Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0758

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/758 tal-31 ta' Jannar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-azzjoni minima u t-tipi ta' miżuri addizzjonali li jridu jittieħdu mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji sabiex irażżnu r-riskju mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu f'ċerti pajjiżi terzi (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/646

ĠU L 125, 14.5.2019, pp. 4–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/758/oj

14.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/4


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/758

tal-31 ta' Jannar 2019

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji għall-azzjoni minima u t-tipi ta' miżuri addizzjonali li jridu jittieħdu mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u finanzjarji sabiex irażżnu r-riskju mill-ħasil tal-flus u mill-finanzjament tat-terroriżmu f'ċerti pajjiżi terzi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 45(7) tagħha,

Billi:

(1)

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji huma obbligati li jidentifikaw, jivvalutaw u jwettqu ġestjoni tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalih, b'mod partikolari meta dawn ikollhom sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma jew fergħat stabbiliti f'pajjiżi terzi jew għaliex ikunu qed jikkunsidraw jekk jistabbilux fergħat jew sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi. Għaldaqstant id-Direttiva (UE) 2015/849 tistabbilixxi standards għall-valutazzjoni u l-ġestjoni effettivi tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-grupp.

(2)

L-implimentazzjoni konsistenti ta' politiki u proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha hija fundamentali għall-ġestjoni robusta u effettiva tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan il-grupp.

(3)

Madankollu, hemm ċirkostanzi fejn grupp jopera fergħat jew sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiż terz li l-liġi tiegħu ma tkunx tippermetti l-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali jew is-segretezza bankarja ta' pajjiż terz tillimita l-abbiltà tal-grupp li jaċċessa, jipproċessa jew iwettaq skambju tal-informazzjoni relatata mal-klijenti ta' fergħat jew ta' sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiż terz.

(4)

F'dawk iċ-ċirkostanzi, u f'sitwazzjonijiet fejn l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li effettivament iwettqu superviżjoni tal-konformità tal-grupp mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849 tkun imxekkla minħabba li l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti miżmuma fil-fergħat jew fis-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi, ikunu jenħtieġu politiki u proċeduri addizzjonali għall-ġestjoni b'mod effettiv tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn il-politiki u l-proċeduri addizzjonali jistgħu jinkludu l-ksib ta' kunsens mill-klijenti, li jista' jservi biex jingħelbu l-ostakli ġuridiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha f'pajjiżi terzi fejn l-opzjonijiet l-oħra huma limitati.

(5)

Il-ħtieġa li jiġi żgurat rispons konsistenti u fil-livell tal-Unjoni għall-ostakli ġuridiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri fost il-gruppi kollha tiġġustifika li jkun impost li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jkunu meħtieġa li jieħdu azzjonijiet minimi u speċifiċi f'sitwazzjonijiet bħal dawk. Madankollu, politiki u proċeduri addizzjonali bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju.

(6)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali li jkunu ħadu tkun adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, f'każ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu tal-fehma li l-miżuri addizzjonali meħuda minn istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja ma jkunux biżżejjed biex iwettqu ġestjoni ta' dak ir-riskju, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista' tagħti direzzjonijiet lill-istituzzjoni ta' kreditu jew lill-istituzzjoni finanzjarja biex tieħu miżuri speċifiċi sabiex taċċerta l-konformità tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tal-istituzzjoni finanzjarja mal-obbligi tagħha kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħtu s-setgħa lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), rispettivament, biex joħorġu linji gwida konġunti biex jaċċertaw l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni. Biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jqisu l-linji gwida konġunti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 17 u mal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent simplifikata u mtejba u l-fatturi li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw meta jivvalutaw ir-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mar-relazzjonijiet individwali ta' negozju u tranżazzjonijiet okkażjonali u jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonformaw ma' dawn il-linji gwida.

