EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċeduri għal deċiżjoni preliminari - rakkomandazzjonijiet għall-qrati nazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

Rakkomandazzjonijiet għall-qrati nazzjonali dwar l-użu tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari

L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

L-Artikolu 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET U TAL-ARTIKOLU 267 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA U L-ARTIKOLU 19(3) TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI EWROPEA?

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-2019:

PUNTI EWLENIN

Sinifikat tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari

Din il-proċedura hi kkunsidrata utli meta, f’każ quddiem qorti nazzjonali, titqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni li hija ġdida u ta’ interess ġenerali għall-applikazzjoni tal-liġi tal-UE b’mod uniformi, jew fejn il-każistika eżistenti ma tidhirx li tagħti l-gwida neċessarja biex tiġi indirizzata sitwazzjoni legali ġdida.

Struttura tar-rakkomandazzjonijiet

Sett ta’ rakkomandazzjonijiet japplika għat-talbiet kollha għal deċiżjoni preliminari u sett ieħor japplika speċifikament għal proċeduri mħaffa* jew proċeduri urġenti*.

Min jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari?

Il-qorti jew tribunal nazzjonali li tkun inġiebet tilwima quddiemu jieħu r-responsabbiltà unika biex jiddetermina kemm il-ħtieġa għal talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll għar-rilevanza tal-mistoqsijiet li dan jissottometti lill-QĠUE.

Il-qrati li jissottomettu rinviju għandhom fost affarijiet oħra:

  • ikunu stabbiliti b’liġi u jkunu permanenti;
  • ikollhom ġurisdizzjoni obbligatorja;
  • japplikaw l-istati tad-dritt; u
  • jkunu indipendenti.

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

  • Importanti li rinviju għandu jirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità tal-liġi tal-UE. M’għandux jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali u lanqas ta’ kwistjonijiet ta’ fatt imqajma fil-proċeduri prinċipali.
  • Il-QĠUE tista’ tagħti sentenza biss jekk il-liġi tal-UE tapplika għall-każ fil-proċeduri ewlenin.
  • Il-QĠUE ma tapplikax il-liġi tal-UE hi stess għal tilwima minn qorti tar-rinviju billi r-rwol tagħha hu li tgħin biex din tiġi riżolta; ir-rwol tal-qorti nazzjonali hu li tislet il-konklużjonijiet mid-deċiżjoni tal-QĠUE.
  • Is-sentenzi preliminari huma vinkolanti kemm fuq il-qorti tar-rinviji kif ukoll għall-qrati kollha fl-Istati Membri.

Interazzjoni bejn ir-referenza għal deċiżjoni preliminari u l-proċedimenti nazzjonali

  • Rinviju għandu jsir hekk kif ikun ċar li jkun hemm bżonn ta’ deċiżjoni mill-QĠUE biex qorti nazzjonali tagħti sentenza u meta tkun tista’ tiddefinixxi b’biżżejjed dettall il-kuntest fattwali u legali tal-każ u tal-kwistjonijiet legali mqajma minnu.
  • Il-proċedimenti nazzjonali għandhom jiġu sospiżi sakemm il-QĠUE ma tkunx tat id-deċiżjoni tagħha.
  • Il-qorti tar-rinviju għandha tinforma lill-QĠUE dwar kull pass ta’ proċedura li jista’ jaffettwa r-rinvju u, b’mod partikolari, dwar kull skontinwità jew irtirar, jew soluzzjoni bonarja tat-titlwim fil-proċeduri ewlenin, u ta’ kull avveniment ieħor li jwassal għat-terminazzjoni tal-proċeduri. Għandha wkoll tinforma lill-QĠUE dwar kull deċiżjoni fil-kuntest ta’ appell kontra l-ordni għal referenza u l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni għat-talba ta’ deċiżjoni preliminari.

