fih, u

(iv)

ir-riżorsi disponibbli għall-ġbir ta’ data meta mqabbel mal-firxa tal-kompiti għall-ġbir ta’ data tal-Istat Membru, fejn il-mezzi disponibbli jiġu determinati filwaqt li jittieħed kont tar-riżorsi umani u l-mezzi tekniċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ kampjunar nazzjonali għall-ġbir ta’ data;

(c)

fir-rigward tal-miżuri kollha, l-allokazzjonijiet storiċi tal-fondi skont ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u l-konsum storiku skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2006.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, “ li jistabbilixxu t-tqassim annwali tar-riżorsi globali għal kull Stat Membru.’

TITOLU IV

PROGRAMMAR

KAPITOLU I

Programmar għal miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni kondiviża

Artikolu 17

Tħejjija tal-programmi operazzjonali

1.   Kull Stat Membru għandu jħejji programm operazzjonali waħdieni sabiex jimplimenta l-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6 ‘li għandhom jiġu kofinanzjati mill-FEMS.

2.   Il-programm operazzjonali għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru wara kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   Għat-taqsima tal-programm operazzjonali msemmija fil-punt (n) tal-Artikolu 20(1) il-Kummissjoni għandha tadotta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-prijoritajiet attwali tal-Unjoni għall-politika tal-infurzar u l-kontroll sal-‘31 ta’ Mejju 2014. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2).

Artikolu 18

Kontenut tal-programm operazzjonali

1.   Minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-programm operazzjonali għandu jinkludi:

(a)

analiżi tas-sitwazzjoni f’termini tal-preġji, id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddid u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet li għandhom jiġu indirizzati fiż-żona ġeografika, inklużi fejn rilevanti, il-baċiri tal-baħar, koperti mill-programm;

L-analiżi għandu jkun strutturat madwar il-prijoritajiet rilevanti tal-Unjoni kif stipulati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u, fejn applikabbli, għandu jkun konsistenti mal-pjan strateġiku nazzjonali pluriennali għall-Akkwakultura msemmi fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-progress biex jinkiseb status ambjentali tajjeb permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-baħar imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/56/KE. Il-ħtiġijiet speċifiċi rigward l-impjiegi, l-ambjent, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni għandhom jiġu vvalutati f’relazzjoni mal-prijoritajiet tal-Unjoni, bil-ħsieb li jiġu identifikati ir-reazzjonijiet l-aktar rilevanti fil-livell ta’ kull wieħed mill-prijoritajet relatati ma’ dawk l-oqsma;

(b)

deskrizzjoni tal-istrateġija fit-tifsira tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li għandha turi li:

(i)

għal kull waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni inklużi fil-programm, ikunu ġew stabbiliti miri adatti, abbażi tal-indikaturi ‘komuni msemmija fl-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament;

(ii)

l-għażla tal-miżuri rilevanti ssegwi b’mod loġiku minn kull prijorità tal-Unjoni magħżula fil-programm b’kont meħud tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ex ante u l-analiżi msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu. Fir-rigward tal-miżuri għall-waqfien permanenti tal-attivitajiet ta’ sajd skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament, id-deskrizzjoni tal-istrateġija għandha tinkludi l-miri u l-miżuri li għandhom jittieħdu għat-tnaqqis tal-kapaċità tas-sajd f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Għandha tiġi inkluża wkoll deskrizzjoni tal-metodu għall-kalkolu tal-kumpens li għandu jingħata skont l-Artikoli 33 u 34 ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji għall-prijoritajiet tal-Unjoni inklużi fil-programm hija ġustifikabbli u adegwata biex jintlaħqu l-miri stabbiliti;

(c)

fejn adatt, il-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni ta’ Natura 2000, kif stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (25), u l-kontribut tal-programm għall-istabbiliment ta’ netwerk koerenti taż-żoni ta’ rkupru ta’ stokkijiet tal-ħut kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

il-valutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante speċifiċi msemmijin fl-Artikolu 9 u fl-Anness IV għal dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (EU) Nru 1303/2013;

(e)

deskrizzjoni tal-qafas tal-prestazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 22 u l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(f)

lista tal-miżuri magħżula organizzati skont il-prijoritajiet tal-Unjoni;

(g)

lista tal-kriterji applikati għall-għażla taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura skont il-Kapitolu III tat-Titolu V;

(h)

lista tal-kriterji tal-għażla għall-istrateġiji ta’ żvilupp immexxijA mill-komunità skont il-Kapitolu III tat-Titolu V;

(i)

fl-Istati Membri fejn aktar minn 1 000 bastiment jistgħu jitqiesu bħala bastimenti ta’ sajd kostali fuq skala żgħira, pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp, il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-sajd kostali fuq skala żgħira;

(j)

ir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni u l-pjan ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati;

(k)

pjan ta’ finanzjament li għandu jitfassal b’kont meħud tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament, li jikkonsisti minn:

(i)

tabella li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni totali tal-FEMS ippjanata għal kull sena;

(ii)

tabella li tistabbilixxi r-riżorsi applikabbli tal-FEMS u r-rata ta’ kofinanzjament skont il-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u għall-assistenza teknika; b’deroga mir-regola ġenerali stipulata fl-Artikolu 94(2) ta’ dan ir-Regolament, dik it-tabella, fejn applikabbli, għandha tindika separatament ir-riżorsi tal-FEMS u r-rati tal-kofinanzjament li japplikaw għall-appoġġ imsemmi fl-Artikoli 33, 34, l-Artikolu 41(2), l-Artikoli 67 u 70, il-punti (a) sa (d) u (f) sa (l) tal-Artikolu 76(2), il-punt (e) tal-Artikolu 76(2) u l-Artikolu 77 ta’ dan ir-Regolament.

(l)

informazzjoni dwar il-komplimentarjetà u l-koordinazzjoni mal-Fondi ESI u strumenti oħra rilevanti ta’ finanzjament tal-Unjoni u nazzjonali;

(m)

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali, inklużi:

(i)

identifikazzjoni tal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 123 tar-Regolament Nru 1303/2013 u, għall-informazzjoni, deskrizzjoni fil-qosor tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll;

(ii)

deskrizzjoni tar-rwoli rispettivi tal-FLAG (Grupp ta’ Azzjoni Lokali tas-Sajd), l-awtorità ta’ ġestjoni jew il-korp nominat għall-kompiti kollha ta’ implimentazzjoni relatati mal-istrateġija ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

(iii)

deskrizzjoni tal-proċeduri ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, kif ukoll il-kompożizzjoni ġenerali tal-kumitat ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(iv)

id-dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-programm jingħata pubbliċità f’konformità mal-Artikolu 119 ta’ dan ir-Regolament;

(n)

lista tas-sħab imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-riżultati tal-konsultazzjoni ta’ dawk is-sħab;

(o)

għall-objettiv li tiġi żgurata” konformità akbar permezz tal-kontroll imsemmi fl-Artikolu 6(3)(b) u f’konformità mal-prijoritajiet attwali adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 17(3):

(i)

lista tal-korpi li jimplimentaw is-sistema ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar u deskrizzjoni qasira tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom disponibbli għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar tas-sajd, u t-tagħmir maġġuri tagħhom disponibbli għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar tas-sajd, b’mod partikolari in-numru ta’ bastimenti, inġenji tal-ajru u ħelikopters;

(ii)

l-objettivi globali tal-miżuri ta’ kontroll li għandhom jiġu implimentati bl-użu ta’ indikaturi komuni li għandhom ikunu stabbiliti skont l-Artikolu 109;

(iii)

l-objettivi speċifiċi li għandhom jinkisbu f’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6 u indikazzjoni dettaljata skont il-kategorija għall-perijodu kollu tal-programmazzjoni;

(p)

għall-objettiv tal-ġbir ta’ data għall-ġestjoni sostenibbli tas-sajd msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 6(3) u f’konformità mal-programm pluriennali tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008:

(i)

deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-ġbir ta’ data, f’konformità mal-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(ii)

deskrizzjoni tal-metodi taL-ħżin ta’ data, il-ġestjoni tad-data u l-użu tad-data;

(iii)

deskrizzjoni tal-kapaċità li tinkiseb ġestjoni finanzjarja u amministrattiva tajba tad-data miġbura;

It-taqsima tal-programm operazzjonali msemmija fil-punt (p) għandha tiġi ssupplimentata skont l-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-programm operazzjonali għandu jinkludi l-metodi għall-kalkolu tal-ispejjeż simplifikati msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u spejjeż addizzjonali jew dħul mitluf f’konformità mal-Artikolu 96 ta’ dan ir-Regolament, u l-metodu għall-kalkolu tal-kumpens skont il-kriterji rilevanti identifikati għal kull waħda mill-attivitajiet implimentati taħt l-Artikolu 40(1), l-Artikoli 53, 54 u 55 il-punt (f) tal-Artikolu 56(1) u l-Artikolu 67 ta’ dan ir-Regolament. Fejn ikun rilevanti, għandha tiġi inkluża wkoll informazzjoni dwar pagamenti bil-quddiem lill-FLAGs skont l-Artikolu 62 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli għall-preżentazzjoni tal-elementi deskritti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 19

Approvazzjoni tal-programm operazzjonali

1.   Soġġett għall-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 l-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li japprovaw il-programm operazzjonali.

2.   Għall-fini tal-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-probabbiltà li l-miżuri msemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 18(1 ineħħu b’mod effettiv il-kapaċità żejda identifikata.

Artikolu 20

Emendar tal-programm operazzjonali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li japprovaw kwalunkwe emendi għall-programm operazzjonali.

2.   Sabiex tadatta għall-ħtiġijiet ta’ kontroll li dejjem jevolvu, il-Kummissjoni tista’, kull sentejn tadotta ‘atti ta’ implimentazzjoni “‘li jagħtu d-dettalji ta’ kwalunkwe bidla fil-prijoritajiet tal-Unjoni fil-politika ta’ infurzar u kontroll imsemmija fl-Artikolu 17(3) u l-operazzjonijiet eliġibbli korrispondenti li għandhom jiġu prijoritizzati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni ‘għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 127(2).

3.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw emenda għall-programm operazzjonali tagħhom, filwaqt li jieħdu kont tal-prijoritajiet ġodda stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-emendi għall-programm operazzjonali għandhom ikunu soġġetti għal proċedura simplifikata adottata f’konformità mal-Artikolu 22(2)4.

Artikolu 21

Pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data

1.   Għall-fini tal-applikazzjoni tal-punt (p) tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data f’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008 sal-31 ta’ Ottubru tas-sena qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta’ ħidma, ħlief jekk ikun għadu japplika pjan eżistenti, f’liema każ huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan. Il-kontenut ta’ dawk il-pjanijiet għandhom ikunu konsistenti mal-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li japprovaw il-pjanijiet ta’ ħidma msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta’ Diċembru tas-sena qabel is-sena li minnha għandu japplika l-pjan ta’ ħidma.

Artikolu 22

Regoli dwar proċeduri u skedi ta’ żmien

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar il-proċeduri, il-format u l-iskedi ta’ żmien għal:

(a)

l-approvazzjoni ta’ programmi operazzjonali;

(b)

il-preżentazzjoni u l-approvazzjoni ta’ emendi fil-programmi operazzjonali, inkluż id-dħul fis-seħħ tagħhom u l-frekwenza tal-preżentazzjoni matul il-perijodu tal-ipprogrammar;

(c)

il-preżentazzjoni u l-approvazzjoni ta’ emendi msemmija fl-Artikolu 20(3);

(d)

il-preżentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Il-proċeduri u l-iskedi ta’ żmien għandhom jiġu ssimplifikati fil-‘każ ta’:

(a)

emendi fil-programmi operazzjonali dwar it-trasferiment tal-fondi bejn il-prijoritajiet tal-Unjoni, kemm-il darba l-forndi trasferiti ma jaqbżux 10 % tal-ammont allokat għall-prijorità tal-Unjoni;

(b)

emendi fil-programmi operazzjonali dwar l-introduzzjoni jew l-irtirar ta’ miżuri jew tipi ta’ operazzjonijiet rilevanti u informazzjoni u indikaturi relatati;

(c)

emendi fil-programmi operazzjonali dwar bidliet fid-deskrizzjoni tal-miżuri, inklużi bidliet fil-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà;

(d)

l-emendi msemmija fl-Artikolu 20(3), kif ukoll fil-każ ta’ emendi oħrajn għat-taqsima tal-programm operazzjoni msemmi fil-punt (n) tal-Artikolu 18(1).

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 33a, 33b u l-Artikolu 41(2).

KAPITOLU II

Programmazzjoni għal miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni diretta

Artikolu 23

Programm ta’ ħidma annwali

1.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Titolu VI 2, il-Kummissjoni għandha tadotta, ‘atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu programmi ta’ ħidma annwali skont l-objettivi stabbiliti f’il-Kapitoli rispettivi. Għall-Kapitoli I u II tat-Titolu VI, dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

2.   Il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jinkludu:

(a)

deskrizzjoni tal-attivitajiet li għandhom jiġu ffinanzjati u l-objettivi segwiti għal kull attività li għandhom ikunu konformi mal-objettivi kif stipulati fl-Artikoli 82 u 85. Għandu jinkludi wkoll indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull attività, skeda taż-żmien ta’ implimentazzjoni indikattiva, kif ukoll informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

(b)

għall-għotjiet u l-miżuri relatati, il-kriterji essenzjali ta’ evalwazzjoni, li għandhom jiġu stabbiliti b’tali mod li jintlaħqu bl-aħjar mod l-objettivi segwiti mill-programm operazzjonali, u r-rata massima ta’ kofinanzjament.

TITOLU V

MIŻURI FFINANZJATI TAĦT ĠESTJONI KONĠUNTA

KAPITOLU I

Żvilupp sostenibbli tas-sajd

Artikolu 24

Objettivi speċifiċi

L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi taħt il-prijorità tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 6(1).

Artikolu 25

Kondizzjonijiet ġenerali

1.   Is-sid ta’ bastiment tas-sajd li jkun irċieva appoġġ taħt dan il-Kapitolu ma għandux jittrasferixxi dak il-bastiment barra mill-Unjoni tal-inqas matul ħames snin wara d-data tal-pagament attwali ta’ dak l-appoġġ lill-benefiċjarju. Jekk bastiment jiġi ttrasferit f’dak il-perijodu ta’ żmien, is-somom imħallsin indebitament fir-rigward tal-operazzjoni għandhom jiġu rkuprati mill-Istat Membru, f’ammont ‘proporzjonat għall-perijodu li matulu ma tkunx ġiet sodisfatta l-kunidizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-ispejjeż operattivi m’għandhomx ikunu eliġibbli dment li dan ma jkunx espressament previst b’mod ieħor f’dan il-Kapitolu.

3.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-FEMS għall-miżuri msemmija fl-Artikoli 33 u 34 u għas-sostituzzjoni jew l-immodernizzar tal-magni prinċipali jew anċillari msemmija fl-Artikolu 41 ma għandhiex taqbeż l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin:

(a)

EUR 6 000 000, jewż

(b)

15 % tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni allokat mill-Istat Membru għall-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6(1), (2) u (5).

4.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mill-FEMS għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 29(4) ma għandhiex taqbeż 5 % mill-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni allokat għal kull Stat Membru.

5.   L-appoġġ li jirċievu s-sidien ta’ bastimenti skont l-Artikolu 33 għandu jitnaqqas mill-appoġġ mogħti lis-sidien tal-bastimenti skont l-Artikolu 34 għall-istess bastiment.

Artikolu 26

Innovazzjoni

1.   Sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni fis-sajd, il-FEMS jista’ jappoġġa proġetti li għandhom l-għan li jiżviluppaw jew jintroduċu prodotti u tagħmir ġodda jew sostanzjalment imtejba, proċessi u tekniki ġodda jew imtejba, u sistemi ta’ ġestjoni u organizzazzjoni ġodda jew imtejba, inkluż fil-livell tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni.

2.   L-operazzjonijiet iffinanzjati skont dan l-Artikolu għandhom jitwettqu minn, jew f’kollaborazzjoni ma’ korp xjentifiku jew tekniku rikonoxxut mill-Istat Membru jew l-Unjoni. Dak il-korp xjentifiku jew tekniku għandu jivvalida r-riżultati ta’ dawn l-operazzjonijiet.

3.   Ir-riżultati tal-operazzjonijiet iffinanzjati skont dan l-Artikolu għandhom ikunu rreklamati b’mod adegwat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 119.

Artikolu 27

Servizzi ta’ konsulenza

1.   Sabiex jitjiebu l-prestazzjoni ġenerali u l-kompetittività tal-operaturi u għall-promozzjoni tas-sajd sostenibbli, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

studji dwar il-fattibbiltà u servizzi ta’ konsulenza li jivvalutaw il-vijabbiltà ta’ proġetti potenzjalment eliġibbli għall-appoġġ taħt dan il-Kapitolu;

(b)

l-għoti ta’ pariri professjonali dwar is-sostenibbiltà ambjentali, b’enfasi fuq il-limitazzjoni u, meta possibbli, l-eliminazzjoni tal-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar, terrestri u tal-ilma ħelu;

(c)

l-għoti ta’ pariri professjonali dwar strateġiji ta’ negozju u kummerċjalizzazzjoni.

2.   L-istudji dwar il-fattibbiltà, is-servizzi ta’ konsulenza u l-konsulenza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu pprovduti minn korpi xjentifiċi, akkademiċi, professjonali jew tekniċi jew entitajiet li għandhom konsulenza ekonomika bil-kompetenzi meħtieġa.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata lill-operaturi„ l-organizzazzjonijiet tas-sajjieda, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

4.   Fejn l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 ma jaqbiżx l-ammont ta’ EUR 4 000, il-benefiċjarju jista’ jintgħażel permezz ta’ proċedura aċċellerata.

Artikolu 28

Sħubiji bejn xjenzjati u sajjieda

1.   Bil-għan tal-promozzjoni tat-trasferiment tal-għarfien bejn ix-xjenzjati u s-sajjieda, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-ħolqien ta’ netwerks, ftehimiet ta’ sħubija jew assoċjazzjonijiet bejn korp xjentifiku indipendenti wieħed jew aktar u sajjieda jew organizzazzjoni tas-sajjieda waħda jew aktar, li jistgħu jipparteċipaw fihom korpi tekniċi.

(b)

l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tan-netwerks, ftehimiet ta’ sħubija jew assoċjazzjonijiet kif imsemmi fil-punt (a).

2.   L-attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 jistgħu jkopru attivitajiet ta’ ġbir u ġestjoni tad-data, studji, proġetti pilota, id-disseminazzjoni ta’ għarfien u riżultati ta’ riċerka, seminars u l-aħjar prattiki.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jingħata lil korpi rregolati mid-dritt pubbliku, sajjieda, organizzazzjonijiet tas-sajjieda, FLAGs, u organizzazzjonijiet nongovernattivi.

Artikolu 29

Promozzjoni tal-kapital uman, il-ħolqien tal-impjiegi u d-djalogu soċjali

1.   Bil-għan li jippromwovi l-kapital uman, il-ħolqien tal-impjiegi u d-djalogu soċjali, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

taħriġ professjonali, tagħlim tul il-ħajja, proġetti konġunti,id-disseminazzjoni ta’ għarfien ta’ natura ekonomika, teknika, regolatorja jew xjentifika u ta’ prattiki innovattivi, u l-akkwist ta’ ħiliet professjonali ġodda, marbuta b’mod partikolari mal-ġestjoni sostenibbli tal-ekosistemi tal-baħar, l-iġjene, is-saħħa, is-sikurezza, l-attivitajiet fis-settur marittimu, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija;

(b)

netwerking u skambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiki bejn il-partijiet interessati, inkluż fost organizzazzjonijiet li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa, li jippromwovu r-rwol tan-nisa fil-komunitajiet tas-sajd u li jippromwovu lil gruppi sottorappreżentati involuti f’sajd kostali fuq skala żgħira jew f’sajd bil-wieqfa;

(c)

id-djalogu soċjali fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali li jinvolvi s-sajjieda, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati rilevanti oħrajn.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jingħata wkoll lil konjuġi ta’ sajjieda li jaħdmu għal rashom jew, meta u dment li jkunu rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, is-sħab fil-ħajja ta’ sajjieda li jaħdmu għal rashomtaħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

3.   L-appoġġ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jista’ jingħata, għal perjodu massimu ta’ sentejn, għat-taħriġ ta’ persuni ta’ età iżgħar minn 30 sena, rikonoxxuti mill-Istat Membru bħala mingħajr impjieg(“apprendisti”). Tali appoġġ għandu jkun limitat għal taħriġ abbord bastiment tas-sajd kostali żgħir li jkun proprjetà ta’ sajjied professjonali li għandu mill-inqas 50 sena, ifformalizzat b’kuntratt bejn l-apprendist u s-sid tal-bastiment, meta dan ikun rikonoxxut mill-Istat Membru konċernat, inklużi korsijiet dwar il-prattiki tas-sajd sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013. L-apprendist għandu jkun akkumpanjat abbord minn sajjied professjonali li għandu mill-inqas 50 sena.