(8)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għad-dover tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom li jeżerċitaw azzjonijiet superviżorji addizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 45(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 f'każijiet li fihom l-applikazzjoni tal-miżuri addizzjonali definiti minn dan ir-Regolament tirriżulta li ma tkunx biżżejjed.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jenħtieġ ukoll li jkunu mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' diliġenza dovuta mtejba li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji huma meħtieġa/obbligati li jieħdu meta jittrattaw ma' persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi identifikati mill-Kummissjoni bħala ta' riskju għoli skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(10)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw il-politiki u l-proċeduri tagħhom f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun tista' tiġi differita bi tliet xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ippreżentati lill-Kummissjoni.

(12)

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula sett ta' miżuri addizzjonali, inkluża l-azzjoni minima, li trid tittieħed mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u mill-istituzzjonijiet finanzjarji biex iwettqu ġestjoni effettiva tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu meta liġi ta' pajjiż terz ma tippermettix l-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri fost il-gruppi kollha, kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 fil-livell tal-fergħat jew tas-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma li jkunu parti minn grupp u stabbiliti fil-pajjiż terz.

Artikolu 2

Obbligi ġenerali għal kull pajjiż terz

Għal kull pajjiż terz li fih ikunu stabbilew fergħa jew ikunu sidien ta' sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-inqas:

(a)

jivvalutaw ir-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu għall-grupp tagħhom, jirrekordjaw dik il-valutazzjoni, iżommuha aġġornata u jżommuha sabiex ikunu jistgħu jikkondividuha mal-awtorità kompetenti tagħhom;

(b)

jaċċertaw li r-riskju msemmi fil-punt (a) jiġi rifless kif suppost fil-politiki u l-proċeduri tagħhom fost il-gruppi kollha kontra l-ħasil tal-flus u rigward il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c)

jiksbu approvazzjoni mill-maniġment superjuri fil-livell tal-grupp għall-valutazzjoni tar-riskju msemmi fil-punt (a) u għall-politiki u l-proċeduri fost il-gruppi kollha kontra l-ħasil tal-flus u rigward il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu msemmija fil-punt (b);

(d)

jipprovdu taħriġ immirat lill-membri tal-persunal rilevanti fil-pajjiż terz sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-indikaturi tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu, u jaċċertaw li t-taħriġ ikun effettiv.

Artikolu 3

Valutazzjonijiet tar-riskju individwali

1.   Meta l-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-applikazzjoni ta' politiki u proċeduri li huma neċessarji biex ikun identifikat u vvalutat b'mod xieraq ir-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma' relazzjoni ta' negozju jew ma' tranżazzjoni okkażjonali minħabba restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar il-klijenti u s-sjieda benefiċjarja jew restrizzjonijiet fuq l-użu ta' tali informazzjoni għal skopijiet ta' diliġenza dovuta tal-klijent, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-inqas:

(a)

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju wara l-identifikazzjoni tal-pajjiż terz, b'dan li ġej:

(i)

isem il-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

kif l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri li huma neċessarji biex jiġi identifikat u vvalutat ir-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma' klijent;

(b)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jiddeterminaw jekk jistax jintuża l-kunsens tal-klijenti tagħhom, u meta applikabbli, tas-sidien benefiċjarji tal-klijenti tagħhom, sabiex jingħelbu b'mod legali r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii);

(c)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jirrikjedu lill-klijenti tagħhom u, meta applikabbli, lis-sidien benefiċjarji tal-klijenti tagħhom, jagħtu l-kunsens biex jegħlbu r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) sal-punt li dan ikun kompatibbli mal-liġi tal-pajjiż terz.

2.   Meta l-kunsens imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma jkunx fattibbli, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu miżuri addizzjonali kif ukoll il-miżuri standard tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, biex iwettqu ġestjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu.

Dawn il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu l-miżura addizzjonali stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 8 u miżura waħda jew aktar fost il-miżuri stabbiliti fil-punti (a), (b), (d), (e) u (f) ta' dak l-Artikolu.

