This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0331
Regulation (EU) No 331/2014 of the European Parliament and of the Council of 11 March 2014 establishing an exchange, assistance and training programme for the protection of the euro against counterfeiting (the ‘Pericles 2020’ programme) and repealing Council Decisions 2001/923/EC, 2001/924/EC, 2006/75/EC, 2006/76/EC, 2006/849/EC and 2006/850/EC
Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2014 li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020” ) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE
Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2014 li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020” ) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE
ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32021R0840
5.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/1 |
REGOLAMENT (UE) Nru 331/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-11 ta’ Marzu 2014
li jistabilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
L-Unjoni u l-Istati Membri intrabtu bl-objettiv li jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala munita unika. Dawk il-miżuri jinkludu l-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex b’hekk tissaħħaħ l-effikaċja tal-ekonomija Ewropea u tiġi żgurata s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 (3) jipprovdi għal skambji ta’ informazzjoni, koperazzjoni u assistenza reċiproka, u b ‘hekk jistabbilixxi qafas armonizzat għall-protezzjoni tal-euro. L-effetti ta’ dak ir-Regolament kienu estiżi bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 (4) għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom, sabiex jiġi pprovdut livell ta’ protezzjoni ekwivalenti tal-euro madwar l-Unjoni. |
(3) |
L-azzjonijiet li għandhom l-għan li jippromwovu l-iskambji tal-informazzjoni u tal-persunal, għajnuna teknika u xjentifika u taħriġ speċjalizzat jgħinu b’mod sinifikanti biex jipproteġu l-munita unika tal-Unjoni kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata biex b’hekk jintlaħaq livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni madwar l-Unjoni, filwaqt li tintwera l-kapaċità tal-Unjoni li tindirizza l-Kriminalità organizzata serja. |
(4) |
Il-programm għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm Pericles) jikkontribwixxi biex tiżdied is–sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni, għat-titjib tal-protezzjoni tal-euro, speċjalment permezz tad-diffużjoni tar-riżultati ta’ azzjonijiet appoġġati minn dak il-programm. |
(5) |
L-appoġġ fl-imgħoddi għal dawn l-azzjonijiet, permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE (5) u 2001/924/KE (6), li ġew sussegwentement emendati u estiżi bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2006/75/KE (7), 2006/76/KE (8), 2006/849/KE (9) u 2006/850/KE (10), għamilha possibbli li jitjiebu l-attivitajiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. L-għanijiet tal-programm Pericles kemm għall-perjodu 2002-2006 kif ukoll għall-perjodu 2007-2013 ġew milħuqa b’suċċess. |
(6) |
Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, imwettqa fl-2011, li tevalwa jekk il-programm Pericles għandux jitkompla, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-programm Pericles għandu jiġġedded b’objettivi u metodoloġija mtejba. |
(7) |
Il-parir li jinsab fil-valutazzjoni tal-impatt kien li l-azzjonijiet għandhom jitkomplew u jiġu żviluppati aktar fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, waqt li tqis sfidi ġodda f’kuntest tal-awsterità tal-baġit. Taħt il-programm il-ġdid, il-programm Pericles 2020, il-proposti ppreżentati mill-Istati Membri parteċipanti jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi, jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tkun importanti għall-protezzjoni tal-euro. |
(8) |
Għandu jiġi żgurat li l-programm Pericles 2020 ikun konsistenti u komplimentari ma’ programmi u azzjonijiet relevanti oħrajn. Il-Kummissjoni għalhekk għandha twettaq il-konsultazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni tal-euro mal-partijiet prinċipali involuti (partikolarment l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Europol) fi ħdan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, partikolarment fir-rigward tal-iskambju, l-għajnuna u t-taħriġ, bl-iskop li jiġi applikat il-programm Pericles 2020. |
(9) |
Il-programm Pericles 2020 għandu jiġi implimentat b’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). B’konformità ma’ dak ir-Regolament, għotja ma jistax ikollha bħala l-uniku skop tagħha x-xiri ta’ tagħmir. Għotja hija maħsuba biex tappoġġa finanzjarjament azzjoni maħsuba biex tgħin il-kisba ta’ objettiv ta’ politika tal-Unjoni. |
(10) |
L-importanza tal-euro bħala munita dinjija tirrikjedi livell adegwat ta’ protezzjoni fil-livell internazzjonali, u dan jista’ jinkiseb billi jkun hemm fondi disponibbli għax-xiri ta’ tagħmir li għandu jintuża minn aġenziji ta’ pajjiżi terzi fl-investigazzjoni tal-l-iffalsifikar tal-euro. |
(11) |