4.   L-appoġġ skont il-paragrafu 3 għandu jingħata lil sajjieda professjonali biex ikopru s-salarju tal-apprendist u spejjeż relatati, u għandu jiġi kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 57(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 b’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u l-istandards tal-għajxien tal-Istat Membru konċernat. Dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż l-ammont massimu ta’ EUR 40 000 għal kull benefiċjarju matul il-perijodu ta’ programmazzjoni.

Artikolu 30

Diversifikazzjoni u forom ġodda ta’ dħul

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa investimenti li jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tad-dħul tas-sajjieda permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet komplementari, inklużi investimenti abbord, turiżmu tas-sajd bil-qasba, restoranti, servizzi ambjentali marbuta mas-sajd u attivitajiet edukattivi dwar is-sajd.

2.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 għandu jingħata lis-sajjieda li:

(a)

jippreżentaw pjan ta’ negozju għall-iżvilupp tal-attivitajiet ġodda tagħhom;

(b)

għandhom ħiliet professjonali adegwati li jistgħu jinkisbu permezz ta’ operazzjonijiet iffinanzjati skont il-punt (a) tal-Artikolu 29(1).

3.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 għandu jingħata biss jekk l-attivitajiet komplementari jkunu marbutin man-negozju tas-sajd prinċipali tas-sajieda.

4.   L-ammont ta’ appoġġ mogħti taħt il-paragrafu 1 ma għandux jaqbeż 50 % tal-baġit previst fil-pjan tan-negozju għal kull operazzjoni u ma għandux jaqbeż ammont massimu ta’ EUR 75 000 għal kull benefiċjarju.

Artikolu 31

Appoġġ għall-bidu (start-up) għal sajjieda żgħażagħ

1.   Il-FEMS jista’ jipprovdi appoġġ għat-tnedija ta’ negozji għal sajjieda żgħażagħ.

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu jista’ jingħata biss fir-rigward tal-ewwel akkwist ta’ bastiment tas-sajd:

(a)

li t-tul totali tiegħu huwa inqas minn 24 metru;

(b)

li huwa attrezzat għas-sajd fuq il-baħar;

(c)

li jkollu bejn 5 u 30 sena; u

(d)

li jappartjeni għal taqsima mill-flotta li fir-rigward tagħha r-rapport dwar il-kapaċità ta’ sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ ‘mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “sajjieda żgħażagħ” jfisser persuna fiżika li trid takkwista bastiment tas-sajd għall-ewwel darba u li, fil-mument meta tippreżenta l-applikazzjoni, ma tkunx għalqet l-40 sena u tkun ilha taħdem tal-inqas ħames snin bħala sajjied jew tkun kisbet taħriġ vokazzjonali ekwivalenti. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu aktar il-kriterji objettivi għal sajjieda żgħażagħ sabiex ikunu eliġibbli għal appoġġ skont dan l-Artikolu.

4.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu ma għandux ikun aktar minn 25 % tan-nefqa tal-akkwist ta’ bastiment tas-sajd, u fi kwalunkwe każ, ma għandux jaqbeż EUR 75 000 għal kull sajjied żagħżugħ.

Artikolu 32

Saħħa u sikurezza

1.   Sabiex itejjeb l-iġjene, is-saħħa, is-sikurezza u l-kondizzjonijiet tax-xogħol għas-sajjieda, il-FEMS jista’ jappoġġa investimenti abbord jew fit-tagħmir individwali dment li dawn l-investimenti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali.

2.   L-appoġġ taħt dan l-Artikolu għandu jingħata lil sajjieda jew lil sidien ta’ bastimenti tas-sajd.

3.   Meta l-operazzjoni tikkonsisti f’investiment abbord, l-appoġġ ma għandux jingħata aktar minn darba għall-istess tip ta’ investiment matul il-perijodu ta’ programmazzjoni għall-istess bastiment tas-sajd. Meta l-operazzjoni tikkonsisti f’investiment f’tagħmir individwali, l-appoġġ ma għandux jingħata aktar minn darba għall-istess tip ta’ tagħmir matul il-perijodu ta’ programmazzjoni għall-istess benefiċjarju.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 126 sabiex tidentifika t-tipi ta’ operazzjonijiet eliġibbli skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 33

Waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd

1.   Il-FEMS jista’ ‘jappoġġa miżuri għall-waqfien temporanju ta’ attivitajiet tas-sajd fil-każijiet li ġejjin:

(a)

implimentazzjoni tal-miżuri tal-Kummissjoni jew tal-miżuri ta’ emerġenza tal-Istati Membri msemmija fl-Artikoli 12 u 13 rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew ta’ miżuri ta’ konservazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, inklużi perijodi ta’ rkupru bijoloġiku;

(b)

ftehimiet ta’ sħubiji dwar is-sajd sostenibbli jew protokolli għalihom mhux imġedda;

(c)

waqfien temporanju jkun previst minn pjan ta’ ġestjoni adottat f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (27) jew pjan pluriennali adottat skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 fejn, abbażi ta’ parir xjentifiku, ikun meħtieġ tnaqqis fl-isforzi tas-sajd sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 2(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 2(5) ‘tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jingħata għal perijodu ta’ mhux iktar minn sitt xhur għal kull bastiment matul il-perijodu 2014 sa 2020.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss lil:

(a)

sidien ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni rreġistrati bħala attivi u li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd ta’ mill-inqas 120 ġurnata fuq il-baħar matul is-sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ; jew

(b)

sajjieda li jkunu ħadmu fuq il-baħar għal mill-inqas 120 ġurnata matul is-sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien temporanju.

4.   L-attivitajiet tas-sajd kollha mwettqa mill-bastiment tas-sajd jew mis-sajjieda kkonċernati għandhom ikunu sospiżi b’mod effettiv. L-awtorità kompetenti għandha taċċerta ruħha li l-bastiment tas-sajd ikkonċernat jkun waqqaf kwalunkwe attività ta’ sajd matul il-perijodu kkonċernat mill-waqfien temporanju.

Artikolu 34

Waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa miżuri għall-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd biss meta dak isir permezz tad-demolizzjoni tal-bastimenti tas-sajd u dment li:

(a)

tali demolizzjoni tkun inkluża fil-programm operazzjonali msemmi fl-Artikolu 18; u

(b)

il-waqfien permanenti jkun previst bħala għodda ta’ pjan ta’ azzjoni msemmi fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li jindika li t-taqsima tal-flotta mhijiex ibbilanċjata b’mod effettiv mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima.

2.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 għandu jingħata lil:

(a)

sidien tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni rreġistrati bħala attivi u li jkunu wettqu attivitajiet tas-sajd fil-baħar għal mill-inqas 90 ġurnata kull sena matul l-aħħar sentejn kalendarji ta’ qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ; jew

(b)

sajjieda li jkunu ħadmu fuq il-baħar abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni kkonċernat mill-waqfien permanenti għal mill-inqas 90 ġurnata kull sena matul l-aħħar sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ.

3.   Is-sajjieda kkonċernati għandhom iwaqfu b’mod effettiv l-attivitajiet ta’ sajd kollha. Il-benfiċjarju għandu jipprovdi evidenza tal-waqfien effettiv mill-attivitajiet tas-sajd lill-awtorità kompetenti. Il-kumpens għandu jingħata lura fuq bażi pro rata temporis meta sajjied jerġa’ lura għal l-attività tas-sajd f’perijodu ta’ inqas minn sentejn mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ.

4.   L-appoġġ taħt dan l-Artikolu jista’ jingħata sal-31 ta’ Diċembru 2017.

5.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu għandu jitħallas biss wara li l-kapaċità ekwivalenti tkun tneħħiet permanentement mir-reġistru tal-Unjoni tal-flotta tas-sajd u wara li l-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd ikunu wkoll irtirati b’mod permanenti. Il-benefiċjarju għandu jġi pprojbit milli jirreġistra bastiment tas-sajd ġdid fi żmien ħames snin wara li jkun wasal tali appoġġ. It-tnaqqis fil-kapaċità li jirriżulta mill-waqfien permanenti mill-attivitajiet tas-sajd bl- għajnuna pubblika għandu jirriżulta fit-tnaqqis ekwivalenti permanenti tal-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd stipulata fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

6.   B’deroga mill-paragrafu 1, jista’ jingħata appoġġ għat-twaqqif permanenti ta’ attivitajiet tas-sajd ‘mingħajr demolizzjoni dment li l-bastimenti jinstallaw tagħmir biex jadattaw għal attivitajiet li mhumiex is-sajd kummerċjali.

B’żieda ma’ dan u bil-ħsieb li jiġi ppreservat il-wirt marittimu, jista’ jingħata appoġġ għat-twaqqif permamenti ta’ attivitajiet tas-saj’d mingħajr demolizzjoni, fil-każ ta’ bastimenti tal-injam tradizzjonali, dment li tali bastimenti jżommu funzjoni ta’ patrimonju fuq l-art.

Artikolu 35

Fondi reċiproċi għal avvenimenti klimatiċi negattivi u inċidenti ambjentali

1.   Il-FEMS jista’ jikkontribwixxi għal fondi reċiproċi biex jitħallas kumpens lil sajjieda għal telf ekonomiku kkawżat minn avvenimenti klimatiċi negattivi jew minn inċidenti ambjentali jew mill-ispejjeż ta’ salvataġġ ‘tas-sajjieda u tal-bastimenti tas-sajd f’każ li jkun hemm inċidenti fuq il-baħar matul l-attivitajiet tas-sajd.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, it-terminu “fond reċiproku” jfisser skema akkreditata mill-Istat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, li tippermetti lil sajjieda affiljati biex dawn jagħmlu assigurazzjoni fuqhom infushom, fejn il-pagamenti ta’ kumpens isiru lil sajjieda affiljati għal telf ekonomiku kkawżat mill-ġrajjiet stipulati fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġi evitat il-kumpens żejjed b’konsegwenza tal-kombinazzjoni tal-‘appoġġ taħt dan l-Artikolu ma’ strumenti oħra tal-Unjoni jew nazzjonali jew skemi tal-assigurazzjoni privati.

4.   Biex il-fond reċiproku jkun eliġibbli għall-appoġġ skont dan l-Artikolu, huwa għandu:

(a)

ikun akkreditat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru skont il-liġi nazzjonali;

(b)

ikollu politika trasparenti rigward id-depożiti fil-fond u l-ġbid minnu; u

(c)

ikollu regoli ċari li jattribwixxu r-responsabbiltà għal kwalunkwe dejn sostnut.

5.   L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-fondi reċiproċi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens u l-eliġibbiltà tas-sajjieda għal tali kumpens f’każ ta’ avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti relatati mal-fondi jipprevedu pieni fil-każ ta’ negliġenza min-naħa tas-sajjied.

6.   Avvenimenti klimatiċi negattivi, ‘inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 għandhom ikunu dawk rikonoxxuti formalment mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat bħala li jkunu seħħew.

7.   Il-kontribuzzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jkunu marbuta biss mal-ammonti mħallsa mill-fond reċiproku bħala kumpens finanzjarju lis-sajjieda. L-ispejjeż amministrattivi għall-istabbiliment tal-fondi reċiproċi ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-appoġġ billi japplikaw limiti massimi għal kull fond reċiproku.

8.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss biex jiġi kopert it-telf ikkawżat minn avvenimenti klimatiċi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar li jammontaw għal iktar minn 30 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-fatturat annwali ta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji preċedenti.

9.   L-ebda kontribuzzjoni mill-FEMS m’għandha ssir lill-kapital azzjonarju inizjali.

10.   Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jillimitaw l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-appoġġ billi jiġu applikati limiti massimi għal kull fond reċiproku, huma għandhom jipprovdu dettalji u ġustifikazzjonijiet fil-programmi operazzjonali tagħhom dwar il-limiti massimi tagħhom.

Artikolu 36

Appoġġ għas-sistemi ta’ allokazzjoni ta’opportunitajiet tas-sajd

1.   Sabiex l-attivitajiet tas-sajd jiġu adattati għall-opportunitajiet tas-sajd, il-FEMS jista’ jappoġġa d-disinn, l-iżvilupp, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tas-‘sistemi li jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd.

2.   L-appoġġ skont dan l-Artikolu għandu jingħata lil awtoritajiet pubbliċi, persuni ġuridiċi jew fiżiċi jew organizzazzjonijiet ta’ sajjieda, rikonoxxuti mill-Istat Membru inkluż organizzazzjonijiet rikonoxxuti ta’ produtturi involuti fil-ġestjoni kollettiva tas-sistemi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 37

Appoġġ għad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u kooperazzjoi reġjonali

1.   Sabiex jiġu żgurati t-tfassil u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-miżuri ta’ konservazzjoni skont l-Artikoli 7, 8 u 11 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 18 ta’ dak ir-Regolament, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

it-tfassil, l-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ mezzi tekniċi u amministrattivi meħtieġa għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u reġjonalizzazzjoni;

(b)

il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u reġjonalizzazzjoni.

2.   Il-FEMS jista jappoġġa r-ripopolazzjoni diretta skont il-paragrafu 1 biss meta din stipulata bħala miżura ta’ konservazzjoni f’ att legali tal-Unjoni.

Artikolu 38

Limitazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u l-adattament tas-sajd għall-protezzjoni tal-ispeċijiet

1.   Sabiex tnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar, tinkoraġġixxi l-eliminazzjoni gradwali tar-rimi u tiffaċilita t-transizzjoni għall-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-FEMS jista’ jappoġġa investimenti:

(a)

f’tagħmir li jtejjeb il-kapaċità tal-għażla tad-daqs jew il-kapaċità tal-għażla tal-ispeċijiet tal-irkaptu tas-sajd;

(b)

abbord jew f’tagħmir li jelimina r-rimi billi jevita u jnaqqas il-qabdiet mhux mixtieqa ta’ stokkijiet kummerċjali jew li jittratta l-qabdiet mhux mixtieqa li jridu jiġu żbarkati f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(c)

f’tagħmir li jillimita u, fejn possibbli, jelimina l-impatti fiżiċi u bijoloġiċi tas-sajd fuq l-ekosistema jew qiegħ il-baħar;

(d)

f’tagħmir li jipproteġi l-irkaptu u l-qabdiet minn mammiferi u għasafar protetti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28), dment li dan ma jimminax il-kapaċità tal-għażla tal-irkaptu tas-sajd u li jiġu introdotti l-miżuri kollha adatti biex jiġi evitat dannu fiżiku għall-predaturi.

2.   B’deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 11, fir-reġjuni ultraperiferiċi, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jingħata għal mezzi ta’ ġbir tal-ħut ankorati, kemm-il darba tali mezzi jikkontribwixxu għas-sajd sostenibbli u selettiv.

3.   L-appoġġ ma għandux jingħata aktar minn darba matul il-perijodu ta’ programmazzjoni għall-istess tip ta’ tagħmir, fuq l-istess bastiment tas-sajd tal-Unjoni.

4.   L-appoġġ għandu jingħata biss meta l-irkaptu jew tagħmir ieħor imsemmi taħt il-paragrafu 1 ikun juri b’mod ċar għażla ta’ daqs aħjar jew impatt iżgħar ċar fuq l-ekosistema u fuq l-ispeċijiet mhux fil-mira mill-irkaptu standard jew tagħmir ieħor permess skont il-liġi tal-Unjoni jew liġi nazzjonali rilevanti adottata fil-kuntest tar-reġjonalizzazzjoni kif previst fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

5.   L-appoġġ għandu jingħata lil:

(a)

sidien ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu rreġistrati bħala bastimenti attivi u li jkunu wettqu attività tas-sajd ta’ mill-inqas 60 ġurnata fuq il-baħar matul sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ

(b)

sajjieda li huma sidien tal-irkaptu li għandu jinbidel u dawk li ħadmu abbord bastiment tas-sajd tal-Unjoni għal mill-inqas 60 ġurnata matul is-sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ;

(c)

organizzazzjonijiet ta’ sajjieda rikonoxxuti mill-Istat Membru.

Artikolu 39

Innovazzjoni marbuta mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar

1.   Sabiex jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni gradwali tar-rimi u l-qabdiet mhux mixteqa u jiffaċilita t-transizzjoni għall-isfruttar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin f’konformità mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u biex jitnaqqas l-impatt tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar u l-impatt tal-predaturi protetti, il-FEMS jista’ jappoġġa operazzjonijiet maħsuba biex jiżviluppaw jew jintroduċu għarfien tekniku jew organizzattiv ġdid li jnaqqas l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ambjent, inkluż titjib fit-tekniki u l-kapaċità tal-għażla tal-irkaptu, jew maħsuba biex jinkiseb użu aktar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u koeżistenza mal-predaturi protetti.

2.   Operazzjonijiet iffinanzjati skont dan l-Artikolu għandhom jitwettqu minn jew f’kollaborazzjoni ma’ korp xjentifiku jew tekniku rikonoxxut mill-Istat Membru li għandu jivvalida r-riżultati ta’ dawn l-operazzjonijiet.

3.   Ir-riżultati tal-operazzjonijiet iffinanzjati skont dan l-Artikolu għandhom ikunu rreklamati b’mod adegwat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 119.

4.   Il-bastimenti tas-sajd involuti fi proġetti ffinanzjati skont dan l-Artikolu ma għandhomx jaqbżu l-5 % tal-għadd ta’ bastimenti tal-flotot nazzjonali jew 5 % tat-tunnellaġġ tal-flotot nazzjonali f’tunnellaġġ gross, ikkalkolati fi żmien il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Fuq talba ta’ Stat Membru, f’ċirkostanzi ġustifikati b’mod xieraq u abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE (29), il-Kummissjoni tista’ tapprova proġetti li jaqbżu l-limitu stabbilit f’dan il-paragrafu.

5.   L-operazzjonijiet li ma jikkwalifikawx bħala relatati mas-sajd għal finijiet xjentifiċi f’konformità mal-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u li jikkonsistu fl-ittestjar ta’ rkaptu jew tekniki ġodda għandhom jitwettqu fil-limiti tal-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-Istat Membru konċernat.

6.   Id-dħul nett iġġenerat mill-parteċipazzjoni tal-bastiment tas-sajd fl-operazzjoni għandu jitnaqqas mill-infiq eliġibbli tal-operazzjoni f’konformità mal-Artikolu 65(8) tar-Regolament(UE) Nru 1303/2013.

7.   Għall-fini tal-‘paragrafu 6, it-terminu “dħul nett”‘ifisser id-dħul għas-sajjieda mill-ewwel bejgħ tal-ħut jew frott tal-baħar bil-qoxra maqbud matul l-introduzzjoni u l-ittestjar tal-għarfien tekniku jew organizzazzjonali ġdid wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-bejgħ, bħat-tariffi tas-sala tal-irkant.