Meta istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja ma tkunx tista' effettivament twettaq ġestjoni tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu billi tapplika l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, din għandha:

(a)

taċċerta li l-fergħa jew is-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma ġġib fi tmiemha r-relazzjoni ta' negozju;

(b)

taċċerta li l-fergħa jew is-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma ma twettaqx it-tranżazzjoni okkażjonali;

(c)

tagħlaq uħud mill-operazzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha provduti mill-fergħa u mis-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma tagħha stabbiliti fil-pajjiż terz.

3.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddeterminaw l-iskala tal-miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fuq bażi ta' sensittività għar-riskju u jkunu kapaċi juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali hija adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 4

Kondiviżjoni u pproċessar tad-data tal-klijenti

1.   Meta liġi ta' pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kondiviżjoni jew l-ipproċessar tad-data tal-klijenti għal skopijiet li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-grupp, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-inqas:

(a)

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 28 jum wara l-identifikazzjoni tal-pajjiż terz, b'dan li ġej:

(i)

isem il-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

kif l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kondiviżjoni jew l-ipproċessar ta' data tal-klijenti għal skopijiet li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jiddeterminaw jekk jistax jintuża l-kunsens tal-klijenti tagħhom, u meta applikabbli, tas-sidien benefiċjarji tal-klijenti tagħhom, sabiex jingħelbu b'mod legali r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii);

(c)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jirrikjedu lill-klijenti tagħhom u, meta applikabbli, lis-sidien benefiċjarji tal-klijenti tagħhom, jipprovdu l-kunsens biex jegħlbu r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) sal-punt li dan ikun kompatibbli mal-liġi tal-pajjiż terz.

2.   F'każijiet li fihom il-kunsens imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma jkunx fattibbli, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu miżuri addizzjonali kif ukoll il-miżuri standard tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu, biex iwettqu ġestjoni tar-riskju. Dawn il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu l-miżura addizzjonali stabbilita fil-punt (a) tal-Artikolu 8 jew il-miżura addizzjonali stabbilita fil-punt (c) ta' dak l-Artikolu. Meta r-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu jkun biżżejjed biex jirrikjedi miżuri addizzjonali, l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu għandhom japplikaw miżura addizzjonali waħda jew aktar mill-miżuri li jifdal stabbiliti fil-punti minn (a) sa (c) tal-Artikolu 8.

3.   Meta istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni finanzjarja ma tkunx tista' effettivament twettaq ġestjoni tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu billi tapplika l-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, din għandha tagħlaq uħud mill-operazzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha provduti mill-fergħa u mis-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma tagħha stabbiliti fil-pajjiż terz.

4.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddeterminaw l-iskala tal-miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fuq bażi ta' sensittività għar-riskju u jkunu kapaċi juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali hija adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 5

Divulgazzjoni tal-informazzjoni relatata mat-tranżazzjonijiet suspettużi

1.   Meta l-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 minn fergħat u minn sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma stabbiliti fil-pajjiż terz ma' entitajiet oħra fil-grupp tagħhom, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-inqas:

(a)

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 28 jum wara l-identifikazzjoni tal-pajjiż terz, b'dan li ġej:

(i)

isem il-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

kif l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kondiviżjoni jew l-ipproċessar tal-kontenut tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 33(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 identifikata minn fergħa u sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita f'pajjiż terz ma' entitajiet oħra fil-grupp tagħhom;

(b)

jirrikjedu lill-fergħa jew lis-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-maniġment superjuri tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tal-istituzzjoni finanzjarja sabiex dan ikun jista' jivvaluta r-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operazzjoni ta' tali fergħa jew sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma u l-impatt li dan għandu fuq il-grupp, bħal:

(i)

l-għadd ta' tranżazzjonijiet suspettużi rrapportati fi żmien perjodu stabbilit;

(ii)

data statistika aggregata li tipprovdi ħarsa ġenerali taċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għas-suspett.

2.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu miżuri addizzjonali kif ukoll il-miżuri standard tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 biex iwettqu ġestjoni tar-riskju.

Dawn il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu miżura addizzjonali waħda jew aktar minn fost dawk stabbiliti fil-punti minn (a) sa (c) u minn (g) sa (i) tal-Artikolu 8.