Il-valutazzjoni tal-programm Pericles immexxija mal-partijiet interessati turi l-valur miżjud ta’ dak il-programm, f’termini tal-livell għoli ta’ kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll il-komplementarjetà ma’ azzjonijiet imwettqa fil-livell nazzjonali, li jirriżultaw f’iktar effettività. Il-kontinwazzjoni tal-programm Pericles fil-livell tal-Unjoni hija mistennija tagħmel kontribut sostanzjali għaż-żamma u t-titjib ulterjuri tal-livell għoli ta’ protezzjoni tal-euro assoċjata mal-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, tal-iskambju u tal-assistenza. Fl-istess ħin, se jkun hemm tfaddil komplessiv permezz ta’ azzjonijiet u akkwisti organizzati kollettivament, meta mqabbel ma’ inizjattivi nazzjonali individwali potenzjali. |
(12) |
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni ta’ nofs it-terminu indipendenti dwar l-implimentazzjoni tal-programm Pericles 2020 u rapport ta’ valutazzjoni finali dwar il-ksib tal-għanijiet tiegħu. |
(13) |
Dan ir-Regolament jikkonforma mal-prinċipji tal-valur miżjud u tal-proporzjonalità. Il-programm Pericles 2020 għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex l-euro jkun protett mill-falsifikazzjoni, mingħajr ma jiġu mimsusa r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, u b’użu iktar effiċjenti tar-riżorsi minn dak li seta’ jsir fil-livell nazzjonali. Azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa u ġġustifikata għax tgħin b’mod ċar lill-Istati Membri biex kollettivament jipproteġu l-euro u tinkoraġġixxi l-użu ta’ strutturi komuni tal-Unjoni sabiex tiżdied il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informżazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. |
(14) |
Il-programm Pericles 2020 għandu jibqa’ għaddej għal perjodu ta’ seba’ snin sabiex it-tul tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju multiannwali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (12) |
(15) |
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm Pericles 2020, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jistipulaw il-prijoritajiet, it-tqassim tal-baġit u l-kriterji ta’ valutazzjoni għall-għotjiet għal azzjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001. Il-każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, fejn żieda fil-kofinanzjament tkun neċessarja sabiex l-Istati Membri jingħataw flessibilità ekonomika ikbar, sabiex b’hekk ikunu jistgħu jwettqu u jikkompletaw proġetti biex jipproteġu u jissalvagwardjaw l-euro b’mod sodisfaċenti, għandhom ikunu parti mill-programmi ta’ ħidma annwali. |
(16) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għat-tul kollu tal-programm Pericles 2020, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u fuq il-ġestjoni finanzjarja soda (13), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(17) |
Sabiex ikun hemm provvediment għal grad ta’ flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-fondi, is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ emendi għall-allokazzjoni indikattiva ta’ dawk il-fondi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, anke fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. |
(18) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, inklużi l-prevenzjoni, l-iskoperta u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati ħażin u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji. |
(19) |
Id-Deċiżjonijiet 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE għandhom jitħassru. Għandhom jiġu pprovduti miżuri ta’ tranżizzjoni biex jiġu kkompletati obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet segwiti taħt dawk id-Deċiżjonijiet. |
(20) |
Huwa xieraq li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn il-programm Pericles u l-programm Pericles 2020 u huwa xieraq li t-tul tal-Programm Pericles 2020 jiġi allinjat mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għaldaqstant, il-Programm Pericles 2020 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Il-programm ta’ azzjoni multiannwali biex jippromwovi azzjonijiet għall-protezzjoni u s-salvagwardja tal-euro kontra l-iffalsifikar “Pericles 2020” (“il-Programm”) huwa b’dan stabbilit għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
Artikolu 2
Valur miżjud
Il-programm għandu jinkoraġġixxi b’mod attiv u jinvolvi żieda fil-kooperazzjoni transnazzjonali għall-protezzjoni tal-euro ġewwa u barra l-Unjoni u mas-sħab kummerċjali tal-Unjoni, u filwaqt li tingħata attenzjoni wkoll fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri jew pajjiżi terzi li għandhom l-ogħla rati ta’ ffalsifikar tal-euro, kif juru r-rapporti relevanti maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti. Tali kooperazzjoni għandha tikkontribwixxi għal effettività ikbar tal-protezzjoni tal-euro permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika, standards komuni u taħriġ speċjalizzat konġunt.
Artikolu 3
Objettiv ġenerali
L-objettiv ġenerali tal-Programm għandu jkun li jipprevjeni u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.