Artikolu 40

Protezzjoni u rkuprar tal-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u reġimi ta’ kumpens fil-qafas tal-attivitajiet tas-sajd sostenibbli

1.   Sabiex jiġu protetti u rkuprati l-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar fil-qafas tal-attivitajiet tas-sajd sostenibbli, u fejn rilevanti bil-parteċipazzjoni tas-sajjieda, il-FEMS jista’ jappoġġa l-operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġbir mis-sajjieda tal-iskart mill-baħar, bħat-tneħħija ta’ rkaptu tas-sajd li jintilef u skart tal-baħar;

(b)

il-kostruzzjoni, l-installazzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ faċilitajiet statiċi jew mobbli maħsuba biex jipproteġu u jsaħħu l-fawna u l-flora tal-baħar inklużi t-tħejjija xjentifika tagħhom, u l-evalwazzjoni;

(c)

il-kontribut għal ġestjoni jew konservazzjoni aħjar tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(d)

it-tħejjija inkluż l-istudji, it-tfassil, il-monitoraġġ u l-aġġornament ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni u ta’ ġestjoni għal attivitajiet relatati mas-sajd marbutin mas-siti NATURA 2000 u żoni ta’ spazji protetti msemmija fid-Direttiva 2008/56/KE u relatat ma’ ħabitats speċjali oħrajn;

(e)

il-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ ta’ siti NATURA 2000 f’konformità mad-Direttivi 92/43/KEE ’ u 2009/147/KE, f’konformità mal-oqsfa ta’ azzjoni prijoritizzata skont id-Direttiva 92/43/KEE;

(f)

il-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ ta’ żoni protetti tal-baħar fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni ta’ spazji msemmija fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2008/56/KE;

(g)

iż-żieda fl-għarfien ambjentali li jinvolvi lis-sajjieda fir-rigward tal-protezzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità fil-baħar.

(h)

skemi għall-kumpens għal-ħsara li ssir lill-qabdiet ikkawżata minn mammiferi u għasafar protetti mid-Direttivi 92/43/KEE ‘u 2009/147/KE;

(i)

il-parteċipazzjoni f’azzjonijiet oħra mmirati lejn iż-żamma u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, bħall-irkupru ta’ ħabitats tal-baħar u kostali speċifiċi sabiex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut inkluż it-tħejjija xjentifika tagħhom, u l-evalwazzjoni;

2.   L-appoġġ skont il-punt (h) tal-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għal rikonoxximent formali ta’ tali skemi mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li ma jingħatax kumpens żejjed għad-danni bħala riżultat tal-kombinazzjoni tal-iskemi ta’ kumpens tal-Unjoni, dawk nazzjonali u dawk privati.

3.   L-operazzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu jistgħu jiġu implimentati minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku ta’ natura xjentifika jew teknika, il-Kunsilli Konsultattivi, sajjieda, jew organizzazzjonijiet ta’ sajjieda li jkunu rikonoxxuti mill-Istat Membru, jew minn organizzazzjonijiet mhux governattivi fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet ta’ sajjieda jew fi sħubija mal-FLAGs.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 126 li jispeċifikaw l-ispejjeż eliġibbli għall-appoġġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 41

Effiċjenza enerġetika u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima

1.   Sabiex jiġu mitigati l-effetti tat-tibdil fil-klima u titjieb l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

investimenti f’tagħmir jew abbord bil-għan li jnaqqsu l-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu jew il-gassijiet b’effett ta’ serra u jżidu l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd. Investimenti fl-irkaptu tas-sajd huma eliġibbli wkoll dment li dawn ma jipperikolawx il-kapaċità tal-għażla marbuta ma’ dak l-irkaptu;

(b)

awditi u skemi ta’ effiċjenza enerġetika;

(c)

studji li jivvalutaw il-kontribut tas-sistemi ta’ propulsjoni alternattivi u d-disinn tal-buq fuq l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti tas-sajd.

2.   L-appoġġ għas-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni prinċipali jew anċillari jista’ jingħata biss:

(a)

għal bastimenti b’tul totali ta’ mhux iktar minn 12-il metru, dment li l-magna l-ġdida jew modernizzata ma jkollhomx iktar saħħa f’kW mill-magna ta’ bħalissa;

(b)

għal bastimenti b’tul totali bejn 12 u 18-il-metru, dment li s-saħħa f’kW tal-magna l-ġdida jew modernizzata tkun tal-inqas 20 % inqas minn dik tal-magna ta’ bħalissa;

(c)

għal bastimenti b’tul totali bejn 18 u 24 metru, dment li s-saħħa f’kW tal-magna l-ġdida jew modernizzata tkun tal-inqas 30 % inqas minn dik tal-magna ta’ bħalissa.

3.   L-appoġġ skont il-paragrafu 2 għas-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni prinċipali jew anċillari jista’ jingħata biss lil bastimenti li jagħmlu parti minn taqsima mill-flotta li fir-rigward tagħha r-rapport dwar il-kapaċità ta’ sajd, imsemmi fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ikun wera bilanċ mal-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għal dik it-taqsima.

4.   L-appoġġ skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħata biss għas-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni prinċipali jew anċillari li ġew iċċertifikati uffiċjalment f’konformità mal-Artikolu 40(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009. Dan għandu jitħallas biss wara li l-kapaċità f’kW li tkun tnaqqset kif meħtieġ, titneħħa permanentement mir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.

5.   Għal bastimenti tas-sajd li mhumiex soġġetti għaċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-magna, l-appoġġ skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jingħata biss għas-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni prinċipali jew anċillari li fir-rigward tagħhom il-konsistenza tal-qawwa tal-magna tkun ġiet ivverifikata f’konformità mal-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u spezzjonata fiżikament biex jiġi żgurat li ls-saħħa tal-magna ma taqbiżx dik stabbilita fil-liċenzji tas-sajd.

6.   It-tnaqqis tas-saħħa ta’ magna msemmi fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2 jista’ jintlaħaq minn grupp ta’ bastimenti għal kull kategorija ta’ bastimenti ‘f’dawk il-punti.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(3), l-appoġġ mill-FEMS taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż l-ogħla limitu mit-tnejn li ġejjin:

(a)

EUR 1.5 miljun jew

(b)

3 % tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni allokaa mill-Istat Membru għall-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6(1), (2) u (5).

8.   L-applikazzjonijiet li jsiru minn operaturi mis-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira għandhom jiġu trattati bħala prijorità sa 60 % tal-appoġġ totali mogħti allokat bil-għan tas-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni ewlenin jew anċillari msemmi fil-paragrafu 2 fuq il-perijodu kollu ta’ programmazzjoni.

9.   L-appoġġ skont il-paragrafi 1 u 2 għandu jingħata biss lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd u ma għandux jingħata aktar minn darba għall-istess tip ta’ investiment matul il-perijodu ta’ programmazzjoni għall-istess bastiment tas-sajd.

10.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 126 li jispeċifikaw l-ispejjeż li huma eliġibbli għall-appoġġ skont il-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Il-valur miżjud, il-kwalità tal-prodotti u l-użu ta’ qabdiet mhux mixtieqa

1.   Sabiex jitjieb il-valur miżjud jew il-kwalità tal-ħut li jinqabad, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-investimenti li jżidu l-valur tal-prodotti tas-sajd, b’mod partikolari billi s-sajjied ikun jista’ jwettaq l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ dirett tal-qabdiet tiegħu stess;

(b)

investimenti innovattivi abbord li jtejbu l-kwalità tal-prodotti tas-sajd.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jingħata bil-kondizzjoni li jintużaw irkapti selettivi biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-qabdiet mhux mixtieqa u għandu jingħata biss lis-sidien tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu wettqu attività ta’ sajd għal mill-inqas 60 jum fuq il-baħar matul is-sentejn kalendarji qabel id-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-appoġġ.

Artikolu 43

Portijiet tas-sajd, siti ta’ żbark, swali tal-irkant u postijiet ta’ kenn

1.   Għall-fini li jitjiebu l-kwalità, il-kontroll u t-traċċabbiltà tal-prodotti żbarkati, li jkun hemm iktar effiċjenza enerġetika, li jsir kontribut għall-protezzjoni ambjentali u li jitjiebu l-kondizzjonijiet tas-sigurtà u x-xogħol, il-FEMS jista’ jappoġġa investimenti li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet tas-sajd, is-swali tal-irkant jew is-siti ta’ żbark u l-kennijiet, inklużi investimenti f’faċilitajiet għal ġbir ta’ skart u skart fil-baħar.

2.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mal-obbligu tal-iżbark tal-qabdiet kollha skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 kif ukoll sabiex jiżdied il-valur tal-komponenti tal-qabda li mhumiex użati biżżejjed, il-FEMS tista’ tappoġġa investimnti fil-portijiet tas-sajd, is-swali tal-irkant, is-siti tal-iżbark u l-kennijiet.

3.   Sabiex tittejjeb is-sikurezza tas-sajjieda, il-FEMS jista’ jappoġġa investimenti fil-kostruzzjoni jew il-modernizzazzjoni tal-postijiet ta’ kenn.

4.   L-appoġġ ma għandux ikopri l-kostruzzjoni ta’ portijiet ġodda, siti ta’ żbark ġodda jew swali tal-irkant ġodda.

Artikolu 44

Sajd f’ilmijiet interni u fawna u flora akkwatiċi f’ilmijiet interni

1.   Sabiex jitnaqqas l-impatt tas-sajd f’ilmijiet interni fuq l-ambjent, biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika, biex jitjieb il-valur jew il-kwalità tal-ħut żbarkat, jew biex jitjiebu l-kondizzjonijiet tas-saħħa, tas-sikurezza, u tax-xogħol, il-kapital uman u t-taħriġ, il-FEMS jista’ jappoġġa l-investimenti li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-kapital uman, il-ħolqien tal-impjiegi u d-djalogu soċjali kif imsemmi fl-Artikolu 29 u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

abbord jew f’tagħmir individwali msemmi fl-Artikolu 32 u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(c)

f’tagħmir u tipi ta’ operazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 38 u 39 u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk l-Artikoli;

(d)

it-titjib tal-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis tat-tibdil fil-klima kif imsemmi fl-Artikolu 41 u bl-istess kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(e)

it-titjib tal-valur jew il-kwalità tal-ħut li jinqabad kif imsemmi fl-Artikolu 42 u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

(f)

fil-portijiet tas-sajd, postijiet ta’ kenn u siti ta’ żbark kif imsemmi fl-Artikolu 43 u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

2.   Il-FEMS jista’ jipprovdi appoġġ għal investimenti relatati mal-bidu (start-up) ta’ negozji għal sajjieda żgħażagħ kif imsemmi fl-Artikolu 31 u bl-istess kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu għajr għar-rekwiżittaħt il-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu.

3.   Il-FEMS jista’ jipprovdi appoġġ għall-iżvilupp u l-faċilitazzjoni tal-innovazzjoni f’konformità mal-Artikolu 26, għas-servizzi konsultattivi f’konformità mal-Artikolu 27 u s-sħubiji bejn ix-xjenzjati u s-sajjieda f’konformità mal-Artikolu 28.

4.   Sabiex tiġi promossa d-diversifikazzjoni mis-sajjieda tal-ilmijiet interni, il-FEMS jista’ jappoġġa d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd f’ilmijiet interni għal attivitajiet komplementari bil-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 30.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

(a)

ir-referenzi fl-Artikoli 30, 32, 38, 39, 41 u 42 għall-bastimenti tas-sajd għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal bastimenti li joperaw b’mod esklużiv f’ilmijiet interni;

(b)

ir-referenzi fl-Artikolu 38 għall-ambjent tal-baħar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-ambjent fejn jopera l-bastiment tas-sajd f’ilmijiet interni.

6.   Sabiex jiġu protetti u żviluppati l-fawna u l-flora akkwatiċi, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-ġestjoni, l-irkupru u l-monitoraġġ ta’ siti NATURA 2000, li huma affettwati mill-attivitajiet ta’ sajd u r-riabilitazzjoni tal-ilmijiet interni f’konformità mad-Direttiva 60/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), inklużi l-postijiet fejn ibid il-ħut u r-rotot ta’ migrazzjoni għall-ispeċijiet migratorji, mingħajr preġudizzju għall-punt (e) tal-Artikolu 40(1) ta’ dan ir-Regolament u, fejn rilevanti bil-parteċipazzjoni tas-sajjieda fl-ilmijiet interni;

(b)

il-kostruzzjoni, il-modernizzazzjoni jew l-installazzjoni ta’ faċilitajiet statiċi jew mobbli maħsuba biex jipproteġu u jsaħħu l-fawna u l-flora akkwatiċi inklużi t-tħejjija xjentifika, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jirċievu appoġġ skont dan l-Artikolu jibqgħu joperaw b’mod esklużiv fl-ilmijiet interni.

KAPITOLU II

Żvilupp sostenibbli tal-akkwakultura

Artikolu 45

Objettivi Speċifiċi

L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi taħt il-prijorità tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 6 (2).

Artikolu 46

Kondizzjonijiet ġenerali

1.   L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jkun limitat għall-impriżi tal-akkwakultura sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, imprendituri li jidħlu fis-settur għandhom jipprovdu pjan ta’ negozju u, meta l-ammont tal-investimenti ikun ta’ aktar minn EUR 50 000, għandhom jipprovdu studju dwar il-fattibbiltà li jinkludi valutazzjoni ambjentali. L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jingħata biss meta jkun intwera b’mod ċar, f’rapport ta’ kummerċjalizzazzjoni indipendenti, li jeżistu prospetti tas-suq tajbin u sostenibbli għall-prodott.

3.   Fejn l-operazzjonijiet ikunu jikkonsistu minn investimenti f’tagħmir jew infrastruttura li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti futuri relatati mal-ambjent, is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, l-iġjene jew it-trattament xieraq tal-annimali skont il-liġi tal-Unjoni, l-appoġġ jista’ jingħata sad-data li fiha tali rekwiżiti isiru obbligatorji għall-intrapriżi.

4.   L-appoġġ ma għandux jingħata għat-trobbija ta’ organiżmi ġenetikament modifikati.

5.   Ma għandux jingħata appoġġ għal operazzjonijiet tal-akkwakultura f’żoni tal-baħar protetti, jekk ikun ġie ddeterminat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt ambjentali, li l-operazzjoni tiġġenera impatt ambjentali negattiv sinifikanti li ma jistax jittaffa b’mod adegwat.

Artikolu 47

Innovazzjoni

1.   Sabiex tiġi stimolata l-innovazzjoni fl-akkwakultura, il-FEMS jista’ jappoġġa operazzjonijiet li għandhom l-għan li:

(a)

jiżviluppaw għarfien tekniku, xjentifiku jew organizzattiv f’farms tal-akkwakultura, li jnaqqas, b’mod partikolari, l-impatt fuq l-ambjent,inaqqas id-dipendenza fuq l-għalf u ż-żejt tal-ħut, jinkoraġġixxi użu sostenibbli tar-riżorsi fl-akkwakultura, itejjeb it-trattament xieraq tal-annimali jew jiffaċilita metodi ta’ produzzjoni ġodda sostenibbli;

(b)

jiżviluppaw jew jintroduċu fis-suq speċijiet ġodda tal-akkwakultura b’potenzjal tajjeb għas-suq, prodotti ġodda jew li jkunu ttejbu b’mod sostanzjali, proċessi ġodda jew imtejba jew sistemi ta’ ġestjoni u organizzazzjoni ġodda jew imtejba;

(c)

jesploraw il-fattibbiltà teknika jew ekonomika tal-innovazzjonijiet, il-prodotti jew il-proċessi.

2.   L-operazzjonijiet skont dan l-Artikolu għandhom jitwettqu minn jew f’kollaborazzjoni ma’ korpi xjentifiċi jew tekniċi pubbliċi jew privati, kif rikonoxxuti mill-‘Istat Membru, li għandhom jivvalidaw ir-riżultati ta’ dawn l-operazzjonijiet.

3.   Ir-riżultati tal-operazzjonijiet li jirċievu l-appoġġ għandhom ikunu reklamati b’mod adegwat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 119.

Artikolu 48

Investimenti produttivi fl-akkwakultura

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-investimenti produttivi fl-akkwakultura;

(b)

id-diversifikazzjoni tal-produzzjoni fl-akkwakultura u l-ispeċijiet ikkultivati;

(c)

il-modernizzazzjoni tal-unitajiet tal-akkwakultura inkluż it-titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-settur tal-akkwakultura;

(d)

it-titjib u l-modernizzazzjoni relatati mas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali inkluż ix-xiri ta’ tagħmir li għandu l-għan li jipproteġi lill-farms tal-ħut mill-predaturi selvaġġi;

(e)

l-investimenti li jnaqqsu l-impatt negattiv jew isaħħu l-effetti pożittivi fuq l-ambjent u aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

(f)

l-investimenti fit-tisħiħ tal-kwalità ta’, jew fiż-żieda tal-valur għal prodotti tal-akkwakultura;

(g)

l-irkupru tal-għadajjar jew il-laguni eżistenti tal-akkwakultura permezz tat-tneħħija tal-ħama, jew investimenti mmirati li jipprevjenu d-depożitu tal-ħama;

(h)

id-diversifikazzjoni tad-dħul tal-intrapriżi tal-akkwakultura permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet komplementari;

(i)

l-investimenti li jirriżultaw fi ‘tnaqqis sostanzjali fl-impatt tal-impriżi tal-akkwakultura fuq l-użu u l-kwalità tal-ilma, b’mod partikolari permezz ta’ tnaqqis tal-ammont ta’ ilma jew sustanzi kimiċi, antibijotiċi jew mediċini oħra li jintużaw jew permezz ta’ titjib tal-kwalità tal-ilma prodott, inkluż permezz tal-użu ta’ sistemi tal-akkwakultura multitrofiċi;

(j)

il-promozzjoni ta’ akkwakultura b’sistemi magħluqa fejn il-prodotti akkwatiċi jitrabbew f’sistemi magħluqa ta’ riċirkolazzjoni, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-ilma;

(k)

investimenti li jżidu l-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni tal-konverżjoni tal-impriżi tal-akkwakultura għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

2.   L-appoġġ skont il-punt (h) tal-paragrafu 1 għandu jingħata biss lill-intrapriżi tal-akkwakultura jekk l-attivitajiet komplementari jkunu relatati man-negozju prinċipali tal-intrapriża fis-settur tal-akkwakultura, inkluż it-turiżmu tas-sajd bil-qasba, servizzi ambjentali tal-akkwakultura jew attivitajiet edukattivi dwar l-akkwakultura.

3.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 jista’ jingħata biex tiżdied il-produzzjoni u/jew il-modernizzazzjoni tal-impriżi eżistenti fis-settur tal-akkwakultura jew għall-kostruzzjoni ta’ impriżi ġodda dment li l-iżvilupp ikun konsistenti mal-pjan strateġiku nazzjonali pluriennali għall-iżvilupp tal-akkwakultura kif imsemmi fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 49

Servizzi ta’ ġestjoni, għajnuna u konsulenza għal farms fis-settur tal-akkwakultura

1.   Sabiex jittejbu l-prestazzjoni u l-kompetittività globali tal-farms fis-settur tal-akkwakultura u bil-għan li jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tal-operazzjonijiet tagħhom, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-istabbiliment ta’ servizzi ta’ ġestjoni, għajnuna u konsulenza għall-farms fis-settur tal-akkwakultura;

(b)

ix-xiri ta’ servizzi ta’ konsulenza għall-farms ta’ natura teknika, xjentifika, legali, ambjentali jew ekonomika.

2.   Is-servizzi ta’ konsulenza msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom ikopru:

(a)

il-ħtiġijiet ta’ ġestjoni li jippermettu lill-farms fis-settur tal-akkwakultura jkunu konformi mal-leġislazzjoni ambjentali tal-Unjoni u nazzjonali, kif ukoll mar-rekwiżiti tal-ippjanar spazjali marittimu;

(b)

il-valutazzjoni tal-impatt ambjentali kif imsemmi fid-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) u d-Direttiva 92/43/KEE;

(c)

il-ħtiġijiet ta’ ġestjoni li jippermettu lill-farms fis-settur tal-akkwakultura sabiex farms tal-akkwakultura jkunu konformi mal-leġislazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali akkwatiċi jew dik dwar is-saħħa pubblika;

(d)

l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza bbażati fuq il-leġislazzjoni tal-Unjoni u nazzjonali;

(e)

l-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni u n-negozju.

