Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1608

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1608 tas-17 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta' subkategoriji ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/2815

    ĠU L 240, 8.9.2016, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1608/oj

    8.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 240/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1608

    tas-17 ta' Mejju 2016

    li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta' subkategoriji ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 131(18) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 (2) jispeċifika l-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (G-SIIs) imsemmija fid-Direttiva 2013/36/UE. Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 jipprovdi b'mod partikulari l-indikaturi kwantifikabbli li jiffurmaw il-ħames kategoriji li jkejlu l-importanza sistemika ta' bank stabbiliti fid-Direttiva 2013/36/UE. L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 fih speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati tal-valuri tal-indikaturi.

    (2)

    Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 iqis l-istandards internazzjonali żviluppati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti u dwar ir-rekwiżit ta' assorbiment tat-telf ogħla, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-indikaturi użati għall-identifikazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti.

    (3)

    Il-metodoloġija tal-BCBS għall-valutazzjoni ta' banek globali sistemikament importanti u dwar ir-rekwiżit ta' assorbiment tat-telf ogħla hija aġġornata regolarment. Aktar reċentement, il-BCBS ippubblika mudell tar-rappurtar u struzzjonijiet dwar ir-rappurtar kemxejn riveduti għall-eżerċizzju ta' ġbir ta' dejta għall-2016, abbażi tad-dejta ta' tmiem l-2015. Aġġornamenti ulterjuri huma mistennija fil-futur.

    (4)

    Sabiex jiġu riflessi l-iżviluppi attwali fis-sistema bankarja dinjija u jitnaqqas kemm jista' jkun il-piż amministrattiv għall-istituzzjonijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li l-valuri tal-indikaturi jkunu ddeterminati skont l-istandards maqbula internazzjonalment stabbiliti mill-BCBS. L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom għalhekk jiżguraw li l-valuri tal-indikaturi kwantifikabbli pprovduti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 jkunu determinati skont is-sett ta' dejta applikabbli pprovdut mill-BCBS.

    (5)

    Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-metodoloġija aġġornata użata mill-BCBS, l-Artikolu 5(6) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 għandu jistipula li d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5(4) u 5(5) jistgħu jkunu appoġġati b'“dejta anċillari” minflok b'“indikaturi anċillari”.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-valuri tal-indikaturi pprovduti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 ikunu determinati skont l-ispeċifikazzjonijiet aġġornati applikati mill-BCBS, l-Anness tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 għandu jitħassar.

    (7)

    Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

    (8)

    Minħabba li l-ġbir tad-dejta għall-proċess ta' identifikazzjoni fl-2016 beda fl-ewwel kwart tal-2016, u minħabba li l-istituzzjonijiet jeħtieġu ċarezza dwar liema dejta għandha tiġi ddivulgata, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament.

    (9)

    Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni.

    (10)

    L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 1222/2014 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 5 il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “6.   Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 5 jistgħu jiġu appoġġati minn dejta anċillari, li ma għandhomx ikunu indikaturi tal-probabbiltà li l-entità rilevanti tfalli. Tali deċiżjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva dokumentata sew u verifikabbli.”

    (2)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Indikaturi

    1.   Il-kategorija li tkejjel id-daqs tal-grupp tikkonsisti minn indikatur wieħed daqs l-iskopertura totali tal-grupp.

    2.   Il-kategorija li tkejjel l-interkonnettività tal-grupp mas-sistema finanzjarja tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    assi intra sistemi finanzjarji;

    (b)

    obbligazzjonijiet intra sistemi finanzjarji;

    (c)

    titoli pendenti.

    3.   Il-kategorija li tkejjel is-sostitwibbiltà tas-servizzi jew tal-infrastruttura finanzjarja pprovduta mill-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    assi f'kustodja;

    (b)

    attività tal-pagamenti;

    (c)

    tranżazzjonijiet sottoskritti fi swieq tad-dejn u tal-ekwità.

    4.   Il-kategorija li tkejjel il-kumplessità tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    ammont nozzjonali ta' derivattivi barra l-borża;

    (b)

    assi inklużi fil-livell 3 tal-valur ġust imkejjel skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 (*);

    (c)

    titoli għan-negozjar u disponibbli għall-bejgħ.

    5.   Il-kategorija li tkejjel l-attività transfruntiera tal-grupp tikkonsisti fl-indikaturi kollha li ġejjin:

    (a)

    pretensjonijiet transġuriżdizzjonali;

    (b)

    obbligazzjonijiet transġuriżdizzjonali.

    6.   Għad-dejta rappurtata f'muniti oħra minbarra l-Euro, l-awtorità rilevanti għandha tuża rata tal-kambju xierqa filwaqt li tqis ir-rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew li tkun applikabbli fil-31 ta' Diċembru u l-istandards internazzjonali. Għall-indikatur tal-attività tal-ħlas kif imsemmi fil-paragrafu 3(b), l-awtorità rilevanti għandha tuża r-rati tal-kambju medji għas-sena rilevanti.

    (*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1255/2012 tal-11 ta' Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 12, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju Nru 1 u 13, u l-Interpretazzjoni Nru 20 tal-Kumitat Internazzjonali tal-Interpretazzjoni tar-Rappurtar Finanzjarju (ĠU L 360, 29.12.2012, p. 78).”"

    (3)

    L-aħħar sentenza tal-Artikolu 7 titħassar.

    (4)

    L-Anness jitħassar.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2014 tat-8 ta' Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ispeċifikazzjoni tal-metodoloġija għall-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti u għad-definizzjoni ta' subkategoriji ta' istituzzjonijiet globali sistemikament importanti (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 27).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top