Artikolu 4
Objettiv speċifiku
L-objettiv speċifiku tal-Programm għandu jkun li jipproteġi karti u muniti tal-euro kontra l-iffalsifikar u l-frodi relatata, billi jappoġġa u jissuplimenta l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u jassisti lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u tal-Unjoni fl-isforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw bejniethom u mal-Kummissjoni kooperazzjoni mill-qrib u regolari u skambju tal-aħjar prattiki, inklużi, fejn xieraq, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Dak l-objettiv għandu jitkejjel, fost oħrajn, permezz tal-effettività tal-azzjoni minn awtoritajiet finanzjarji, tekniċi, u dawk ġudizzjarji, kif imkejjel permezz tal-għadd ta’ flus foloz misjuba, ħwienet tax-xogħol illegali żarmati, individwi arrestati u penalitajiet imposti.
Artikolu 5
Korpi eliġibbli għal finanzjament
Il-korpi eliġibbli għall-finanzjament skont il-Programm għandhom ikunu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.
Artikolu 6
Parteċipazzjoni fil-Programm
1. Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri li adottaw l-euro bħala l-munita unika tagħhom.
2. Il-proposti ppreżentati mill-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu parteċipanti minn pajjiżi terzi, jekk dan ikun importanti għat-twettiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament
Artikolu 7
Gruppi identifikati u azzjonijiet konġunti
1. Il-programm għandu jiġimmirat lejn il-parteċipazzjoni tal-gruppi li ġejjin:
(a) |
impjegati tal-aġenziji involuti fl-iskoperta tal-iffalsifikar u fil-ġlieda kontrih, b’mod partikolari, korpi tal-pulizija u amministrazzjonijiet finanzjarji, skont il-funzjoni speċifika tagħhom fil-livell nazzjonali; |
(b) |
persunal involut fil-ġbir ta’ informazzjoni; |
(c) |
rappreżentanti tal-banek ċentrali nazzjonali, taz-zekki, tal-banek kummerċjali u ta’ intermedjarji finanzjarji oħrajn, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-obbligi tal-istituzzjonijiet finanzjarji; |
(d) |
uffiċjali ġudizzjarji, avukati speċjalizzati u membri tal-ġudikatura f’dan il-qasam; |
(e) |
kull grupp ieħor ta’ speċjalisti kkonċernati, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew strutturi simili li joffru aċċess lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bejjiegħa bl-imnut u kumpaniji tal-flus kontanti fi tranżitu. |
2. L-azzjonijiet taħt il-Programm jistgħu jiġu organizzati b’mod konġunt mill-Kummissjoni u sħab oħrajn li għandhom kompetenza relevanti, bħal:
(a) |
il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); |
(b) |
ic-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi (NACs) u ċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Analiżi tal-Muniti (CNACs); |
(c) |
iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u z-zekki; |
(d) |
l-Europol, l-Eurojust u l-Interpol; |
(e) |
l-uffiċċji ċentrali nazzjonali kontra l-iffalsifikar, kif provdut fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Trażżin tal-Iffalsifikar tal-Flus iffirmata f’Ġinevra fl-20 ta’ April 1929 (14) u aġenziji oħrajn speċjalizzati fil-prevenzjoni, fis-sejbien u fl-infurzar tal-liġi b’konnessjoni mal-iffalsifikar; |
(f) |
korpi speċjalizzati kkonċernati fil-qasam tat-teknoloġija tad-dupplikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, stampaturi u inċiżuri; |
(g) |
korpi oħra minbarra dawk imsemmija fil-punti (a) sa (f) li joffru kompetenza speċifika, inklużi, fejn meħtieġ, korpi bħal dawn minn pajjiżi terżi u b’mod partikolari Stati fil-proċess ta’ adeżjoni u pajjiżi kandidati għall-adeżjoni; u |
(h) |
entitajiet privati li żviluppaw u pprovdew evidenza ta’ għarfien tekniku u timijiet li jispeċjalizzaw fis-sejbien ta’ karti tal-flus u muniti ffalsifikati. |
Artikolu 8
Azzjonijiet eliġibbli
1. Il-Programm għandu jqis aspetti transnazzjonali u multidixxiplinarji tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar u għandu jippromwovi l-aħjar prattiki adattati għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru.