3.   Is-servizzi ta’ konsulenza msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jingħataw minn korpi xjentifiċi jew tekniċi kif ukoll minn entitajiet li jipprovdu konsulenza legali jew ekonomika bil-kompetenza meħtieġa kif rikonoxxuti mill-Istat Membru.

4.   L-appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jingħata biss lil korpi rregolati mid-dritt pubbliku jew entitajiet oħrajn, magħżula mill-Istat Membru sabiex jistabbilixxu s-servizzi ta’ konsulenza għall-farms. L-appoġġ skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jingħata biss lill-SMEs fis-settur tal-akkwakultura jew lill-organizzazzjonijiet fis-settur tal-akkwakultura inkluż organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-akkwakultura u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-akkwakultura.

5.   Meta l-appoġġ ma jaqbiżx EUR 4 000, il-benefiċjarju jista’ jintgħażel permezz ta’ proċedura aċċelerata.

6.   Il-benfiċjarji ma għandhomx jirċievu appoġġ aktar minn darba fis-sena għal kull kategorija ta’ servizzi ta’ konsulenza msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 50

Promozzjoni tal-kapital uman u netwerking

1.   Sabiex jippromwovi l-kapital uman u n-netwerking fl-akkwakultura, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

it-taħriġ professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja, id-disseminazzjoni ta’ għarfien xjentifiku u tekniku u l-prattiki innovattivi, il- il-kisba ta’ ħiliet professjonali ġodda fis-settur tal-akkwakultura u fir-rigward tat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tal-operazzjonijiet fis-settur tal-akkwakultura;

(b)

it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

(c)

in-netwerking u l-iskambju ta’ esperjenzi u l-aqwa prattiki fost l-intrapriżi fis-settur tal-akkwakultura jew l-organizzazzjonijiet professjonali u partijiet interessati oħrajn, inklużi korpi xjentifiċi u tekniċi jew dawk li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs bejn l-irġiel u n-nisa.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma għandux jingħata lill-intrapriżi kbar fis-settur tal-akkwakultura dment li dawn ikunu involuti fl-iskambju ta’ għarfien mal-SMEs.

3.   B’deroga mill-Artikolu 46, l-appoġġ taħt dan l-Artikolugħandu jingħata wkoll lill-organizzazzjonijiet pubbliċi jew semi-pubbliċi u organizzazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti mill-Istat Membru.

4.   L-appoġġ taħt dan l-Artikolu għandu jingħata wkoll lill-konjuġi ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fil-farms fis-settur tal-akkwakultura jew, meta u sakemm ikunu rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali, lis-sħab fil-ħajja ta’ akkwakulturisti li jaħdmu għal rashom taħt il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/41/UE.

Artikolu 51

Potenzjal akbar għas-siti tal-akkwakultura

1.   Sabiex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-siti u l-infrastrutturi tal-akkwakultura, u sabiex inaqqas l-impatt ambjentali negattiv tal-operazzjonijiet, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-identifikazzjoni u l-immappjar tal-aktar żoni adatti għall-iżvilupp tal-akkwakultura, u, filwaqt li jiġu kkunsidrati fejn applikabbli l-proċessi tal-ippjanar spazjali, u l-identifikazzjoni u l-immappjar ta’ żoni fejn l-akkwakultura għandha tiġi eskluża sabiex jinżamm ir-rwol ta’ dawn iż-żoni fil-funzjonament tal-ekosistema;

(b)

it-titjib u l-iżvilupp ta’ faċilitajiet u infrastrutturi ta’ appoġġ meħtieġa biex jiżdied il-potenzjal tas-siti tal-akkwakultura u biex jitnaqqas l-impatt ambjentali negattiv tal-akkwakultura, inkluż investimenti fil-konsolidazzjoni tal-art, il-forniment tal-enerġija jew il-ġestjoni tal-ilma;

(c)

l-azzjoni meħuda u implimentata mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147/KE jew l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43/KEE bil-għan li tipprevjeni dannu serju fis-settur tal-akkwakultura;

(d)

l-azzjoni meħuda u implimentata mill-awtoritajiet kompetenti wara li jkun inkixef numru ikbar ta’ mwiet jew mard kif previst fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (32). Dawk l-azzjonijiet jistgħu jkopru l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni relatati mal-frott tal-baħar bil-qoxra, li għandhom l-għan ta’ protezzjoni, irkupru u ġestjoni, inkluż l-għoti ta’ appoġġ lill-produtturi ta’ frott tal-baħar bil-qoxra għall-manutenzjoni ta’ sikek naturali għall-frott tal-baħar bil-qoxra u żoni ta’ qbid.

2.   Il-benefiċjarji tal-appoġġ skont dan l-Artikolu għandhom ikunu biss korpi rregolati mid-dritt pubbliku jew korpi privati fdati mill-Istat Membru bil-kompiti msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 52

Inħeġġu akkwakulturisti ġodda li jipprattikaw akkwakultura sostenibbli

1.   Sabiex irawwem l-imprenditorija fl-akkwakultura, il-FEMS jista’ jappoġġa l-istabbiliment ta’ impriżi tal-akkwakultura sostenibbli minn akkwakulturisti ġodda.

2.   L-appoġġ skont il-paragrafu 1 għandu jingħata lill-akkwakulturisti li jidħlu fis-settur dment li dawn:

(a)

ikollhom kompetenzi u ħiliet professjonali adegwati;

(b)

stabbilixxew għall-ewwel darba impriża mikro jew żgħira fis-settur tal-akkwakultura bħala maniġers ta’ dik l-impriża; u

(c)

jippreżentaw pjan tan-negozju għall-iżvilupp tal-attivitajiet tagħhom fl-akkwakultura.

3.   Sabiex jiksbu ħiliet professjonali adegwati, l-akkwakulturisti li jidħlu fis-settur jistgħu jibbenifikaw mill-appoġġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 50(1).

Artikolu 53

Konverżjoni għal skemi tal-immaniġġjar u l-awditjar tal-ambjent u l-akkwakultura organika

1.   Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-akkwakultura organika jew l-akkwakultura effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-konverżjoni tal-metodi konvenzjonali ta’ produzzjoni fis-settur tal-akkwakultura f’akkwakultura organika fit-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (33) u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 (34);

(b)

il-parteċipazzjoni fl-iskemi tal-immaniġġjar u l-awditjar tal-ambjent (EMAS) stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35)

2.   L-appoġġ għandu jingħata biss lil benefiċjarji li jimpenjaw ruħhom li jipparteċipaw fl-EMAS għal mhux inqas minn tliet snin jew li jikkonformaw għal mhux inqas minn ħames snin mar-rekwiżiti tal-produzzjoni organika.

3.   L-appoġġ għandu jieħu l-forma ta’ kumpens għal mhux aktar minn tliet snin matul il-perijodu tal-konverżjoni tal-intrapriża għall-produzzjoni organika jew matul it-tħejjija għall-parteċipazzjoni fl-EMAS. L-Istati Membri għandhom jikkalkolaw dak il-kumpens abbażi ta’:

(a)

it-telf tad-dħul jew l-ispejjeż addizzjonali mġarrba matul il-perijodu ta’ transizzjoni mill-produzzjoni konvenzjonali fi produzzjoni organika għall-operazzjonijiet eliġibbli skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 jew

(b)

l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni u t-tħejjija tal-parteċipazzjoni fl-EMAS ‘għal operazzjonijiet eliġibbli skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.

Artikolu 54

Akkwakultura li tipprovdi servizzi ambjentali

1.   Sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta’ akkwakultura li tipprovdi servizzi ambjentali, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-metodi ta’ akkwakultura li huma kompatibbli ma’ ħtiġijiet ambjentali speċifiċi u soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta’ ġestjoni li jirriżultaw min-nomina ta’ żoni NATURA 2000 f’konformità mad-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE;

(b)

il-parteċipazzjoni, f’termini ta’ spejjeż relatati b’mod dirett magħha, fil-konservazzjoni ex-situ u r-riproduzzjoni tal-annimali akkwatiċi, fi ħdan il-qafas tal-programmi ta’ konservazzjoni u l-irkupru tal-bijodiversità żviluppati mill-awtoritajiet pubbliċi, jew taħt is-superviżjoni tagħhom;

(c)

l-operazzjonijiet fis-settur tal-akkwakultura inkluż il-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent u tal-bijodiversità u l-ġestjoni tal-pajsaġġ u l-karatteristiċi tradizzjonali taż-żoni tal-akkwakultura.

2.   L-appoġġ skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jieħu l-forma ta’ kumpens annwali għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba u/jew id-dħul mitluf bħala konsegwenza tar-rekwiżiti tal-ġestjoni fiż-żoni kkonċernati, b’rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-Kunsill 92/43/KEE jew 2009/147/KE.

3.   L-appoġġ skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jingħata biss lil benefiċjarji li jimpenjaw ruħhom għal mhux inqas minn perijodu ta’ ħames snin li jissodisfaw ir-rekwiżiti akkwaambjentali li jmorru lil hinn mis-sempliċi applikazzjoni tal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni. Il-benefiċċji ambjentali tal-operazzjoni għandhom jintwerew permezz ta’ valutazzjoni minn qabel imwettqa minn korpi kompetenti nnominati mill-Istat Membru, sakemm il-benefiċċji ambjentali ta’ dik l-operazzjoni ma jkunux diġà rikonoxxuti.

4.   L-appoġġ skont il-punt (c) tal-paragrafu 1) għandu jieħu l-forma ta’ kumpens annwali għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba u/jew id-dħul mitluf.

5.   Ir-riżultati tal-operazzjonijiet li jirċievu l-appoġġ skont dan l-Artikolu għandhom ikunu rreklamati b’mod adegwat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 119.

Artikolu 55

Miżuri tas-saħħa pubblika

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens lill-persuni li jaħdmu fil-farms tal-molluski għas-sospensjoni temporanja tar-rakkolta ta’ molluski mrobbija, meta tali sospensjoni sseħħ esklużivament għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

2.   L-appoġġ jista’ jingħata biss fejn is-sospensjoni tar-rakkolta minħabba l-kontaminazzjoni tal-molluski tkun il-konsegwenza tal-proliferazzjoni ta’ plankton li jipproduċi t-tossina jew tal-preżenza ta’ plankton li fih il-bijotossini, u dment li:

(a)

il-kontaminazzjoni ddum għal aktar minn erba’ xhur konsekuttivi; jew

(b)

it-telf, li jirriżulta mis-sospensjoni tal-ħsad, jammonta għal aktar minn 25 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-fatturat medju ta’ dak in-negozju matul it-tliet snin qabel is-sena li fiha il-ħsad ikun sospiż.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli speċjali għall-kalkolu fir-rigward ta’ kumpanniji b’attività ta’ inqas minn tliet snin.

3.   It-tul ta’ żmien li għalih jista’ jingħata l-kumpens għandu jkun ta’ mhux aktar minn 12-il xahar matul il-perijodu kollu ta’ programmazzjoni. F’każijiet debitament iġġustifikati, dan jista’ jiġi estiż darba għal massimu ta’ 12-il xahar, sa massimu f’daqqa ta’ 24 xahar.

Artikolu 56

Miżuri għas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali

1.   Bil-għan tal-promozzjoni tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali fl-intrapriżi fis-settur tal-akkwakultura, fost l-oħrajn f’termini ta’ prevenzjoni u bijosigurtà, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-ispejjeż għall-kontroll u l-qerda tal-mard fis-settur tal-akkwakultura skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE (36), inkluż l-ispejjeż operazzjonali meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi fi pjan ta’ qerda tal-mard;

(b)

l-iżvilupp tal-aqwa prattiki ġenerali u speċifiċi għall-ispeċijiet jew kodiċijiet ta’ mġiba dwar il-bijosigurtà jew dwar il-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali u t-trattament xieraq tal-annimali fis-settur tal-akkwakultura;

(c)

l-inizjattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza tal-akkwakultura fuq mediċina veterinarja;

(d)

studji veterinarji jew farmaċewtiċi u d-disseminazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, dwar mard veterinarju fl-akkwakultura bil-għan tal-promozzjoni ta’ użu adatt ta’ mediċina veterinarja;

(e)

l-istabbiliment u l-funzjonament tal-gruppi għall-protezzjoni tas-saħħa fis-settur tal-akkwakultura kif rikonoxxuti mill-Istati Membri;

(f)

kumpens lill-persuni li jaħdmu fil-farms tal-molluski għas-sospensjoni temporanja tal-attivitajiet tagħhom minħabba mortalità eċċezzjonali tal-massa, jekk ir-rata tal-mortalità taqbeż l-20 % jew jekk it-telf li jirriżulta mis-sospensjoni tal-attività jammonta għal iktar minn 35 % tal-fatturat annwali ta’ dak in-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-fatturat tan-negozju matul it-tliet snin kalendrarji qabel is-sena li fiha l-attivitajiet kienu sospiżi.

2.   L-appoġġ skont il-punt (d) tal-paragrafu 1 ma għandux ikopri x-xiri ta’ mediċini veterinarji.

3.   Ir-riżultati tal-istudji ffinanzjati skont il-punt (d) tal-paragrafu 1 għandhom ikunu rrappurtati u rreklamanti b’mod adegwat mill-Istat Membru skont l-Artikolu 119.

4.   L-appoġġ jista’ jingħata wkoll lill-korpi rregolati mid-dritt pubbliku.

Artikolu 57

Assigurazzjoni tal-istokkijiet fis-settur tal-akkwakultura

1.   Sabiex jiġi salvagwardjat id-dħul tal-produtturi fis-settur tal-akkwakultura, il-FEMS jista’ jikkontribwixxi għal assigurazzjoni tal-istokkijiet fis-settur tal-akkwakultura li tkopri t-telf ekonomiku dovut għal tal-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

diżastri naturali;

(b)

avvenimenti klimatiċi negattivi;

(c)

bidliet f’daqqa fil-kwalità u l-kwantità tal-ilma li l-operatur ma jkunx responsabbli għalihom;

(d)

mard fis-settur tal-akkwakultura, ħsarat fil-faċilitajiet tal-produzzjoni jew il-qerda tagħhom, li l-operatur ma jkunx responsabbli għalihom.

2.   L-okkorrenza taċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1 fl-akkwakultura għandhom jiġu rikonoxxuti formalment bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   Fejn dan ikun xieraq, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu minn qabel kriterji li abbażi tagħhom għandu jitqies li ngħata ir-rikonoxximent formali imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   L-appoġġ għandu jingħata biss għal kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-istokkijiet fis-settur tal-akkwakultura li jkopru t-telf ekonomiku, kif jingħad fil-paragrafu 1 li jaqbeż it-30 % tal-medja tal-fatturat annwali tal-akkwakulturist’ikkalkulat abbażi tal-fatturat medju annwali ta’ akkwakulturist fuq tliet snin kalendarji qabel is-sena li fiha jkun sar telf ekonomiku.

KAPITOLU III

Żvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura

Taqsima 1

Kamp ta’ applikazzjoni u objettivi

Artikolu 58

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-FEMS għandu jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura wara approċċ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità kif stabbilit fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 59

Objettivi speċifiċi

L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi tal-prijorità tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6(4)

Taqsima 2

Strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità u gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd

Artikolu 60

Strateġiji integrati għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità

1.   Sabiex jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikolu 59, l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità għandhom:

(a)

jimmassimizzaw il-parteċipazzjoni tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd kostali u fl-ilmijiet interni u dawk tal-akkwakultura;

(b)

jiżguraw li l-komunitajiet lokali jużaw u jibbenefikaw b’mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-iżvilupp marittimu, kostali u fl-ilmijiet interni u, b’mod partikolari, jgħinu lil portijiet tas-sajd żgħar u li l-attività fihom tkun qed tonqos biex jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom b’rabta mal-baħar permezz tal-iżvilupp ta’ infrastruttura diversifikata.

2.   L-istrateġiji għandhom ikunu koerenti mal-opportunitajiet u l-ħtiġijiet identifikati fiż-żona rilevanti u l-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6. L-istrateġiji jistgħu jvarjaw minn dawk li jiffokaw fuq is-sajd għal strateġiji usa’ diretti lejn id-diversifikazzjoni taż-żoni tas-sajd. L-istrateġija għandha tmur lil hinn mis-sempliċi ġbir ta’ operazzjonijiet jew it-tqabbil tal-miżuri settorjali.

Artikolu 61

Gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd

1.   Għall-finijiet tal-FEMS, il-gruppi ta’ azzjoni lokali msemmija fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jinħatru bħala gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd (‘FLAGs)

2.   Il-FLAGs għandhom jipproponu strateġija għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità bbażata mill-inqas fuq l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 60 ta’ dan ir-Regolament u għandu jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.

3.   Il-FLAGs għandhom:

(a)

jirriflettu b’mod ġenerali l-fokus prinċipali tal-istrateġija tagħhom u l-kompożizzjoni soċjoekonomika taż-żona permezz ta’ rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati ewlenin, inklużi s-settur privat, is-settur pubbliku u s-soċjetà ċivili;

(b)

jiżguraw rappreżentanza sinifikanti tas-setturi tas-sajd u/jew tal-akkwakultura.

4.   Jekk l-istrateġija għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità tiġi appoġġata minn Fondi oħrajn minbarra l-FEMS,il-korp tal-għażla tal-FLAGs għall-proġetti appoġġati mill-FEMS għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Il-FLAGs jistgħu jwettqu wkoll kompiti addizzjonali li jmorru lil hinn mill-kompiti minimi previsti fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 meta dawn il-kompiti jkunu ddelegati lilhom mill-awtorità ta’ ġestjoni.

Taqsima 3

Operazzjonijiet eliġibbli

Artikolu 62

Appoġġ mill-FEMS għal żvilupp lokali mmexxi mill-komunità

1.   L-operazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli għall-appoġġ taħt din it-Taqsima f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013:

(a)

appoġġ preparatorju;

(b)

implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

(c)

attivitajiet ta’ kooperazzjoni;

(d)

spejjeż operazzjonali u animazzjoni.

2.   Il-FLAGs jistgħu jitolbu li jitħallas pagament bil-quddiem mill-awtorità ta’ ġestjoni jekk tali possibbiltà tkun prevista fil-programm operazzjonali. L-ammont ta’ pagamenti bil-quddiem ma għandux jaqbeż il-50 % tal-appoġġ pubbliku relatat mal-ispejjeż operattivi u l-animazzjoni.

Artikolu 63

Implimentazzjoni ta’ strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità

1.   L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità jista’ jingħata għall-objettivi li ġejjin:

(a)

valur miżjud, il-ħolqien tal-impjiegi, li ż-żgħażagħ jiġu mħajra u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-istadji kollha tal-katina tal-provvista tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(b)

l-appoġġ għad-diversifikazzjoni fis-sajd kummerċjali jew barra mis-settur, it-tagħlim tul il-ħajja u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura;

(c)

it-tisħiħ u l-isfruttament tal-patrimonju ambjentali taż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura, inklużi operazzjonijiet sabiex jiġi mitigat it-tibdil fil-klima;

(d)

il-promozzjoni tal-benessri soċjali u l-wirt kulturali fiż-żoni tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż is-sajd, l-akkwakultura u l-wirt kulturali marittimu;

(e)

it-tisħiħ tar-rwol tal-komunitajiet tas-sajd fl-iżvilupp lokali u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd lokali u tal-attivitajiet marittimi.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jinkludi miżuri previsti fil-Kapitoli I, II u IV ta’ dan it-Titolu, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 66 u 67, dment li jkun hemm raġuni ċara għall-ġestjoni tagħhom fil-livell lokali. Meta jingħata appoġġ għall-operazzjonijiet li jikkorrispondu għal dawk il-miżuri, għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet rilevanti u l-iskali ta’ kontribuzzjoni għal kull operazzjoni stabbiliti fil-Kapitoli I, II u IV ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 64

Attivitajiet ta’ kooperazzjoni

1.   L-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 35(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jista’ jingħata għal:

(a)

proġetti ta’ kooperazzjoni interterritorjali jew transnazzjonali;

(b)

appoġġ tekniku preparatorju għal proġetti ta’ kooperazzjoni interterritorjali u transnazzjonali, bil-kondizzjoni li l-‘FLAGs jkunu jistgħu juru li qegħdin iħejju l-implimentazzjoni ta’ proġett.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “kooperazzjoni interterritorjali” jfisser kooperazzjoni fi ħdan Stat Membru u t-terminu “kooperazzjoni transnazzjonali” tfisser kooperazzjoni bejn territorji f’diversi Stati Membri jew kooperazzjoni bejn mill-inqas territorju wieħed ta’ Stat Membru jew ‘territorju wieħed jew iżjed f’pajjiżi terzi.

