Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1950

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1950 tal-10 ta’ Novembru 2021 li jemenda d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti minimi għall-kuntratti ta’ provvisti, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/7927

    ĠU L 398, 11.11.2021, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1950/oj

    11.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 398/19


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1950

    tal-10 ta’ Novembru 2021

    li jemenda d-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti minimi għall-kuntratti ta’ provvisti, ta’ servizzi u ta’ xogħlijiet

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 68(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE (2), il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (3) konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim emendat dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern (“il-Ftehim”) huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Il-Ftehim japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti stipulati fih (“il-limiti”) u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.

    (2)

    Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa li jippermettu lill-entitajiet kontraenti u lill-awtoritajiet kontraenti li japplikaw dik id-Direttiva, jikkonformaw fl-istess waqt mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/25/UE, kull sentejn (2) il-Kummissjoni trid tivverifika li l-limiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 15, ta’ dik id-Direttiva, jikkorrispondu għal-limiti stabbiliti fil-Ftehim u fejn dan ikun neċessarju, trid tirrevedihom.

    (3)

    Il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/25/UE ġew riveduti. F’konformità mal-Artikolu 68(1) tad-Direttiva 2009/81/KE, il-limiti minimi stabbiliti f’dik id-Direttiva jridu jiġu allinjati mal-limiti stabbiliti riveduti fid-Direttiva 2014/25/UE.

    (4)

    Skont l-Artikolu 68(1) tad-Direttiva 2009/81/KE, il-Kummissjoni għandha tirrevedi wkoll il-limiti minimi previsti fl-Artikolu 8 ta’ dik id-Direttiva fl-istess waqt meta ssir ir-reviżjoni tal-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2014/25/UE, li ħassret id-Direttiva 2004/17/KE, jeħtieġ li kull sentejn il-Kummissjoni trid tirrevedi l-limiti b’effett mill-1 ta’ Jannar. Għalhekk jenħtieġ li l-limiti għas-snin 2022–2023 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2009/81/KE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2009/81/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-punt (a), “EUR 428 000” huwa sostitwit b’“EUR 431 000”;

    (2)

    fil-punt (b), “EUR 5 350 000” huwa sostitwit b’“EUR 5 382 000”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/115/UE tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern, (ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1).

    (3)  ĠU L 68, 7.3.2014, p. 2.

    (4)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243)

    (5)  Id-Direttiva 2004/17/KE tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1).


    Top