Forma u kontenut tar-rinviju

  • Ir-rinviju għandu jinkiteb b’mod sempliċi, ċar u preċiż billi dan għandu jiġi tradott biex l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.
  • L-Artikolu 94 tar-regoli ta’ proċedura tal-QĠUE jispeċiifka l-kontenut tat-talba li għandha takkumpanja l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, li l-punti essenzjali tiegħu huma mqassra fl-anness tar-rakkomandazjonijiet. Jekk rekwiżit wieħed jew aktar ma jintlaħqux, il-QĠUE tista’ tħoss in-neċessità li tirrifjuta l-ġuriżdizzjoni biex tagħti deċiżjoni preliminari fuq il-mistoqsijiet referuti jew tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari bħala inammissibbli.
  • Il-qorti ta’ rinviju tista’ fil-qosor tistabbilixxi l-argumenti ewlenin tal-partijiet għall-proċeduri elwenin. Madanakollu, għandu jkun innotat li t-talba għal deċiżjoni preliminari se tiġi tradotta, u l-ebda anness għal dik it-talba.
  • Il-qorti ta’ rinviju tista’ wkoll fil-qosor tiddikjara l-opinoni tagħha dwar it-tweġiba li għandha tingħata għall-mistoqsijiet irreferuti għal deċiżjoni preliminari. Dik l-informazzjoni tista’ tkun utli għall-QĠUE, b’mod partikolari meta tintalab tagħti deċiżjoni preliminari fi proċedura mħaffa jew proċeduri urġenti.
  • Il-mistoqsijiet riferuti lill-QĠUE għal deċiżjoni preliminari għandhom jidhru f’taqsima separata u identifikata b’mod ċar tal-ordni għar-referenza, preferibbilment fil-bidu jew fit-tmiem. Għandu jkun possibbli tifhimhom skont it-termini tagħhom, mingħajr ma jkun hemm bżonn tirreferi għad-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-talba.
  • It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun ittajpjata u l-paġni u l-paragrafi tal-ordni għar-referenza għandha tkun innumerata.

Protezzjoni tad-data u l-anonimizzazzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari

  • Biex tiżgura l-aqwa protezzjoni ta’ data personali fit-trattament tal-każ tal-QĠUE, il-qorti ta’ rinviju tintalab tanonimizza l-każ billi tissostitwixxi l-ismijiet tal-individwi li ssir referenza għalihom fit-talba, pereżempju billi tuża inizjali jew kombinazzjoni ta’ ittri, u billi teditja l-informazzjoni li tista’ twassal għall-identifikazzjoni tagħhom.

Trażmissjoni lill-QĠUE tat-talba għal deċiżjoni preliminari

  • Ir-rinviji kollha għandhom jiġu ddatati, iffirmati u mibgħuta b’mod elettroniku jew bil-posta lir-reġistru tal-QĠUE fil-Lussemburgu.
  • Il-QĠUE tirrakkomanda li l-qrati nazzjonali u t-tribunali jużaw l-applikazzjoni e-Curia.
  • It-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tilħaq lir-reġistru flimkien mad-dokumenti rilevanti u d-dokumenti utli biex il-QĠUE titratta l-każ u, b’mod partikolari, id-dettalji tal-kuntatt preċiżi għall-partijiet fil-proċeuri ewlenin u r-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm, flimkien mal-fajl tal-każ fil-proċeduri ewlenin jew kopja tagħha.

Kostijiet u għajnuna legali

  • Il-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-QĠUE hi bla ħlas.
  • Fejn ikun neċessarju, il-qorti tar-rinviju tieħu deċiżjoni dwar l-ispejjeż imġarrba mill-partijiet.
  • Jekk parti għall-proċeduri ewlenin ma għandhiex biżżejjed mezzi, il-QĠUE tista’ tagħti lil dik il-parti għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż, b’mod partikolari dawk fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tagħha, li ġġarrab quddiem il-QĠUE. L-għajnuna tista’, madanakollu, tingħata biss jekk il-parti inkwestjoni ma tkunx diġà rċeviet għajnuna taħt regoli nazzjonali jew sal-punt li dik l-għajnuna ma tkoprix, jew tkopri biss parti, mill-ispejjeż imġarrba quddiem il-QĠUE.