2.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, minbarra FLAGs oħrajn, is-sħab ta’ FLAG taħt il-FEMS jistgħu jkunu sħubija pubblika-privata lokali li qiegħda timplimenta strateġija għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità fl-Unjoni jew barra minnha.

3.   F’każijiet fejn il-proġetti ta’ kooperazzjoni ma jintgħażlux mill-FLAGs, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema adatta għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-proġetti ta’ kooperazzjoni. Huma għandhom jippubblikaw il-proċeduri amministrattivi nazzjonali jew reġjonali dwar l-għażla ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u lista tal-ispejjeż eliġibbli sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tal-approvazzjoni tal-programm operazzjonali tagħhom.

4.   Id-deċiżjonijiet amministrattivi rigward il-proġetti ta’ kooperazzjoni għandhom isiru mhux aktar tard minn erba’ xhur wara d-data li fiha jkun ġie ippreżentat il-proġett.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali approvati lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 110.

KAPITOLU IV

Miżuri relatati mal-kummerċjalizzazzjoni u l-ipproċessar

Artikolu 65

Objettivi speċifiċi

L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi taħt il-prijorità tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 6(5).

Artikolu 66

Pjani dwar il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni

1.   Il-FEMS għandu jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

2.   L-infiq relatat mal-pjani ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni għandu jkun eliġibbli għal appoġġ mill-FEMS biss wara l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

3.   L-appoġġ mogħti għal kull organizzazzjoni tal-produtturi kull sena skont dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż it-3 % tal-medja tal-valur annwali tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq minn dik l-organizzazzjoni ta’ produtturi matul it-tliet snin kalendarji preċedenti. Għal kwalunkwe organizzazzjoni ta’ produtturi li tkun għadha kif ġiet rikonoxxuta, dak l-appoġġ ma għandux jaqbeż it-3 % tal-medja tal-valur annwali tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq mill-membri ta’ dik l-organizzazzjoni matul it-tliet snin kalendarji preċedenti.

4.   L-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħti pagament bil-quddiem ta’ 50 % tal-appoġġ finanzjarju wara l-approvazzjoni tal-pjan ta’ produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.

5.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi u lil assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi.

Artikolu 67

Appoġġ għall-ħażna

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens li jingħata lil organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti li jaħżnu l-prodotti tas-sajd elenkati fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 1379/2013(UE), dment li dawk il-prodotti jinħażnu f’konformità mal-Artikoli 30 u 31 ta’ dak ir-Regolament u jkunu suġġett igħall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont tal-għajnuna għall-ħażna ma jaqbiżx l-ammont tal-ispejjeż tekniċi u finanzjarji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni u l-ħżin tal-prodotti inkwistjoni;

(b)

il-kwantitajiet eliġibbli għall-għajnuna għall-ħżin ma jaqbżux l-15 % tal-kwantitajiet annwali tal-prodotti kkonċernati li jitqiegħdu għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi;

(c)

l-appoġġ finanzjarju kull sena ma taqbisx it-2 % tal-medja tal-valur annwali tal-produzzjoni li titqiegħed fis-suq mill-membri tal-organizzazzjoni tal-produtturi fil-perijodu 2009-2011.

Għall-iskopijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, meta membru tal-organizzazzjoni tal-produtturi ma kellu l-ebda produzzjoni li tqiegħdet fis-suq fil-perijodu 2009 sal-2011, għandha tiġi kkunsidrata l-medja tal-valur annwali tal-produzzjoni li tkun tqiegħdet fis-suq fl-ewwel tliet snin tal-produzzjoni ta’ dak il-membru.

2.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu ‘jintemm sal-31 ta’ Diċembru 2018.

3.   L-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss ladarba l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum mill-bnedmin.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont tal-ispejjeż tekniċi u finanzjarji applikabbli fit-territorji tagħhom kif ġej:

(a)

l-ispejjeż tekniċi għandhom jiġu kkalkolati kull sena abbażi ta’ spejjeż diretti relatati mal-azzjonijiet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni u l-ħżin tal-prodotti inkwistjoni;

(b)

l-ispejjeż finanzjarji għandhom jiġu kkalkolati kull sena bl-użu tar-rata tal-imgħax stabbilita kull sena f’kull Stat Membru;

Dawn l-ispejjeż tekniċi u finanzjarji għandhom jitpoġġew għad-disponibbiltà tal-pubbliku.

5.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli biex jiżguraw li l-prodotti li jibbenifikaw minn għajnuna għall-ħżin jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Għall-finijiet ta’ ‘tali kontrolli, il-benefiċjarji tal-għajnuna għall-ħżin għandhom iżommu rekords tal-ħażniet għal kull kategorija ta’ prodotti mdaħħla fil-ħażna u aktar tard introdotti mill-ġdid fis-suq għall-konsum mill-bnedmin.

Artikolu 68

Miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li għandhom l-għan li:

(a)

joħolqu organizzazzjonijiet tal-produtturi, assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet bejn il-fergħat li għandhom ikunu rikonoxxuti skont it-Taqsima II tal-Kapitolu IItar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(b)

isibu swieq ġodda u jtejbu l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, inkluż:

(i)

speċijiet li għandhom il-potenzjali li jiġu kkummerċjalizzati;

(ii)

qabdiet mhux mixtieqa żbarkati minn stokkijiet kummerċjali f’konformità mal-miżuri tekniċi, l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament(UE) Nru 1379/2013;

(iii)

prodotti tas-sajd u l-akkwakultura miksuba bl-użu ta’ metodi b’impatt baxx fuq l-ambjent jew prodotti tal-akkwakultura organiċi fit-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 834/2007;

(c)

jippromwovu l-kwalità u l-valur miżjud permezz tal-faċilitazzjoni ta’:

(i)

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ prodott partikolari u l-adattament tal-operaturi kkonċernati għar-rekwiżiti rilevanti ta’ konformità u ċertifikazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 (37);

(ii)

iċ-ċertifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli, inklużi prodotti minn sajd kostali fuq skala żgħira, u ta’ metodi ta’ pproċessar li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

(iii)

il-kummerċjalizzazzjoni diretta ta’ prodotti tas-sajd minn sajjieda kostali jew dawk li jistadu bil-wieqfa;

(iv)

il-preżentazzjoni u l-ippakkjar tal-prodotti;

(d)

jikkontribwixxu għat-trasparenza tal-produzzjoni u s-swieq u jwettqu stħarriġ tas-suq u studji dwar id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-importazzjonijiet;

(e)

jikkontribwixxu għat-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura u, fejn rilevanti, l-iżvilupp ta’ ekotikketta għall-Unjoni kollha għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(f)

ifasslu kuntratti standard għall-SMEs, li jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni;

(g)

iwettqu kampanji reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali ta’ komunikazzjoni u promozzjoni, biex ikabbru l-għarfien dwar il-prodotti sostenibbli tas-sajd u tal-akkwakultura.

2.   L-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni matul il-katina tal-provvista.

L-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (g) tal-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu mmirati lejn il-banek kummerċjali.

Artikolu 69

Proċessar ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-investimenti fl-ipproċessar ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura:

(a)

li jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija jew għat-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent, inkluż it-trattament tal-iskart;

(b)

li jtejbu s-sikurezza, l-iġjene, is-saħħa u l-kondizzjonijiet tax-xogħol;

(c)

li jappoġġaw l-ipproċessar ta’ qabdiet ta’ ħut kummerċjali li ma jistgħux ikunu maħsuba għall-konsum tal-bniedem;

(d)

li jirrelataw mal-ipproċessar ta’ prodotti sekondarji li jirriżultaw minn attivitajiet ewlenin ta’ proċessar;

(e)

li jirrelataw mal-ipproċessar ta’ prodotti tal-akkwakultura organika skont l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 834/2007;

(f)

li jwasslu għal prodotti ġodda jew imtejba, proċessi ġodda jew imtejba, jew sistemi ġodda jew imtejba ta’ ġestjoni u ta’ organizzazzjoni.

2.   Fir-rigward tal-intrapriżi li mhumiex SMEs, l-appoġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jingħata biss permezz tal-istrumenti finanzjarji previsti fit-Titolu IV tat-Tieni Parti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

KAPITOLU V

Kumpens għall-ispejjeż addizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura

Artikolu 70

Reġim ta’ kumpens

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-kumpens ta’ spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, il-farming, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi imsemmija fl-Artikolu 349 TFUE.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiddetermina, għar-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1, il-lista ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u l-kwantità ta’ dawk il-prodotti eliġibbli għall-kumpens.

3.   Meta jistabbilixxu l-lista u l-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti, b’mod partikolari l-ħtieġa li jiżguraw li l-kumpens ikun kompletament kompatibbli mar-regoli tal-PKS.

4.   Il-kumpens ma għandux jingħata għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura:

(a)

li jinqabdu minn bastimenti ta’ pajjiżi terzi, bl-eċċezzjoni tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Venezwela u li joperaw fl-ibħra tal-Unjoni;

(b)

li jinqabdu minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux irreġistrati f’port ta’ wieħed mir-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1;

(c)

li jiġu importati minn pajjiżi terzi.

5.   Il-punt (b) tal-paragrafu 4 ‘ma għandux japplika jekk il-kapaċità eżistenti tal-industrija tal-ipproċessar fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat taqbeż il-kwantità ta’ materja prima fornita skont ‘il-pjan ta’ kumpens tar-reġjun konċernat.

6.   L-operaturi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-kumpens:

(a)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża mezzi tal-produzzjoni biex tikseb il-prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura bil-ħsieb li tqegħidhom fis-suq;

(b)

is-sidien jew l-operaturi ta’ bastimenti rreġistrati fil-portijiet tar-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1 u li joperaw f’dawk ir-reġjuni jew assoċjazzjonijiet ta’ tali sidien jew operaturi;

(c)

l-operaturi fis-settur tal-ipproċessar jew il-kummerċjalizzazzjoni jew l-assoċjazzjonijiet ta’ tali operaturi.

Artikolu 71

Kalkolu tal-kumpens

Il-kumpens għandu jitħallas lill-operaturi msemmija fl-Artikolu 70(6) li jwettqu attivitajiet fir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 70(1) u għandu jikkunsidra:

(a)

għal kull prodott jew kategorija ta’ prodotti tas-sajd jew tal-akkwakultura, l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni kkonċernati; u

(b)

kwalunkwe tip ieħor ta’ intervent pubbliku li jaffettwa l-livell ta’ spejjeż addizzjonali.

Artikolu 72

Pjan ta’ kumpens

1.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni pjan ta’ kumpens għal kull reġjun imsemmi fl-Artikolu 70(1). Dak il-pjan għandu jinkludi l-lista l-kwantitajiet ta’ prodotti ta’ sajd u ta’ akkwakultura u t-tipi ta’ operaturi msemmija fl-Artikolu 70, il-livell ta’ kumpens imsemmi fl-Artikolu 71 u l-awtorità ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 97. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw id-deċiżjoni tagħha dwar jekk tapprovax tali pjanijiet ta’ kumpens.

2.   L-Istati Membri jistgħu jemendaw il-kontenut tal-pjan ta’ kumpens imsemmi fil-paragrafu 1. L-Istati Memrbi għandhom jippreżentaw tali emendi lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw id-deċiżjoni tagħha dwar jekk tapprovax dawk l-emendi.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddefinixxu l-istruttura tal-pjan ta’ kumpens. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

4.   2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 126, li jistabbilixxu l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni kkonċernati.

Artikolu 73

Għajnuna mill-Istat għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ kumpens

L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-pjani ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 72. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni tista’ tapprova bħala parti minn dawk il-pjani, f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-għajnuna mill-Istat li tkun ġiet innotifikata b’dan il-mod u għandha titqies innotifikata skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE.

KAPITOLU VI

Miżuri ta’ akkumpanjament għall-PKS taħt ġestjoni konġunta

Artikolu 74

Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

B’deroga mill-Artikolu 2’, dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għal operazzjonijiet li twettqu barra t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 75

Objettivi speċifiċi

L-appoġġ f’dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi speċifiċi taħt il-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6(3).

Artikolu 76

Kontroll u infurzar

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u speċifikat ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

2.   B’mod partikolari, għandhom ikunu eliġibbli t-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ix-xiri, l-installazzjoni u/jew l-iżvilupp tat-teknoloġija, inklużi hardware u software tal-kompjuter, sistemi ta’ identifikazzjoni tal-bastimenti (VDS), sistemi tat-televiżjoni f’ċirkwit magħluq (CCTV), u netwerks tal-IT li jippermettu l-ġbir, l-amministrazzjoni, il-validazzjoni, l-analiżi, il-ġestjoni tar-riskji, il-preżentazzjoni (permezz ta’ siti tal-Internet relatati mal-kontroll) u l-iskambju ta’ data relatata mas-sajd, u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni għall-istess data kif ukoll interkonnessjoni ma’ sistemi transsettorjali ta’ skambju tad-data;

(b)

l-iżvilupp, ix-xiri u l-installazzjoni tal-komponenti, inkluż hardware u software tal-kompjuter, li huma meħtieġa biex jiżguraw it-trasmissjoni tad-data mill-atturi involuti fis-sajd u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd lill-Istat Membru rilevanti u lill-awtoritajiet tal-Unjoni, inklużi l-komponenti meħtieġa għas-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar (ERS -electronic recording and reporting systems), is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS - Vessel Monitoring Systems) u s-sistemi ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS - Automatic Identification Systems) li jintużaw għal finijiet ta’ kontroll;

(c)

l-iżvilupp, ix-xiri u l-installazzjoni tal-komponenti, inklużi l-hardware u s-software tal-kompjuter, li huma meħtieġa sabiex tkun żgurata t-traċċabbiltà tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, kif imsemmi fl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(d)

l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-iskambju tad-data bejn l-Istati Membri u għall-analiżi tad-data;

(e)

immodernizzar u x-xiri ta’ bastimenti, inġenji tal-ajru u ħelikopters ta’ sorveljanza, sakemm dawn jintużaw għall-kontroll tas-sajd għal mill-inqas 60 % tal-użu totali tagħhom fis-sena;

(f)

ix-xiri ta’ mezzi ta’ kontroll oħrajn, inklużi mezzi li jippermettu l-kejl tas-saħħa tal-magni u apparat tal-użin;

(g)

l-iżvilupp ta’ sistemi innovattivi ta’ kontroll u l-implimentazzjoni ta’ proġetti pilota relatati mal-kontroll tas-sajd, inkluż l-analiżi tad-DNA tal-ħut jew l-iżvilupp ta’ siti tal-Internet relatati mal-kontroll;

(h)

il-programmi ta’ taħriġ u skambju, inkluż bejn l-Istati Membri, ta’ persunal responsabbli għall-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;

(i)

l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, u valutazzjoni tal-awditi mwettqa u l-infiq imġarrab mill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza;

(j)

l-inizjattivi, inklużi seminars u għodod tal-mezzi tax-xandir, immirati li jtejbu l-għarfien kemm fost is-sajjieda u parteċipanti oħrajn bħal spetturi, prosekuturi pubbliċi u mħallfin, kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar il-ħtieġa tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-PKS;

(k)

l-ispejjeż operattivi mġarrba fit-twettiq ta’ kontroll aktar strett għal stokkijiet soġġetti għal programmi speċifiċi ta’ kontroll u spezzjoni stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u suġġett għal koordinazzjoni tal-kontroll skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (38);

(l)

programmi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 102(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, inkluża kull spiża operattiva mġarrba.

3.   Il-miżuri elenkati fil-punti (h) sa (l) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu eliġibbli biss għall-appoġġ jekk ikunu relatati mal-attivitajiet ta’ kontroll imwettqa minn awtorità pubblika.

4.   Fil-każ tal-miżuri elenkati fil-punti (d) u (h) tal-paragrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnominaw l-awtoritajiet ta’ ġestjoni responsabbli mill-proġett.

Artikolu 77

Ġbir tad-data

1.   Il-FEMS għandu jappoġġa l-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data, kif previst fl-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, u speċifikati ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 199/2008.

2.   B’mod partikolari, għandhom ikunu eliġibbli t-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data għal finijiet ta’ analiżi xjentifika u l-implimentazzjoni tal-PKS;

(b)

programmi nazzjonali, transnazzjonali u sottonazzjonali pluriennali ta’ teħid ta’ kampjuni dment li jirreferu għall-istokkijiet koperti mill-PKS;

(c)

il-monitoraġġ fuq il-baħar ta’ sajd kummerċjali u rikreattiv, inkluż il-monitoraġġ ta’ qabdiet mhux mixtieqa ta’ organiżmi tal-baħar bħal mammiferi u għasafar tal-baħar;

(d)

l-istħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar;

(e)

il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Istati Membri ‘u tal-awtoritajiet reġjonali f’laqgħat ta’ koordinazzjoni reġjonali, f’laqgħat ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd li tagħhom l-Unjoni hija sieħba kuntrattwali jew osservatur, jew f’laqgħat ta’ korpi internazzjonali responsabbli biex jipprovdu konsulenza xjentifika;

(f)

it-titjib fis-sistemi tal-ġbir tad-data u tal-ġestjoni tad-data u l-implimentazzjoni ta’ studji pilota biex jitjiebu s-sistemi eżistenti ta’ ġbir tad-data u ġestjoni tad-data.

KAPITOLU VII

Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri

Artikolu 78

Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri

1.   Soġġett għal-limitu massimu ta’ 6 % tal-ammont totali tal-programm operattiv, fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru l-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-miżuri ta’ assistenza teknika msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

l-istabbiliment ta’ netwerks nazzjonali li għandhom l-għan li jxerrdu l-informazzjoni, il-bini tal-kapaċità, l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn il-FLAGs fit-territorju tal-Istat Membru.

2.   Bħala eċċezzjoni, f’ċirkostanzi debitament ġustifikati, jista’ jinqabeż il-limitu massimu msemmi fil-paragrafu 1.

KAPITOLU VIII

Il-miżuri tal-PMI ffinanzjata taħt ġestjoni konġunta

Artikolu 79

Objettivi sSpeċifiċi

1.   Appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ objettivi speċifiċi taħt il-prijorità tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 6(6) inkluż:

(a)

is-sorveljanza marittima integrata (IMS) u b’mod partikolari l-Ambjent komuni għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni (CISE) għas-sorveljanza tal-qasam marittimu tal-Unjoni,

(b)

il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari l-bijodiversità tiegħu u ż-żoni protetti tal-baħar bħas-siti Natura 2000, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 37 ta’ dan ir-Regolament, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u kostali u sabiex ikomplu jiġu ddefiniti l-konfini tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-bniedem li jħallu impatt fuq l-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari fil-qafas tad-Direttiva 2008/56/KE.

2.   Emendi għall-programm operazzjonali fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhom jirriżultaw f’żieda tal-allokazzjoni finanzjarja totali msemmija fl-Artikolu 13(7).

Artikolu 80

Operazzjonijiet eliġibbli

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa operazzjonijiet f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 79, bħal operazzjonijiet li:

(a)

jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-IMS u, b’mod partikolari dawk tas-CISE;

(b)

jipproteġu l-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari l-bijodiversità tiegħu u ż-żoni protetti tal-baħar bħas-siti Natura 2000, f’konformità mal-obbligi stabbiliti fid-Direttivi 92/43/KEE u 2009/147/KE;

(c)

itejbu l-għarfien dwar il-qagħda tal-ambjent tal-baħar bil-ħsieb li jiġu stabbiliti programmi ta’ monitoraġġ u programmi ta’ miżuri previsti fid-Direttiva 2008/56/KE f’konformità mal-obbligi stabbiliti f’dik id-Direttiva.