3.   Meta l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarja ma jkunux jistgħu effettivament iwettqu ġestjoni tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu billi japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jagħlqu wħud mill-operazzjonijiet jew l-operazzjonijiet kollha provduti mill-fergħa jew mis-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma tagħhom stabbiliti fil-pajjiż terz.

4.   L-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jiddeterminaw l-iskala tal-miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafi 2 u 3 fuq bażi ta' sensittività għar-riskju u jkunu kapaċi juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali hija adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 6

Trasferiment tad-data tal-klijenti lill-Istati Membri

Meta l-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi t-trasferiment tad-data relatata mal-klijenti ta' fergħa u sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbiliti f'pajjiż terz lil Stat Membru għall-iskop tas-superviżjoni għall-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-inqas:

(a)

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 28 jum kalendarju wara l-identifikazzjoni tal-pajjiż terz, b'dan li ġej:

(i)

isem il-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

kif l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi t-trasferiment tad-data relatata mal-klijenti għall-iskop tas-superviżjoni għall-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(b)

iwettqu analiżijiet imtejba, inkluż, meta dan ikun proporzjonat mar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operazzjoni tal-fergħa jew tas-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz, verifiki fuq il-post jew awditi indipendenti, biex ikunu ssodisfati li l-fergħa jew is-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma effettivament timplimenta l-politiki u l-proċeduri fost il-gruppi kollha u li din b'mod xieraq tidentifika u tivvaluta r-riskji marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu u twettaq ġestjoni tagħhom.

(c)

jipprovdu l-konklużjonijiet tal-analiżijiet imsemmija fil-punt (b) lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jekk jintalbu jagħmlu dan;

(d)

jirrikjedu lill-fergħa jew lis-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz biex regolarment tipprovdi informazzjoni rilevanti lill-maniġment superjuri tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tal-istituzzjoni finanzjarja, inkluż minn tal-inqas dan li ġej:

(i)

l-għadd ta' klijenti b'riskju għoli u data statistika aggregata li tipprovdi ħarsa ġenerali tar-raġunijiet għaliex il-klijenti jkunu ġew ikklassifikati bħala b'riskju għoli, bħall-istatus ta' persuna politikament esposta;

(ii)

l-għadd ta' tranżazzjonijiet suspettużi identifikati u rrapportati u data statistika aggregata li tipprovdi ħarsa ġenerali taċ-ċirkostanza li jkunu wasslu għas-suspett;

(e)

jqiegħdu l-informazzjoni msemmija fil-punt (d) għad-disponibbiltà tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jekk jintalbu jagħmlu dan.

Artikolu 7

Żamma tar-rekords

1.   Meta l-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-miżuri taż-żamma tar-rekords ekwivalenti għal dawk speċifikati fil-Kapitolu V tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-istituzzjonijiet ta' kreditu jew l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom minn tal-anqas:

(a)

jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju mingħajr dewmien bla bżonn u, fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 28 jum wara l-identifikazzjoni tal-pajjiż terz, b'dan li ġej:

(i)

isem il-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

kif l-implimentazzjoni tal-liġi tal-pajjiż terz tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-miżuri taż-żamma tar-rekords ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva (UE) 2015/849;

(b)

jistabbilixxu jekk il-kunsens mill-klijenti u, meta applikabbli, is-sid benefiċjarju tagħhom, jistax jintuża biex jingħelbu b'mod legali r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii);

(c)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jirrikjedu lill-klijenti u, meta applikabbli, lis-sidien benefiċjarji tal-klijenti tagħhom, jipprovdu l-kunsens biex jegħlbu r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a)(ii) sal-punt li dan ikun kompatibbli mal-liġi tal-pajjiż terz.

2.   F'każijiet li fihom il-kunsens imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma jkunx fattibbli, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu miżuri addizzjonali kif ukoll il-miżuri standard tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu u l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 biex iwettqu ġestjoni tar-riskju. Dawn il-miżuri addizzjonali għandhom jinkludu miżura addizzjonali waħda jew aktar minn fost dawk stabbiliti fil-punti minn (a) sa (c) u (j) tal-Artikolu 8.

