Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-Vjetnam

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-Vjetnam

Deċiżjoni (UE) 2019/1096 dwar l-iffirmar, f’isem l-UE, tal-Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment bejn l-UE u l-pajjiżi tal-UE, min-naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM?

ll-Pjan ta’ Protezzjoni tal-Investiment (IPA) bejn l-UE u l-Vjetnam se jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-investiment, filwaqt li jippermetti lill-UE u lill-Vjetnam jirregolaw u jsegwu għanijiet leġittimi ta’ politika pubblika, bħal:

  • is-saħħa pubblika;
  • is-sigurtà; u
  • l-ambjent.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim jinkludi l-innovazzjonijiet kollha tal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-protezzjoni tal-investiment u l-mekkaniżmi ta’ infurzar tiegħu li mhumiex preżenti fil-21 trattat ta’ investiment bilaterali eżistenti bejn il-Vjetnam u l-pajjiżi tal-UE. Karatteristika importanti ħafna tal-IPA hija li jissostitwixxi u jtejjeb dawn it-trattati eżistenti. L-IPA ġie nnegozjat flimkien ma’ ftehim ta’ kummerċ ħieles.

F’konformità mal-għanijiet stabbiliti mid-direttivi ta’ negozjati, il-Kummissjoni Ewropea żgurat li l-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom fil-Vjetnam se jingħataw trattament ġust u ekwu u mhux se jiġu diskriminati meta mqabbla ma’ investimenti Vjetnamiż li jinsabu f’sitwazzjonijiet simili.

Fl-istess ħin, l-IPA jipproteġi lill-investituri tal-UE u l-investimenti tagħhom fil-Vjetnam minn esproprjazzjoni*, sakemm ma jkunx għal skopijiet pubbliċi:

  • skont il-proċess korrett tal-liġi;
  • fuq bażi mhux diskriminatorja; u
  • bi ħlas ta’ kumpens fil-pront, adegwat u effettiv skont valur ġust tas-suq tal-investiment esproprjat.

L-IPA joffri wkoll lill-investituri l-għażla ta’ mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment modern u riformat. Din is-sistema tiżgura li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-investiment huma mħarsa u tfittex li ssib bilanċ bejn il-protezzjoni tal-investituri b’mod trasparenti u s-salvagwardja tad-dritt ta’ pajjiż li jirregola sabiex isegwi għanijiet ta’ politika pubblika. Il-ftehim jistabbilixxi sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim permanenti internazzjonali u kompletament indipendenti, li tikkonsisti minn Tribunali tal-Ewwel Istanza u tal-Appell permanenti li se jmexxu proċeduri ta’ soluzzjoni tat-tilwim b’mod trasparenti u imparzjali.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim jeħtieġ li jiġi ratifikat minn kull waħda mill-partijiet skont il-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom qabel ma dan jidħol fis-seħħ.

SFOND

Ara wkoll:

TERMINI EWLENIN

Esproprjazzjoni: in-nazzjonalizzazzjoni ta’ investiment permezz ta’ trasferiment formali ta’ titlu jew sekwestru dirett.

DOKUMENTI EWLENIN

Ftehim ta’ protezzjoni tal-investiment bejn l-UE u l-Vjetnam

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1096 tal-25 ta’ Ġunju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra (ĠU L 175, 28.6.2019, p. 1-2).

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam

Il-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra (ĠU L 329, 3.12.2016, p. 8-42).

Emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 22.02.2019

Top