2.   L-ispejjeż tas-salarji tal-persunal tal-amministrazzjonijiet nazzjonali mhux ser jitqiesu bħala spejjez operattivi eliġibbli.

TITOLU VI

MIŻURI FFINANZJATI TAĦT ĠESTJONI DIRETTA

KAPITOLU I

Il-politika marittima integrata

Artikolu 81

Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

B’deroga mill-Artikolu 2’, dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għal operazzjonijiet li twettqu barra t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 82

Kamp ta’ applikazzjoni u objettivi

L-appoġġ taħt dan il-Kapitolu għandu jikkontribwixxi biex itejjeb l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PMI tal-Unjoni. Huwa għandu:

(a)

irawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-governanza integrata tal-affarijiet marittimi u kostali, b’mod partikolari billi:

(i)

jippromwovi azzjonijiet li jinkoraġġixxu lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħhom biex jiżviluppaw, jintroduċu jew jimplimentaw governanza marittima integrata;

(ii)

jippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ma’ u fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-partijiet interessati u fosthom fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-baħar u dawk marittimi, inkluż bl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji integrati għall-baċiri tal-baħar b’kont meħud ta’ approċċ ibbilanċjat fil-baċiri kollha tal-baħar kif ukoll il-karatteristiċi speċifiċi tal-baċiri tal-baħar u l-baċiri ta’ taħt il-baħar, u ‘strateġiji makroreġjonali rilevanti, fejn applikabbli;

(iii)

jippromwovi l-pjattaformi u n-netwerks ta’ kooperazzjoni transettorjali, inklużi rappreżentanti mill-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, mill-industrija inkluż it-turiżmu, mill-partijiet interessati attivi fir-riċerka, miċ-ċittadini, minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mill-imsieħba soċjali;

(iv)

itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet kompetenti tagħhom;

(v)

jippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki u d-djalogu fil-livell internazzjonali, inkluż id-djalogu bilaterali mal-pajjiżi terzi, b’kont meħud tal-UNCLOS u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti bbażati fuq l-UNCLOS, mingħajr preġudizzju għal arranġamenti oħra jew arranġamenti li jista’ jkun hemm bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonċernati. Dan id-djalogu għandu jinkludi, kif xieraq, diskussjoni effettiva dwar ir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-UNCLOS;

(vi)

isaħħaħ il-viżibbiltà tal-awtoritajiet pubbliċi, is-settur privat u l-pubbliku ġenerali u jrawwem għarfien fosthom rigward approċċ integrat fir-rigward tal-affarijiet marittimi;

(b)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ inizjattivi transettorjali li huma ta’ benefiċċju reċiproku għas-setturi marittimi u/jew il-politiki settorjali differenti, billi jkunu kkunsidrati u jkompli jibni fuq għodod u inizjattivi eżistenti, bħal:

(i)

l-IMS għat-tisħiħ tal-użu sigur, mingħajr perikli u sostenibbli tal-ispazju marittimu b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-effettività u l-effiċjenza permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni minn settur għall-ieħor u fruntiera għall-oħra filwaqt li jittieħed kont dovut tal-mekkaniżmi u s-sistemi ta’ kooperazzjoni eżistenti u futuri;

(ii)

proċessi ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu u ġestjoni integrata taż-żoni kostali;

(iii)

l-iżvilupp progressiv ta’ data u bażi ta’ għarfien relatati mal-baħar ta’ kwalità għolja, komprensivi u aċċessibbli għall-pubbliku li għandu jiffaċilita l-kondiviżjoni, l-użu millġdid u d-disseminazzjoni ta’ dik id-data u dan l-għarfien fost diversi gruppi ta’ utenti, biex b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi; għal dak il-għan, għandu jsir l-aħjar użu mill-programmi eżistenti tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

(c)

jappoġġja t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda fi ħdan setturi marittimi emerġenti u prospettivi, kif ukoll f’reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, b’kumplimentarjetà mal-attivitajiet settorjali u nazzjonali stabbiliti;

(d)

jippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, b’mod partikolari l-bijodiversità tiegħu u ż-żoni protetti tal-baħar bħas-siti Natura 2000, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u kostali u sabiex ikompli jiddefinixxi l-konfini tas-sostenibbiltà tal-attivitajiet tal-bniedem li jħallu impatt fuq l-ambjent tal-baħar, skont l-objettivi tal-kisba u ż-żamma ta’ status ambjentali tajjeb kif meħtieġ mid-Direttiva 2008/56/KE.

Artikolu 83

Operazzjonijiet eliġibbli

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa operazzjonijiet f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 82, bħal:

(a)

studji;

(b)

proġetti, inkluż proġetti ta’ prova u proġetti ta’ kooperazzjoni;

(c)

informazzjoni pubblika u kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u attivitajiet assoċjati ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, bħal kampanji pubbliċitarji, avvenimenti, l-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-siti tal-Internet u l-pjattaformi tal-partijiet interessati;

(d)

konferenzi, seminars, fora u workshops;

(e)

attivitajiet ta’ koordinazzjoni, inklużi netwerks ta’ skambju ta’ informazzjoni u appoġġ għall-iżvilupp ta’ strateġiji għall-baċini tal-baħar;

(f)

l-iżvilupp, it-tħaddim u l-manutenzjoni tas-sistemi u n-netwerks tal-IT li jippermettu l-ġbir, l-amministrazzjoni, il-validazzjoni, l-analiżi u l-iskambju u l-iżvilupp ta’ metodi ta’ teħid ta’ kampjuni għal data, kif ukoll bħala interkonnessjoni ma’ sistemi ta’ skambju ta’ data transettorjali;

(g)

proġetti ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-għarfien, il-kwalifiki professjonali u miżuri bil-għan li jħeġġu l-iżvilupp professjonali fis-settur marittimu.

2.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv speċifiku tal-iżvilupp ta’ operazzjonijiet transkonfinali u transettorjali stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 82, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ għodod tekniċi għall-IMS, b’mod partikolari għall-appoġġ tal-użu, it-tħaddim u l-manutenzjoni tal-CISE, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni għas-sorveljanza transettorjali u transkonfinali li jikkollegaw il-komunitajiet kollha tal-utenti ma’ xulxin, b’kont meħud tal-iżviluppi rilevanti tal-politiki settorjali fir-rigward tas-sorveljanza u biex isir kontribut, kif adatt, għall-evoluzzjoni neċessarja tagħhom;

(b)

l-attivitajiet ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri jew ir-reġjuni sabiex jiżviluppaw l-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-ġestjoni integrata taż-żoni kostali, inkluż l-infiq relatat mas-sistemi u l-prattiki tal-kondiviżjoni tad-data u l-monitoraġġ, l-attivitajiet ta’ evalwazzjoni, l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ netwerks ta’ esperti, u l-istabbiliment ta’ programm li għandu l-għan li jibni l-kapaċità għall-Istati Membri sabiex jimplimentaw l-ippjanar tal-ispazju marittimu;

(c)

inizjattivi biex jikkofinanzjaw, jixtru u jagħmlu manutenzjoni tas-sistemi ta’ osservazzjoni marittima u l-għodod tekniċi għat-tfassil, it-twaqqif u t-tmexxija ta’ sistema ta’ netwerk operazzjonali Ewropea ta’ informazzjoni u osservazzjoni tal-baħar bil-għan li tiffaċilita l-ġbir, l-akkwist, l-assemblaġġ, l-ipproċessar, il-kontroll tal-kwalità, l-użu mill-ġdid u d-distribuzzjoni ta’ data u għarfien dwar il-baħar permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u/jew dawk internazzjonali kkonċernati.

KAPITOLU II

Miżuri ta’ akkumpanjament għall-PKS u l-PMI taħt ġestjoni diretta

Artikolu 84

Kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku

B’deroga mill-Artikolu 2, dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għal operazzjonijiet li twettqu barra t-territorju tal-Unjoni.

Artikolu 85

Objettivi speċifiċi

Il-miżuri f’dan il-Kapitolu għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-PKS u l-PMI, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

il-ġbir, il-ġestjoni u t-tixrid ta’ parir xjentifiku fil-PKS;

(b)

miżuri speċifiċi ta’ kontroll u ta’ infurzar fil-kuntest tal-PKS;

(c)

kontribuzzjonijiet volontarji għal organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d)

Kkunsilli Konsultattivi;

(e)

informazzjoni dwar is-suq;

(f)

attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt il-PKS u l-PMI.

Artikolu 86

Konsulenza u għarfien xjentifiċi

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-provvista ta’ riżultati xjentifiċi, b’mod partikolari proġetti ta’ riċerka applikata marbuta direttament mal-provvista ta’ opinjonijiet u konsulenza xjentifiċi u soċjoekonomiċi, għall-fini li jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin u effiċjenti dwar il-ġestjoni tas-sajd fil-kuntest tal-PKS.

2.   B’mod partikolari, għandhom ikunu eliġibbli t-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

studji u proġetti pilota meħtieġa għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-PKS, inkluż dawk dwar tipi alternattivi ta’ tekniki ta’ ġestjoni tas-sajd u tal-akkwakultura sostenibbli, inkluż fi ħdan il-Kunsilli Konsultattivi;

(b)

it-tħejjija u l-provvista ta’ opinjonijiet u konsulenza xjentifiċi minn korpi xjentifiċi, inkluż korpi konsultattivi internazzjonali responsabbli għall-valutazzjonijiet tal-ħażniet, minn esperti indipendenti u minn istituzzjonijiet tar-riċerka;

(c)

il-parteċipazzjoni ta’ esperti fil-laqgħat ta’ gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet xjentifiċi u tekniċi fil-qasam tas-sajd ‘bħal STECF, kif ukoll f’korpi ta’ konsulenza internazzjonali u f’laqgħat fejn ikun meħtieġ il-kontribut tal-esperti dwar is-sajd u l-akkwakultura;

(d)

stħarriġ ta’ riċerka fuq il-baħar, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 199/2008, f’oqsma fejn il-bastimenti tal-Unjoni joperaw skont ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(e)

l-infiq imġarrab mill-Kummissjoni għal servizzi relatati mal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data, mal-organizzazzjoni u l-ġestjoni tal-laqgħat tal-esperti fis-sajd u l-ġestjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali marbuta mal-għarfien espert xjentifiku u tekniku fil-qasam tas-sajd, mal-ipproċessar tal-biċċiet tad-data u d-datasets, u mal-ħidma preparatorja mmirata biex twassal opinjonijiet u konsulenza xjentifiċi;

(f)

l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ġbir tad-data, inklużi dawk bejn id-diversi partijiet interessati reġjonali u inklużi l-ħolqien u t-tmexxija ta’ bażijiet ta’ data reġjonalizzati għall-ħżin, il-ġestjoni u l-użu ta’ data li minnhom tgawdi l-kooperazzjoni reġjonali u li jtejbu l-attivitajiet tal-ġbir u l-ġestjoni tad-data, kif ukoll it-titjib tal-kompetenzi xjentifiċi b’appoġġ għall-ġestjoni tas-sajd;

Artikolu 87

Kontroll u infurzar

1.   Il-FEMS jista’ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u kif speċifikat ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   B’mod partikolari, għandhom ikunu eliġibbli t-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

ix-xiri u/jew il-kiri konġunt minn bosta Stati Membri li jappartjenu għall-istess żona ġeografika, ta’ bastimenti, inġenji tal-ajru u ħelikopters ta’ sorveljanza, sakemm dawn jintużaw għall-kontroll tas-sajd għal mill-inqas 60 % tal-użu totali fis-sena;

(b)

in-nefqa marbuta mal-valutazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ kontroll ġodda, kif ukoll proċessi għall-iskambju ta’ data;

(c)

l-infiq operazzjonali kollu relatat mal-kontroll u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tal-PKS, b’mod partikolari dik fir-rigward tal-verifika, missjonijiet ta’ spezzjoni u ta’ awditjar, tagħmir u taħriġ għall-uffiċjali tal-Kummissjoni, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat jew is-sehem fihom, fosthom l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki bejn Stati Membri, studji, servizzi u fornituri tal-IT, u l-kiri jew ix-xiri ta’ mezzi ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni kif speċifikat fit-Titoli IX u X tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

3.   Bi ħsieb li jissaħħu u jiġu standardizzati l-kontrolli, il-FEMS jista’ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ proġetti transnazzjonali li jkollhom l-għan li jiżviluppaw u jivverifikaw is-sistemi interstatali ta’ kontroll, spezzjoni u infurzar previsti fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u stipulati ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

4.   It-tipi eliġibbli ta’ operazzjonijiet għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)

programmi internazzjonali ta’ taħriġ għall-persunal responsabbli minn attivitajiet ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza ta’ attivitajiet tas-sajd;

(b)

inizjattivi, fosthom seminars u għodod tal-mezzi tax-xandir, biex tiġi standardizzata l-interpretazzjoni tar-regolamenti u kontrolli marbuta fl-Unjoni.

5.   Fil-każ tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2, wieħed biss mill-Istati Membri ikkonċernati għandu jinħatar bħala benefiċjarju.

Artikolu 88

Kontribuzzjonijiet finanzjarji volontarji għal organizzazzjonijiet internazzjonali

Il-FEMS jista’ jwettaq t-tipi ta’ operazzjonijiet li ġejjin fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali:

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji pprovduti lin-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet kif ukoll finanzjament volontarju provdut lil kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali attiva fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar;

(b)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għat-tħejjijiet għal organizzazzjonijiet internazzjonali ġodda jew għat-tħejjija ta’ trattati internazzjonali ġodda li huma ta’ interess għall-Unjoni;

(c)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ħidma jew il-programmi mwettqin minn organizzazzjonijiet internazzjonali li huma ta’ interess speċjali għall-Unjoni;

(d)

il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal kwalunkwe attività (inklużi laqgħat ta’ ħidma, informali jew straordinarji tal-partijiet kontraenti) li tiddefendi l-interessi tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ sħabha f’dawk l-organizzazzjonijiet. F’dak ir-rigward, meta l-preżenza tar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi fin-negozjati u l-laqgħat f’fora u organizzazzjonijiet internazzjonali ssir meħtieġa għall-interessi tal-Unjoni, il-FEMS jista’ jħallas l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħhom.

Artikolu 89

Kunsilli Konsultattivi

1.   Il-FEMS għandu jappoġġa l-ispejjeż operattivi tal-Kunsilli konsultattivi stabbiliti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament(UE) Nru 1380/2013.

2.   Kunsill Konsultattiv li jkollu personalità ġuridika jista’ japplika għall-appoġġ tal-Unjoni bħala korp li jsegwi għan ta’ interess Ewropew ġenerali.

Artikolu 90

Informazzjoni dwar is-suq

Il-FEMS jista’ jappoġġa l-iżvilupp u d-disseminazzjoni tal-informazzjoni dwar is-suq għal prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru1379/2013.

Artikolu 91

Attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt il-PKS u l-PMI

Il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

l-ispejjeż għall-attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni marbuta mal-PKS u mal-PMI, inklużi:

(i)

l-ispejjeż għall-produzzjoni, it-traduzzjoni u d-disseminazzjoni ta’ materjal imfassal għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-gruppi differenti fil-mira f’format bil-miktub, awdjoviżiv u elettroniku;

(ii)

l-ispejjeż għat-tħejjija u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti u laqgħat biex jinformaw jew jiġbru l-opinjonijiet tal-partijiet differenti kkonċernati mill-PKS u mill-PMI;

(b)

l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-esperti u mir-rappreżentanti tal-partijiet interessati mistiedna mill-Kummissjoni għal-laqgħat;

(c)

l-ispejjeż tal-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni dment li jkunu marbutin mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU III

Assistenza teknika

Artikolu 92

Assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni

Soġġett għal-limitu massimu ta’ 1,1 % tal-FEMS, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, il-FEMS jista’ jappoġġa:

(a)

il-miżuri ta’ assistenza teknika speċifikati fl-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

it-tħejjija, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli u s-sehem tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet ta’ ġestjoni tas-sajd reġjonali. Il-miżuri kkonċernati għandhom ikun magħmula minn studji, laqgħat, involviment tal-esperti, spejjeż tal-persunal temporanju, attivitajiet ta’ informazzjoni u kull spiża amministrattiva oħra li tiġi mill-assistenza xjentifika jew teknika mill-Kummissjoni;

(c)

l-istabbiliment ta’ netwerk Ewropew ta’ FLAGs immirat lejn il-bini tal-kapaċità, d-disseminazzjoni tal-informazzjoni, l-iskambju tal-esperjenzi u l-aqwa prattiki u l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn il-FLAGs. Dak in-netwerk għandu jikkoopera mal-korpi tan-netwerking u l-appoġġ tekniku għall-iżvilupp lokali stabbiliti mill-FEŻR u l-FSE u l-FAEŻR fir-rigward tal-attivitajiet ta’ żvilupp lokali u l-kooperazzjoni transnazzjonali tagħhom.

TITOLU VII

IMPLIMENTAZZJONI TAĦT ĠESTJONI KONĠUNTA

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 93

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika għall-miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni konġunta kif stabbilit fit-Titolu V.

KAPITOLU II

Mekkaniżmu ta’ twassil

Taqsima 1

Appoġġ mill-FEMS

Artikolu 94

Determinazzjoni tar-rati ta’ kofinanzjament

1.   Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 19 li japprovaw programm operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kontribuzzjoni massima tal-FEMS għal dak il-programm.

2.   Il-kontribuzzjoni tal-FEMS għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-ammont ta’ nfiq pubbliku eliġibbli.

Il-programm operazzjonali għandu jistabbilixxi r-rata tal-kontribuzzjoni tal-FEMS applikabbli għall-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6. Ir-rata massima tal-kontribuzzjoni tal-FEMS għandha tkun ta’ 75 % u r-rata minima tal-kontribuzzjoni tal-FEMS għandha tkun ta’ 20 % tal-infiq pubbliku eliġibbli.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kontribuzzjoni tal-FEMS għandha tkun:

(a)

100 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ taħt l-għajnuna għall-ħżin imsemmija fl-Artikolu 67;

(b)

100 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għas-sistema ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 70;

(c)

50 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fl-Artikoli 33, 34 u l-Artikolu 41(2);

(d)

70 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 76(2);

(e)

90 % tal-infiq pubbliku eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fil-punti (a) sa (d) u (f) sa (l) tal-Artikolu 76(2);

(f)

80 % tal-infiq eliġibbli għall-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 77.

4.   B’deroga mill-paragrafu 2, ir-rata massima ta’ kontribuzzjoni tal-FEMS applikabbli għall-objettivi speċifiċi taħt prijoritajiet tal-Unjoni għandhom jiżdiedu b’għaxar punti perċentwali, fejn il-prijorità kollha tal-Unjoni stipulata fl-Artikolu 6(4) titwettaq permezz ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità.

Artikolu 95

Intensità tal-għajnuna pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw intensità massima ta’ għajnuna pubblika ta’ 50 % tal-infiq eliġibbli totali tal-operazzjoni.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw intensità ta’ għajnuna pubblika ta’ 100 % tal-infiq eliġibbli tal-operazzjoni fejn:

(a)

il-benefiċjarju jkun korp legali pubbliku jew impriża fdata bit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif imsemmi fl-Artikolu 106(2) TFUE, fejn l-għajnuna tingħata għat-tħaddim ta’ servizzi bħal dawn;

(b)

l-operazzjoni tkun relatata mal-għajnuna għall-ħżin imsemmija fl-Artikolu 67;

(c)

l-operazzjoni tkun relatata mas-sistema ta’ kumpens imsemmija fl-Artikolu 70;

(d)

l-operazzjoni tkun relatata mal-ġbir tad-data msemmi fl-Artikolu 779;

(e)

l-operazzjoni tkun relatata mal-appoġġ skont l-Artikolu 33, jew 34 u l-kumpens skont l-Artikolu 54, 55 jew 56;

(f)

l-operazzjoni tkun relatata mal-miżuri dwar il-PMI msemmija fl-Artikolu 80.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu japplikaw intensità ta’ għajnuna pubblika ta’ bejn 50 % u 100 % tal-infiq eliġibbli tal-operazzjoni fejn:

(a)

l-operazzjoni tkun implimentata skont il-Kapitoli I, II jew IV tat-Titolu V u tissodisfa l-kriterji li ġejjin kollha:

(i)

tkun ta’ interess kollettiv;

(ii)

tkun ta’ benefiċjarju kollettiv;

(iii)

għandu karatteristiċi innovattivi, fejn xieraq, fil-livell lokali.