Ir-rwol tar-Reġistru tal-QĠUE

  • Ir-reġistru jikkoordina mal-qorti tar-rinviju matul il-proċedimenti u jibgħatilha kopji tad-dokumenti proċedurali u tat-talbiet għal informazzjoni.
  • Fl-aħħar tal-proċedimenti, ir-reġistru jibgħat id-deċiżjoni tal-QĠUE lill-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju għandha żżomm lir-reġistru infurmat bi kwalunkwe azzjoni li ttieħdet u bid-deċiżjoni finali tagħha dwar il-każ.

Rinviji mħaffa u urġenti

  • Skont l-Artikoli 105–114 tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, il-QĠUE tista’ tiddeċiedi li xi rinviji għandhom jiġu mmaniġġjati permezz ta’ proċedimenti mħaffa jew urġenti.
  • L-iskadenzi huma iqsar, pereżempju, iż-żmien allokat biex l-Istati Membri jissottomettu osservazzjonijiet fil-każ ta’ rinviji mħaffa.
  • Il-qorti tar-rinviju għandha tiġġustifika l-urġenza u telenka r-riskji potenzjali jekk tiġi segwita l-proċedura ordinarja.
  • Talbiet għal proċedura mħaffa jew urġenti għandhom jintbagħtu permezz tal-applikazzjoni e-Curia jew bil-posta elettronika.

META JAPPLIKAW IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET?

Dawn ilhom japplikaw mit-8 ta’ Novembru 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Sentenza preliminari. Din il-proċedura tintuża f’każijiet fejn l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ liġi tal-UE hi inkwistjoni, u:
  • fejn ikun hemm bżonn ta’ deċiżjoni biex qorti nazzjonali tagħti sentenza; jew
  • fejn ma jkun hemm l-ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali.
Proċedura mħaffa. Proċedura fejn in-natura u ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tal-każ jeħtieġu li jiġu ttrattati malajr. Proċedura mħaffa għandha tintalab biss meta ċirkostazi partikolari joħolqu proċedura ta’ emerġenza li tiġġustifika deċiżjoni malajr tal-QĠUE fuq il-mistoqsijiet riferuti. Dan jista’ jirriżulta, pereżempju, jekk ikun hemm periklu immedjat serju lis-saħħa pubblika jew lill-ambjent, li deċiżjoni f’waqtha mill-QĠUE tista’ tgħin tevita, jew jekk ċirkostanzi partikolari jeħtieġu inċertezzi rigward kwistjonijiet fundamentali ta’ liġi kostituzzjonali nazzjonali u tal-liġi tal-UE biex tiġi solvuta fi żmien qasir ħafna.
Proċedura urġenti. Proċedura li tapplika biss f’każijiet li jinvolvu kwistjonijiet relatati mal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja. B’mod partikolari, din tillimita n-numru ta’ partijiet awtorizzati jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub u, f’każijiet ta’ urġenza estrema, tippermetti li l-istadju tal-kitba tal-proċedura jitħalla barra quddiem il-QĠUE.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Rakkomandazzjonijiet għall-qrati u t-tribunali nazzjonali fir-rigward tal-bidu tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU C 439, 25.11.2016, pp. 1–8)

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea - Parti Sitta — Instituzzjonijiet u provvisti finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 5 — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — l-Artikolu 267 (ex Artikolu 234 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 164)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — l-Artikolu 19 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 27)

DOKUMENTI RELATATI

Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 265, 29.9.2012, pp. 1–42)

Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 173, 26.6.2013, p. 65)

l-aħħar aġġornament 26.04.2022

Top