3.   L-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu għandhom jiddeterminaw l-iskala tal-miżuri addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2 fuq bażi ta' sensittività għar-riskju u jkunu kapaċi juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali hija adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 8

Miżuri addizzjonali

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jieħdu l-miżuri addizzjonali li ġejjin skont l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7(2) rispettivament:

(a)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jirrestrinġu n-natura u t-tip tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji provduti mill-fergħa tas-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma fil-pajjiż terz għal dawk li jippreżentaw riskju baxx ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u għandhom impatt baxx fuq l-esponiment tal-grupp għar-riskju;

(b)

jaċċertaw li entitajiet oħra tal-istess grupp ma jiddependux fuq il-miżuri ta' diliġenza dovuta tal-klijent imwettqa minn fergħa jew sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz, iżda minflok iwettqu diliġenza dovuta tal-klijent fuq kwalunkwe klijent ta' fergħa jew sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz li jkun jixtieq li waħda minn dawk l-entitajiet tal-istess grupp jipprovdulu prodotti jew servizzi anki jekk il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2015/849 ikunu ssodisfati;

(c)

iwettqu analiżijiet imtejba, inkluż, meta dan ikun proporzjonat mar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operazzjoni tal-fergħa jew tas-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz, verifiki fuq il-post jew awditi indipendenti, biex ikunu ssodisfati li l-fergħa jew is-sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma effettivament tidentifika u tivvaluta r-riskji marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu u twettaq ġestjoni tagħhom;

(d)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jippruvaw jiksbu l-approvazzjoni tal-maniġment superjuri tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tal-istituzzjoni finanzjarja għall-istabbiliment u l-manteniment ta' relazzjonijiet ta' negozju b'riskji ogħla, jew għat-twettiq ta' tranżazzjoni okkażjonali b'riskju ogħla;

(e)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jiddeterminaw is-sors u, meta applikabbli, id-destinazzjoni tal-fondi li għandhom jintużaw fir-relazzjoni ta' negozju jew fit-tranżazzjoni okkażjonali;

(f)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz iwettqu monitoraġġ kontinwu mtejjeb tar-relazzjoni ta' negozju inkluż monitoraġġ imtejjeb tat-tranżazzjonijiet, sakemm il-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma jkunu raġonevolment issodisfati li jifhmu r-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mar-relazzjoni ta' negozju;

(g)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz jikkondividu mal-istituzzjoni ta' kreditu jew mal-istituzzjoni finanzjarja l-informazzjoni ta' rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi li tkun wasslet għall-għarfien, is-suspett jew ir-raġunijiet raġonevoli li jkunu suspettati tentattivi jew okkorrenzi ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu, bħal fatti, tranżazzjonijiet, ċirkostanzi u dokumenti li fuqhom jibbażaw is-suspetti, inkluża informazzjoni personali sal-punt li jkun possibbli skont il-liġi tal-pajjiż terz;

(h)

jwettqu monitoraġġ kontinwu mtejjeb fuq kwalunkwe klijent u, meta applikabbli, fuq kwalunkwe sid benefiċjarju ta' klijent ta' fergħa jew sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz li jkun magħruf li kien soġġett ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi minn entitajiet oħra tal-istess grupp;

(i)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbiliti fil-pajjiż terz ikollhom sistemi u kontrolli effettivi fis-seħħ biex jidentifikaw u jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi;

(j)

jaċċertaw li l-fergħat jew is-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma tagħhom li jkunu stabbilit fil-pajjiż terz iżommu aġġornati l-profil tar-riskju u l-informazzjoni dwar id-diliġenza dovuta relatati ma' klijent ta' fergħa jew sussidjarja b'maġġoranza tal-ishma stabbilita fil-pajjiż terz u jżommuhom siguri sakemm ikun legalment possibbli, u fi kwalunkwe każ għal minn tal-anqas id-durata tar-relazzjoni ta' negozju.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn dne 3. září 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top