(b)

l-operazzjoni tiġi implimentata skont il-Kapitolu III tat-Titolu V, tissodisfa waħda mill-kriterji msemmija fil-punti (a)(i), (ii) jew (iii) ta’ dan il-paragrafu u tagħti aċċess pubbliku għar-riżultati tagħha.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-punti perċentwali addizzjonali ta’ intensità tal-għajnuna pubblika għandhom japplikaw għal tipi speċifiċi ta’ operazzjonijiet kif stipulati fl-Anness I.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabilixxu kif għandhom japplikaw il-punti perċentwali differenti ta’ intensità tal-għajnuna pubblika fil-każ fejn jiġu sodisfatti diversi kondizzjonijiet tal-Anness I. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Artikolu 96

Kalkolu ta’ spejjeż addizzjonali jew dħul mitluf

Meta l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ spejjeż addizzjonali jew dħul mitluf, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kalkoli rilevanti jkunu adegwati, preċiżi u stabbiliti bil-quddiem fuq il-bażi ta’ kalkolu ġust, ekwitabbli u verifikabbli.

KAPITOLU III

Ġestjoni u sistemi ta’ kontroll

Artikolu 97

Awtorità amministrattiva

1.   Minbarra r-regoli ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 125 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 l-awtorità ta’ ġestjoni għandha:

(a)

sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, tipprovdi lill-Kummissjoni” bid-data kumulattiva rilevanti dwar operazzjonijiet li jkunu ntgħażlu għall-finanzjament sa tmiem is-sena kalendarja ta’ qabel, inklużi karatteristiċi ewlenin tal-benefiċjarju u l-operazzjoni nnifisha;

(b)

tiżgura l-pubbliċità għall-programm operazzjonali billi tinforma lil benefiċjarji potenzjali, organizzazzjonijiet professjonali, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, il-korpi involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi kkonċernati, inklużi organizzazzjonijiet ambjentali, dwar il-possibbiltajiet offruti mill-programm u r-regoli sabiex jinkiseb l-aċċess għall-finanzjament tal-programm;

(c)

tiżgura pubbliċità għall-programm operazzjonali billi tinforma lill-benefiċjarji tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u lill-pubbliku ġenerali dwar l-irwol tal-Unjoni fil-programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli għall-preżentazzjoni ta’d-data msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2).

Artikolu 98

Trasmissjoni ta’ data finanzjarja

1.   Sal-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju, l-Istati Membri għandhom jibagħtu elettronikament lill-Kummissjoni tbassira tal-ammont li għalih huma jistennew li jitfgħu applikazzjonijiet għal ħlas għas-sena finanzjarja u dik ta’ warajha.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-mudell li għandu jintuża meta tintbagħat id-data finanzjarja lill-Kummissjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

KAPITOLU IV

Kontroll mill-Istati Membri

Artikolu 99

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri

1.   Flimkien mal-korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji jekk il-benefiċjarju ma jħarisx l-obbligi imsemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   F’każijiet ta’ korrezzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-ammont tal-korrezzjoni li għandu jkun proporzjonat billi jitqiesu n-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tal-ksur jew ir-reat mill-benefiċjarju u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-FEMS għall-attività ekonomika tal-benefiċjarju.

KAPITOLU V

Kontroll mill-Kummissjoni

Taqsima 1

Interruzzjoni u sospensjoni

Artikolu 100

Interruzzjoni tad-data ta’ skadenza tal-pagament

1.   Minbarra l-kriterji li jippermettu l-interruzzjoni mniżżla fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 83(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni permezz ta’ delega fit-tifsira tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jista’ jinterrompi d-data ta’ skadenza tal-pagament għal talba għal ħlas interim fil-każ li Stat Membru jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-PKS li x’aktarx jaffettwa l-infiq li jinsab f’dikjarazzjoni ċertifikata ta’ nfiq li għaliha jintalab il-pagament interim.

2.   Qabel l-interruzzjoni ta’ skadenza għal pagament interim imsemmija fil-paragrafu 1 il-Kummissjoni għandha, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħrfu li hemm provi biex jiġi suġġerit nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont il-PKS. Qabel ma l-Kummissjoni tadotta tali atti ta’ implimentazzjoni hija għandha tgħarraf immedjatament lill-Istat Membru kkonċernat b’dawn il-provi jew b’informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha u l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

3.   L-interruzzjoni tal-pagamenti interim, kollha jew parti minnhom, relatati mal-infiq msemmi fil-paragrafu 1 kopert mit-talba għal pagament għandha tkun proporzjonata filwaqt li jitqiesu n-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 101

Sospensjoni ta’ pagamenti

1.   Minbarra l-Artikolu 142 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jissospendu “il-pagamenti interim kollha jew parti minnhom taħt il-programm operazzjonali f’ każ ta’ nuqqas serju ta’ konformità minn Stat Membru bl-obbligi tiegħu skont il-PKS li tolqot l-infiq li jinsab f’dikjarazzjoni ċertifikata tal-infiq li għalih jintalab il-pagament interim.

2.   Qabel is-sospensjoni ta’ pagament interim kif imsemmijin fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tagħraf li Stat Membru naqas milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-PKS. Qabel ma l-Kummissjoni tadotta tali att ta’ implimentazzjoni, hija għandha tgħarraf immedjatament lill-Istat Membru kkonċernat b’dawn is-sejbiet jew b’informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha u l-Istat Membru għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni.

3.   Is-sospensjoni tal-ħlasijiet interim, kollha jew parti minnhom, relatati mal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1 kopert mit-talba għal pagament għandha tkun proporzjonata filwaqt li jitqiesu n-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas serju ta’ konformità.

Artikolu 102

Setgħat tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 126 li jiddefinixxu dawk il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 100 u l-każijiet ta’ nuqqas serju ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 101(1), li ġejjin mir-regoli rilevanti tal-PKS li huma essenzjali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar.

Taqsima 2

Skambju ta’ informazzjoni u korrezzjonijiet finanzjarji

Artikolu 103

Aċċess għall-informazzjoni

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu adottaw għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni relatati mal-PKS, fejn dawk l-atti jkollhom impatt finanzjarju fuq il-FEMS.

Artikolu 104

Kunfidenzjalità

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkomunikata jew miksuba matul il-kontrolli fuq il-post jew fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet implimentati skont dan ir-Regolament.

2.   Il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (39) għandhom japplikaw għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 105

Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Kummissjoni

1.   Minbarra l-każijiet imsemmija fl-Artikoli 22(7), l-Artikolu 85 u l-Artikolu 144(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, “il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jagħmlu korrezzjonijiet finanzjarji permezz tal-kanċellazzjoni totali jew parzjali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għal programm operazzjonali jekk, wara li twettaq l-eżami meħtieġ, hija tikkonkludi li:

(a)

in-nefqa inkluża f’dikjarazzjoni ċċertifikata tal-infiq hija affettwata mill-każijiet li fihom l-benefiċjarju ma jħarisx l-obbligi kif imsemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament u ma jkunx ġie kkoreġut mill-Istat Membru qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ korrezzjoni skont dan il-paragrafu;

(b)

l-infiq li jinstab f’dikjarazzjoni ċċertifikata ta’ nfiq huwa affettwat minn każijiet ta’ nuqqas serju ta’ konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru li rriżultaw fis-sospensjoni tal-pagament skont l-Artikolu 101 ta’ dan ir-Regolament u meta l-Istat Membru kkonċernat jibqa’ ma jistax juri li ħa l-azzjoni meħtieġa ta’ rimedju biex jiżgura l-konformità mar-regoli applikabbli u l-infurzar tagħhom fil-ġejjieni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammont tal-‘korrezzjoni billi tikkunsidra n-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas serju ta’ konformità mill-Istat Membru jew il-benefiċjarju mar-regoli tal-PKS u l-importanza tal-kontribuzzjoni tal-FEMS għall-attività ekonomika tal-benefiċjarju kkonċernat.

3.   Meta ma jkunx possibbli li jiġi kkwantifikat preċiżament l-ammont ta’ nfiq marbut man-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-PKS mill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tapplika rata fissa jew korrezzjoni finanzjarja estrapolata skont il-paragrafu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 126 li jiddeterminaw il-kriterji biex jiġi stabbilit il-livell ta’ korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata u l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ rati fissi jew korrezzjonijiet finanzjarji estrapolati.

Artikolu 106

Proċedura

L-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu japplika mutatis mutandis meta l-Kummissjoni tipproponi korrezzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 105 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU VI

Monitoraġġ, evalwazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni

Taqsima 1

Twaqqif u objettivi ta’ sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

Artikolu 107

Sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Għandha tiġi stabbilita sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għall-operazzjonijiet tal-FEMS taħt ġestjoni konġunta bil-għan li titkejjel il-prestazzjoni tal-FEMS. Sabiex jiġi żgurat kejl effettiv tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 126 li jiddefinixu l-kontenut u l-bini ta’ dik is-sistema.

2.   L-impatt ġenerali tal-FEMS għandu jiġi vvalutatb’rabta mal-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta ‘atti ta’ implimentazzjoni li jistabilixxu is-sett ta’ indikaturi speċifiċi għal dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha neċessarja sabiex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri kkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħtiġijiet tad-data u s-sinerġiji bejn sorsi potenzjali tad-data, b’mod partikolari l-użu tagħhom għal raġunijiet statistiċi meta dan ikun xieraq. Il-Kummissjoni” għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dwar l-informazzjoni li trid tintbagħat mill-Istati Membri, kif ukoll dwar il-ħtiġijiet tad-data u s-sinerġiji bejn sorsi potenzjali tad-data. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull erba’ snin. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Artikolu 108

Objettivi

L-objettivi tas-sistema komuni ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni għandhom ikunu:

(a)

li jintwera l-progress u l-kisbiet tal-PKS u l-PMI, li jitqies l-impatt ġenerali u li jiġu vvalutati l- effettività, l-effiċjenza u r-rilevanza tal-operazzjonijiet tal-FEMS;

(b)

li tikkontribwixxi għal appoġġ immirat aħjar għall-PKS u l-PMI;

(c)

li tappoġġa proċess ta’ tagħlim komuni relatat mal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(d)

li tipprovdi evalwazzjonijiet robusti bbażati fuq il-provi tal-operazzjonijiet tal-FEMS li jikkontribwixxu għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Taqsima 2

Dispożizzjonijiet tekniċi

Artikolu 109

Indikaturi komuni

1.   Għandha tiġi speċifikata lista ta’ indikaturi komuni relatati mas-sitwazzjoni inizjali kif ukoll mal-eżekuzzjoni finanzjarja, ir-rendimenti u r-riżultati tal-programm operazzjonali u applikabbli għal kull programm operazzjonali fis-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni stabbilita fl-Artikolu 107 biex tkun tista’ ssir l-aggregazzjoni tad-data fil-livell tal-Unjoni.

2.   L-indikaturi komuni għandhom ikunu marbuta mal-istadji importanti u l-miri stabbiliti fil-programmi operazzjonali skont il-prijoritajiet tal-Unjoni stipulati fl-Artikolu 6. Dawk l-indikaturi komuni għandhom jintużaw għall-eżami tal-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, u għandhom jippermettu li ssir valutazzjoni tal-progress, l-effiċjenza u l-effettività tal-implimentazzjoni tal-politika fl-isfond tal-objettivi u l-miri fil-livell tal-programm tal-Unjoni.

Artikolu 110

Sistema elettronika ta’ informazzjoni

1.   L-informazzjoni ewlenija dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali, dwar kull operazzjoni magħżula għal finanzjament, kif ukoll dwar l-operazzjonijiet kompluti, meħtieġa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, inklużi l-karatteristiċi ewlenin tal-benefiċjarju u ta’ kull operazzjoni, għandha tiġi rreġistrata u miżmuma b’mod elettroniku.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm sistema elettronika sikura xierqa sabiex tirreġistra, iżżomm u tiġġestixxi l-informazzjoni ewlenija u biex tirrapporta dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

Artikolu 111

Għoti ta’ informazzjoni

Il-benefiċjarji tal-appoġġ taħt il-FEMS, inklużi ‘FLAGs, għandhom jimpenjaw ruħhom li jipprovdu lill-awtorità ta’ ġestjoni u/jew lill-evalwaturi maħtura jew korpi oħrajn delegati li lilhom jiġi ddelegat it-twettiq tal-funzjonijiet f’isimha, id-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jsiru l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm operazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-issodisfar tal-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi.

Taqsima 3

Monitoraġġ

Artikolu 112

Proċeduri ta’ monitoraġġ

1.   L-awtorità ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 97 ta’ dan ir-Regolament u l-kumitat ta’ monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jissorveljaw il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programm.

2.   L-awtorità ta’ ġestjoni u l-kumitat ta’ monitoraġġ għandhom iwettqu l-monitoraġġ tal-programm operazzjonali permezz ta’ indikaturi finanzjarji, indikaturi tar-rendiment u indikaturi tar-riżultat.

Artikolu 113

Funzjonijiet tal-kumitat ta’ monitoraġġ

Minbarra l-funzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-kumitat ta’ monitoraġġ jivverifika r-rendiment tal-programm operazzjonali u l-effettività tal-implimentazzjoni tiegħu. Għal dak il-għan, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu:

(a)

jiġi kkonsultat u japprova, fi żmien sitt xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm, il-kriterji tal-għażla għall-operazzjonijiet iffinanzjati; il-kriterji tal-għażla għandhom jiġu riveduti skont il-ħtiġijiet ta’ programmazzjoni;

(b)

jeżamina l-attivitajiet u r-riżultati relatati mal-pjan ta’ evalwazzjoni tal-programm;

(c)

jeżamina l-azzjonijiet fil-programm marbuta ma’ li jiġu sodisfatti kondizzjonalitajiet ex ante speċifiċi;

(d)

jeżamina u japprova r-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali qabel ma jintbagħtu lill-Kummissjoni;

(e)

jeżamina l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, l-opportunitajiet ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, inkluża l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà.

Il-kumitat ta’ monitoraġġ ma għandux jiġi kkonsultat dwar il-pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir ta’ data msemmija fl-Artikolu 21.

Artikolu 114

Rapport annwali ta’ implimentazzjoni

1.   Sal-31 ta’ Mejju 2016 u sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena sussegwenti sal-2023 b’din is-sena inkluża, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport annwali ta’ implimentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali fis-sena kalendarja ta’ qabel. Ir-rapport sottomess fl-2016 għandu jkopri s-snin kalendarji tal-2014 u l-2015.

2.   Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għandhom jinkludu:

(a)

informazzjoni dwar l-impenji finanzjarji u l-infiq skont il-kejl;

(b)

sommarju tal-attivitajiet imwettqa relatati mal-pjan ta’ evalwazzjoni;

(c)

informazzjoni dwar l- azzjonijiet meħuda f’każijiet ta’ ksur serju kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, u ta’ nuqqas ta’ ħarsien tal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar azzjonijiet ta’ rimedju;

(d)

informazzjoni dwar azzjonijiet meħuda biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 41(10) ta’ dan ir-Regolament;

(e)

informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħuda biex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji skont l-Anness V għal dan ir-Regolament, għal persuni naturali skont il-liġi nazzjonali fosthom limitu massimu applikabbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli li jikkonċernaw il-format u l-preżentazzjoni tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3).

Taqsima 4

Evalwazzjoni

Artikolu 115

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-elementi li għandhom jiddaħħlu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-pjan ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 56 ta’ dak ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 127(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evalwazzjonijiet jikkonformaw mas-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni komuni skont l-Artikolu 107, għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tad-data meħtieġa, u għandhom jipprovdu d-diversi biċċiet ta’ informazzjoni pprovduti mis-sistema ta’ monitoraġġ għall-evalwaturi.

3.   Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri fuq l-Internet u mill-Kummissjoni fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni.

Artikolu 116

Evalwazzjoni ex ante

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-evalwatur ex ante ikun involut minn istadju bikri tal-proċess ta’ żvilupp tal-programm operazzjonali, inkluż l-iżvilupp tal-analiżi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 18(1), it-tfassil tal-loġika ta’ intervent tal-programm u t-tfassil tal-miri tal-programm.

Artikolu 117

Evalwazzjoni ex post

F’konformità mal-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għandu jitħejja rapport ta’ evalwazzjoni ex post mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

Artikolu 118

Sinteżijiet tal-evalwazzjonijiet

Għandha ssir sinteżi fil-livell tal-Unjoni tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ex ante taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Is-sinteżi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni għandha titlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara s-sottomissjoni tal-evalwazzjonijiet relevanti.

Taqsima 5

Informazzjoni u komunikazzjoni

Artikolu 119

Informazzjoni u reklamar

1.   L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 97(1) għal:

(a)

iżgurar tal-ftuħ ta’ sit elettroniku uniku jew portal ta’ sit elettroniku uniku li jipprovdi l-informazzjoni dwar il-programm operazzjonali fl-Istat Membru u aċċess għalih;

(b)

informazzjoni lill-benefiċjarji potenzjali bl-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt il-programm operazzjonali;

(c)

pubbliċità għaċ-ċittadini tal-Unjoni r-rwol u l-kisbiet tal-FEMS permezz ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar ir-riżultati u l-impatt tal-ftehimiet ta’ sħubija, il-programmi operazzjonali u l-operazzjonijiet.

(d)

jiġi żgurat li jiġi magħmul pubbliku sommarju tal-miżuri mfassla biex tkun żgurata konformità mar-regoli tal-PKS fosthom il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri jew mill-benefiċjarji kif ukoll l-azzjonijiet ta’ rimedju bħall-korrezzjonijiet finanzjarji meħuda.

2.   Sabiex jiżguraw it-trasparenza rigward l-appoġġ mill-FEMS, l-Istati Membri għandhom iżommu lista ta’ operazzjonijiet fil-format CSV jew XML li għandha tkun aċċessibbli permezz tas-sit elettroniku uniku jew il-portal tas-sit elettroniku uniku, li jipprovdi lista ta’ operazzjonijiet u sommarju tal-programm operazzjonali.

Il-lista ta’ operazzjonijiet għandha tiġi aġġornata mill-inqas kull sitt xhur.

L-informazzjoni minima li għandha tiġi stabbilita fil-lista ta’ operazzjonijiet, inkluża l-informazzjoni speċifika li tikkonċerna l-operazzjonijiet taħt l-Artikoli 26, 39, 47, 54 u 56, hija stabbilita fl-Anness V.

3.   Regoli dettaljati li jikkonċernaw l-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità għall-applikanti u l-benefiċjarji huma stabbiliti fl-Anness V.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-karatteristiċi tekniċi tal-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità għall-istruzzjonijiet tal-operazzjoni għall-ħolqien ta’ emblema u definizzjoni tal-kuluri standard. Dawk l-‘atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 127(2).

TITOLU VIII

IMPLIMENTAZZJONI TAĦT ĠESTJONI DIRETTA

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 120

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan it-Titolu għandu japplika għal miżuri ffinanzjati taħt ġestjoni diretta kif stabbilit fit-Titolu VI.

KAPITOLU II

Kontroll

Artikolu 121

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li, meta jiġu implimentati l-operazzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti billi jiġu applikati miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività legali oħra, permezz ta’ verifiki effettivi u, jekk jiġu skoperti irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn xieraq, permezz ta’ penali proporzjonati u dissważivi effettivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ awditjar, kemm fuq il-bażi tad-dokumenti kif ukoll fuq verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi mill-Unjoni.

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament mill-finanzjament tal-Unjoni skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 883/2013 (40) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, bil-għan li jiġi stabbilit ikunux twettqu frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim dwar l-għajnuna finanzjarja, deċiżjoni dwar l-għajnuna finanzjarja jew kuntratt li jikkonċernaw il-finanzjament tal-Unjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet dwar l-għajnuna finanzjarja, deċiżjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja u kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkollhom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu awditi, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post imsemmija f’dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom..

Artikolu 122

Awditjar

1.   Uffiċċjali tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri, jew ir-rappreżentanti tagħhom, jistgħu jwettqu awditjar fuq il-post fuq operazzjonijiet iffinanzjati minn dan ir-Regolament fi kwalunkwe mument b’avviż ta’ mill-inqas għaxart ijiem ta’ xogħol, għajr f’każijiet urġenti, għal perijodu sa tliet snin wara l-pagament finali li sar mill-Kummissjoni.

2.   L-Uffiċċjali tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri, jew ir-rappreżentanti tagħhom, debitament mogħtija s-setgħa sabiex iwettqu awditjar fuq il-post, għandu jkollhom aċċess għall-kotba u kull dokument ieħor, inklużi dokumenti u metadata mfassla jew irċivuti u rreġistrati f’format elettroniku relatati mal-infiq iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

3.   Is-setgħat ta’ awditjar imsemmija fil-paragrafu 2 ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw ċerti atti għal aġenti speċifikament maħtura mil-leġislazzjoni nazzjonali. L-Uffiċjali tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri, jew ir-rappreżentanti tagħhom, ma għandhomx jieħdu sehem, fost l-oħrajn, fi żjarat fid-djar jew interrogazzjonijiet formali ta’ persuni fi ħdan il-qafas tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Madanakollu, għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni miksuba b’dan il-mod.

4.   Jekk kwalunkwe appoġġ finanzjarju mill-Unjoni mogħti taħt dan ir-Regolament jiġi sussegwentement allokat għal parti terza bħala benefiċjarju aħħari, il-benefiċjarju inizjali, peress li hu r-riċevitur tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni relevanti kollha rigward l-identità ta’ dak il-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 123

Sospensjoni tal-pagamenti, tnaqqis u kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-fondi tal-Unjoni ma ntużawx skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fi kwalunkwe att legali tal-Unjoni ieħor li huwa applikabbli, din għandha tinnotifika lill-benefiċjarji li għandu jkollhom xahar mid-data ta’ din in-notifika sabiex jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni.

2.   Jekk il-benefiċjarji ma jwiġbux lura fi żmien il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew jekk l-osservazzjonijiet tagħhom mhumiex ikkunsidrati sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tnaqqas jew tikkanċella l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija jew tissospendi l-pagamenti. Kwalunkwe ammont imħallas bi żball għandu jitħallas lura lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Għandu jiżdied l-imgħax fuq kwalunkwe somma mhux imħallsa fil-ħin taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

KAPITOLU III

Evalwazzjoni u rappurtar

Artikolu 124

Evalwazzjoni

1.   L-operazzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu ssorveljati b’mod regolari sabiex tiġi segwita l-implimentazzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-operazzjonijiet iffinanzjati.

Artikolu 125

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

sal-31 ta’ Marzu 2017, rapport ta’ evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament;

(b)

sal-31 ta’ Awwissu 2018, komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

TITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET TA’ PROĊEDURA

Artikolu 126

Eżerċizzju ta’ delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati ‘msemmija fl-Artikoli 10, 14, 32, 40, 41, 72, 102, 105, 107 u 129 għandha tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2020.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 10, 14, 32, 40, 41, 72, 102, 105, 107 u 129 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 10, 14, 32, 40, 41, 72, 102, 105, 107 u 129 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 127

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni dwar abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 95(5) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 128

Revoka

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 129(2), ir-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006, (KE) Nru 791/2007, (UE) Nru 1255/2011 u l-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

2.   Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 129

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Sabiex tiffaċilita t-transizzjoni mill-iskema ta’ appoġġ stabbiliti mir-Regolamenti (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006, (KE) Nru 791/2007 u (KE) Nru 1255/2011 ‘għall-iskema stabbilita minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati, b’konformità mal-Artikolu 126, li jistabbilixxu il-kondizzjonijiet li taħthom l-appoġġ approvat mill-Kummissjoni skont dawk ir-Regolamenti jista’ jiġi integrat fl-appoġġ stabbilit skont dan ir-Regolament, inkluż għall-għajnuna teknika u għall-evalwazzjonijiet ex-post.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni sħiħa jew parzjali, tal-proġetti kkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew tal-għajnuna approvata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006, ’(KE) Nru 791/2007 u (UE) Nru 1255/2011 u l-Artikolu 103 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jew kwalunkwe leġislazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta’ Diċembru 2013 li għandha tibqa’ tapplika għal tali proġetti jew assistenza.

3.   L-applikazzjonijiet li jsiru taħt ir-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 130

Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 133 u ĠU C 271, 19.9.2013, p. 154.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 84.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-6 ta’ Mejju 2014.

(4)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003 tat-22 ta’ Diċembru 2003 li jintroduċi skema li tikkumpensal-ispejjeż addizzjonali li ntefqu fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd mill-Azores, mill-Madeira, mill-gżejjer Kanari u d-dipartimenti Franċiżi ta’ Guiana u ta’ Réunion, minħabba li huma reġjuni mbiegħda (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 34).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2006 tat-22 ta’ Mejju 2006 li jistabbilixxi miżuri finanzjarji Komunitarji għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd u fil-qasam tal-Liġi tal-Baħar (ĠU L 160, 14.6.2006, p. 1).

(7)  Regolament (KE) Nru 1198/2006 tal-Kunsill tas-27 ta Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta’ Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanari, il-Guiana Franċiża u r-Réunion (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 1).

(9)  Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata (ĠU L 321, 5.12.2011, p. 1).

(10)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 3).

(11)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(12)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 tal-25 ta’ Frar 2008 dwar l-istabbiliment ta’ qafas Komunitarju għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 1).

(14)  Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

(17)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(18)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(19)  Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni ta’ Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali fl-Ewropa (ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24).

(20)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 26/2004 tat-30 ta’ Diċembru 2003 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Komunità (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 25).

(21)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(22)  Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

(23)  Konvenzjoni li saret fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49).

(24)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(25)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(26)  Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

(27)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11).

(28)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(29)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/629/KE tas-26 ta’ Awwissu 2005 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (ĠU L 225, 31.8.2005, p. 18).

(30)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(31)  Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(32)  Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

(33)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2029/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(34)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 710/2009 tal-5 ta’ Awwissu 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-iffissar ta’ regoli ddettaljati dwar il-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura u l-alka tal-baħar (ĠU L 204, 6.8.2009, p. 15).

(35)  Regolament (KE) Nru 761/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2001 li jippermetti l-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fl-iskema Komunitarja għall-immaniġġjar tal-ambjent u l-verifika (EMAS) (ĠU L 114, 24.4.2001, p. 1).

(36)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30).

(37)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1)..

(38)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1)

(39)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-1 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(40)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


ANNESS I

INTENSITÀ TAL-GĦAJNUNA SPEĊIFIKA

Tip ta’ operazzjonijiet

Punti perċentwali

Operazzjonijiet relatati mas-sajd kostali fuq skala żgħira, jistgħu jibbenifikaw minn żieda ta’

30

Operazzjonijiet li jinsabu fil-Gżejjer Griegi mbiegħda u fil-gżejjer Kroati ta’ Dugi Otok, Vis, Mljet u Lastovo jistgħu jibbenefikaw minn żieda ta’’

35

Operazzjonijiet li jinsabu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda jistgħu jibbenifikaw minn żieda ta’

35

Operazzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet ta’ sajjieda jew benefiċjarji kollettivi oħrajn barra l-Kapitolu III tat-Titolu V, jistgħu jibbenifikaw minn żieda ta’

10

Operazzjonijiet implimentati minn organizzazzjonijiet ta’ produtturi, minn assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jibbenefikaw minn żieda ta’

25

Operazzjonijiet skont l-Artikolu 76 dwar il-kontroll u l-infurzar, jistgħu jibbenefikaw minn żieda ta’

30

Operazzjonijiet skont l-Artikolu 76 dwar il-kontroll u l-infurzar relatati mas-sajd kostali fuq skala żgħira, jistgħu jibbenifikaw minn żieda ta’

40

Operazzjonijiet skont l-Artikolu 41(2), dwar is-sostituzzjoni jew il-modernizzazzjoni ta’ magni ewlenin jew anċillari, għandhom jitnaqqsu bi

20

Operazzjonijiet implimentati minn intrapriżi li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ SMEs għandhom jitnaqqsu bi

20


ANNESS II

TQASSIM ANNWALI TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN GĦALL-2014 SAL-2020

Deskrizzjoni

Perijodu

2014

2015

2016

2017

2018

2019

2020

Total

Ġestjoni kondiviża tal-FEMS

(2014-2020)

788 060 689

798 128 031

805 423 852

818 478 098

837 523 233

843 250 018

858 467 679

5 749 331 600


ANNESS III

DISTRIBUZZJONI INDIKATTIVA TAL-FONDI TAĦT IL-KAPITOLI I U II TAT-TITOLU VI FOST L-OBJETTIVI, STIPULATI FL-ARTIKOLI 82 U 85  (1)

Objettivi stipulati fl-Artikolu 82:

1.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-governanza integrata tal-affarijiet marittimi u kostali – 5 %

2.

L-Iżvilupp ta’ inizjattivi transettorjali – 33 %

3.

Appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-innovazzjoni u teknoloġiji ġodda – 2 %

4.

Il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar – 5 %

Objettivi kif stipulati fl-Artikolu 85:

1.

Il-ġbir, il-ġestjoni u t-tixrid ta’ parir xjentifiku fil-PKS – 11 %

2.

Miżuri speċifiċi ta’ kontroll u ta’ infurzar taħt il-PKS – 19 %

3.

Kontribuzzjonijiet volontarji għal organizzazzjonijiet internazzjonali – 10 %

4.

Kunsilli Konsultattivi u attivitajiet ta’ komunikazzjoni taħt il-PKS u l-PMI – 9 %

5.

Informazzjoni dwar is-suq, inkluż l-istabbiliment ta’ swieq elettroniċi – 6 %


(1)  Il-perċentwali japplikaw għall-ammont stipulat fl-Artikolu 14 minbarra l-allokazzjoni skont l-Artikolu 92


ANNESS IV

KONDIZZJONALITAJIET SPEĊIFIĊI EX ANTE

Objettiv speċifiku taħt il-prijorità tal-Unjoni għall-objettiv tematiku tal-FEMS

Kondizzjonalità ex ante

Kriterji li għandhom jiġu sodisfatti

Prijorità tal-FEMS:

1.

Il-promozzjoni ta’ sajd ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattiv, kompetittiv u bbażat fuq l-għarfien.

Objettiv speċifiku: (a) - (f)

‘Objettiv Tematiku 3: it-tisħiħ tal-kompetittività ta’ SMEs, is-settur agrikolu (għall-FAEŻR) u s-settur tas-sajd u l-akkwakultura (għall-FEMS);

Objettiv Tematiku 6: il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi;

Objettiv Tematiku 8: il-prmozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ tal-mobilità tax-xogħol

Ir-rapport dwar il-kapaċità ta’ sajd ġie ppreżentat f’konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Ir-rapport isir f’konformità ma’ linji gwida komuni maħruġin mill-Kummissjoni

Il-kapaċità tas-sajd ma taqbiżx il-limitu massimu ta’ kapaċità tas-sajd stipulat fl-Anness II tar- Regolament (UE) Nru 1380/2013

Prijorità tal-FEMS:

2.

It-trawwim ta’ akkwakultura ambjentalment sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, innovattiva, kompetittiva u bbażata fuq l-għarfien

Objettivi speċifiċi: (a), (b) u (c).

Objettiv Tematiku 3: it-tisħiħ tal-kompetittività ta’ SMEs, is-settur agrikolu (għall-FAEŻR) u s-settur tas-sajd u l-akkwakultura (għall-FEMS);

Objettiv Tematiku 6: il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi;

Objettiv Tematiku 8: il-prmozzjoni tal-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità u l-appoġġ tal-mobilità tax-xogħol3

L-istabbiliment ta’ pjan strateġiku nazzjonali pluriennali dwar l-akkwakultura, kif imsemmi fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sal-2014;

Pjan strateġiku nazzjonali pluriennali dwar l-akkwakultura huwa trasmess lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-jum ta’ trasmissjoni tal-rogramm operazzjonali

Il-programm operazzjonali jinkludi l-informazzjoni dwar il-komplimentarjetajiet mal-pjan strateġiku nazzjonali pluriennali dwar l-akkwakultura

Prijorità tal-FEMS:

3.

It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS.

Objettiv speċifiku (a).

Objettiv Tematiku 6: il-preservazzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi.

Kapaċità amministrattiva: tkun disponibbli kapaċità amministrattiva għall- konformità mar-rekwiżiti tad-data għall-ġestjoni tas-sajd kif stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 199/2008.’

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex jitħejja u jiġi applikat programm pluriennali għall-ġbir tad-data, li għandu jiġi rivedut mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u aċċettat mill-Kummissjoni

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex jitħejja u jiġi implimentat pjanijiet ta’ ħidma għall-ġbir tad-data, li għandu jiġi rivedut mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u aċċettat mill-Kummissjoni

Deskrizzjoni tal-kapaċità fl-allokazzjoni tar-riżorsi umani biex isiru ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma’ Stati Membri oħra jekk tinqasam il-ħidma biex jiġu implimentati l-obbligi ta’ ġbir tad-data

Prijorità tal-FEMS:

3.

It-trawwim tal-implimentazzjoni tal-PKS.

Objettiv speċifiku (b).

Objettiv Tematiku 6: il-preservazzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-effiċjenza tar-riżorsi

Kapaċità amministrattiva: tkun disponibbli kapaċità amministrattiva għall-konformità mal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ spezzjoni u infurzar tal-Unjoni kif previst fl-Artikolu 36 tar-[Regolament (UE) Nru 1380/2013 u speċifikat ulterjorment fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

L-azzjonijiet speċifiċi jinkludu:

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex titħejja u tiġi implimentata t-taqsima tal-programm operazzjonali li tagħmel parti mill-programm ta’ finanzjament dwar il-kontroll nazzjonali 2014-2020 kif imsemmi fil-punt (o) tal-Artikolu 18(1).

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex jitħejja u jiġi implimentat il-programm ta’ azzjoni dwar il-kontroll nazzjonali għall-pjani pluriennali, kif previst fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex jitħejja u jiġi implimentat programm komuni ta’ kontroll li jista’ jiġi żviluppat ma’ Stati Membri oħra, kif previst fl-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009

 

 

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex jitħejjew u jiġu implimentati l-Programmi Speċifiċi dwar il-Kontroll u l-Ispezzjoni kif previst fl-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex tiġi applikata sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur serju kif previst fl-Artikolu 90 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Deskrizzjoni tal-kapaċità amministrattiva biex tiġi applikata sistema ta’ punti għal ksur serju kif previst fl-Artikolu 92 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.


ANNESS V

INFORMAZZJONI U KOMUNIKAZZJONI DWAR L-APPOĠĠ MILL-FEMS

1.   Lista ta’ operazzjonijiet

Il-lista ta’ operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 119 għandha tinkludi, mill-inqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru, l-oqsma tad-data li ġejjin:

isem il-benefiċjarju (entitajiet legali biss, u persuni fiżiċi skont il-liġi nazzjonali;

Numru ta’ identifikazzjoni tar-reġistru tal-flotta tal-Komunità kif speċifikat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 26/2004 ’(din it-taqsima trid timtela’ biss meta l-operazzjoni tkun marbuta ma’ bastiment tas-sajd);

isem l-operazzjoni;

sommarju tal-operazzjoni;

id-data ta’ bidu tal-operazzjoni;

id-data ta’ tmiem l-operazzjoni (data mistennija għat-tlestija fiżika jew għall-implimentazzjoni sħiħa tal-operazzjoni);

nefqa eliġibbli totali;

ammont ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni;

kodiċi postali tal-operazzjoni;

pajjiż;

isem il-prijorità tal-Unjoni;

data tal-aħħar aġġornament tal-lista ta’ operazzjonijiet.

2.   Miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku

1.

L-Istat Membru għandu jiżgura li l-informazzjoni u l-miżuri ta’ pubbliċità jimmiraw lejn l-akbar kopertura medjatika possibbli billi jintużaw diversi forom u metodi ta’ komunikazzjoni fil-livell xieraq.

2.

L-Istat Membru għandu jkun responsabbli għall-organizzazzjoni ta’ tal-inqas il-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità li ġejjin:

(a)

attività informattiva kbira li tippubbliċizza t-tnedija tal-programm operazzjonali;

(b)

għal tal-inqas darbtejn matul il-perijodu ta’ programmazzjoni, attività informattiva kbira li tippromwovi l-opportunitajiet ta’ finanzjament u l-istrateġiji fil-mira u li tippreżenta l-kisbiet tal-programm operazzjonali;

(c)

wiri tal-bandiera jew l-emblema, kif adatt, tal-Unjoni quddiem il-bini ta’ kull awtorità ta’ ġestjoni, jew f’post viżibbli għall-pubbliku;

(d)

pubblikazzjoni b’mod elettroniku tal-lista ta’ operazzjonijiet skont it-taqsima 1;

(e)

l-għoti ta’ eżempji ta’ operazzjonijiet, skont kull programm operazzjonali, fuq is-sit elettroniku uniku jew fuq is-sit elettroniku tal-programm operazzjonali li huwa aċċessibbli permezz tal-portal tas-sit elettroniku uniku; l-eżempji għandhom jingħataw f’lingwa uffiċjali tal- Unjoni mitkellma b’mod mifrux minflok fil-lingwa jew lingwi uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat;

(f)

jiġi żgurat li taqsima speċifika mis-sit elettroniku uniku tkun iddedikata sabiex tagħti sommarju qasir tal-operazzjonijiet ta’ innovazzjoni u ekoinnovazzjoni;

(g)

l-aġġornament tal-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali, inklużi l-kisbiet ewlenin tiegħu, fuq is-sit elettroniku uniku jew fuq is-sit elettroniku tal-programm operazzjonali li huwa aċċessibbli permezz tal-portal tas-sit elettroniku uniku;

(h)

jiġi żgurat li jiġi magħmul pubbliku sommarju tal-miżuri mfassla biex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-PKS fosthom il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Istati Membri jew mill-benefiċjarji kif ukoll l-azzjonijiet ta’ rimedju bħall-korrezzjonijiet finanzjarji meħuda.

3.

F’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, fil-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tinvolvi lill-korpi li ġejjin:

(a)

l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013;

(b)

ċentri ta’ informazzjoni dwar l-Ewropa, kif ukoll l-uffiċċji ta’ rappreżentanza tal-Kummissjoni fl-Istati Membri;

(c)

istituzzjonijiet edukattivi u ta’ riċerka.

Dawk il-korpi għandhom ixerrdu ħafna l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 119(1).

3.   Miżuri ta’ informazzjoni għal benefiċjarji potenzjali u għall-benefiċjarji

3.1.   Miżuri ta’ informazzjoni għal benefiċjarji potenzjali

1.

L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-objettivi tal-programm operazzjonali u l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-FEMS jinxterdu ħafna fost il-benefiċjarji potenzjali u l-partijiet interessati kollha.

2.

L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarji potenzjali huma informati dwar tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-infiq li għandhom jintlaħqu sabiex wieħed jikkwalifika għall-appoġġ taħt programm operazzjonali;

(b)

deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-applikazzjonijiet, il-proċeduri għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-finanzjament u tal-perijodi ta’ żmien involuti;

(c)

il-kriterji għall-għażla tal-operazzjonijiet li għandhom jiġu appoġġati;

(d)

il-kuntatti fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-programmi operazzjonali;

(e)

li l-applikazzjonijiet għandhom jipproponu attivitajiet ta’ komunikazzjoni, proporzjonati għad-daqs tal-operazzjoni, sabiex jinformaw lill-pubbliku dwar il-miri tal-operazzjoni u l-appoġġ tal-Unjoni għall-operazzjoni.

3.2.   Miżuri ta’ informazzjoni għall-benefiċjarji

L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji li l-aċċettazzjoni tal-finanzjament tikkostitwixxi aċċettazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta’ operazzjonijiet ippubblikata skont l-Artikolu 119(2).


Top