2. Il-Programm għandu jipprovdi, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
skambju u tixrid ta’ informazzjoni, partikolarment permezz tal-organizzazzjoni ta’ workshops, laqgħat u seminars inklużi taħriġ, apprendistati b’fokus partikolari u skambji tal-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u azzjonijiet oħra simili. L-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun, fost l-oħrajn, immirat lejn:
|
(b) |
assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali kif ikun jidher neċessarju bħala parti mill-programm, inklużi b’mod partikolari:
|
(c) |
għotjiet għall-iffinanzjar tax-xiri tat-tagħmir li jintuża minn awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar, għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar, b’konformità mal-Artikolu 10(3). |
KAPITOLU II
QAFAS FINANZJARJU
Artikolu 9
Pakkett finanzjarju
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun EUR 7 344 000 (fil-prezzijiet attwali).
2. Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm, l-ammonti għandhom jiġu allokati għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) b’konformità mal-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stipulata fl-Anness.
Il-Kummissjoni m’għandhiex titbiegħed minn dik l-allokazzjoni indikattivi tal-fondi b’iktar minn 10 %. Jekk ikun neċessarju li jinqabeż dak il-limitu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex timmodifika l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stipulata fl-Anness.
3. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.
Artikolu 10
Tipi ta’ appoġġ finanzjarju u kofinanzjament
1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.
2. L-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) għandu jieħu l-forma ta’ jew:
(a) |
għotjiet; jew |
(b) |
akkwist pubbliku. |
3. Ix-xiri ta’ tagħmir m’għandux ikun l-uniku komponent tal-ftehim tal-għotja.
4. Ir-rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet mogħtija taħt il-Programm ma għandhiex taqbeż il-75 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, ir-rata ta’ kofinanzjament m’għandhiex taqbeż id-90 % tal-ispejjeż eliġibbli.
5. Fejn l-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2) jkunu organizzati flimkien mal-Kummissjoni u l-BĊE, l-Eurojust, l-Europol jew l-Interpol, l-ispejjeż li jkun hemm għandhom jinqasmu bejniethom. Fi kwalunkwe każ, kull wieħed minnhom għandu jħallas l-ispejjeż tal-vjaġġ u tal-akkomodazzjoni tal-kelliema mistiedna tiegħu.
Artikolu 11
Programmi ta’ ħidma annwali
Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali.
Kull programm ta’ ħidma annwali għandu jimplimenta l-objettivi ġenerali u speċifiċi previsti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament billi jiddetermina dan li ġej:
(a) |
l-azzjonijiet li għandhom li għandhom jitwettqu, skont it-tali objettivi ġenerali u speċifiċi, inklużi l-allokazzjoni indikattiva tal–fondi u l-metodu ta’ implimentazzjoni; |
(b) |
għall-għotjiet: il-kriterji tal-għażla essenzjali u r-rata massima possibbli ta’ kofinanzjament. |
Il-fondi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni taħt il-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll biex ikopru l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn huma relatati mal-objettivi ġenerali stipulati fl-Artikolu 3.
Artikolu 12
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa li jiżguraw li, meta jiġu implimentati attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonali u dissważivi.
2. Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu awditu, abbażi ta’ dokumenti u fuq il-post, fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ għotjiet, tal-kuntratturi u tas-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.
3. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbilti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe azzjoni illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjati skont dan ir-Regolament.
4. Mingħajr ħsara għall-paragrafi 1, 2 u 3, ftehimiet ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li b’mod espliċitu jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditi u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.
KAPITOLU III
MONITORAĠĠ, VALUTAZZJONI U SETGĦAT DELEGATI
Artikolu 13
Monitoraġġ u valutazzjoni
1. Il-programm għandu jkun implimentat mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz ta’ konsultazzjonijiet regolari fi stadji differenti tal-implimentazzjoni tal-Programm, fi ħdan il-kumitat imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 1338/2001, b’kunsiderazzjoni tal-miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħrajn, b’mod partikolari l-BĊE u l-Europol.
2. Il-Kummissjoni għandha tfittex li tiżgura li jkun hemm konsistenza u kumplimentarjetà bejn il-Programm u programmi u attivitajiet relevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-Programm. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-konsistenza u l-komplementarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha kontinwament tiddistribwixxi r-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati permezz tal-Programm. Il-pajjiżi parteċipanti kollha u benefiċjarji oħrajn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni d-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun possibbli li jsiru l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-Programm.
4. Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-programm. Sal-31 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni ta’ nofs il-perjodu indipendenti dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-miżuri kollha (fil-livell ta’ riżultati u impatti), l-użu effiċjenti u kosteffikaċi tar-riżorsi u l-valur miżjud tiegħu għall-Unjoni. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jitħejja bil-ħsieb li jinforma deċiżjoni li tittieħed fuq it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, il-valutazzjoni għandha tindirizza jekk hemmx lok għal simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tagħha, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Din għandha tikkunsidra r-riżultati li joħorġu mill-valutazzjoni fir-rigward tal-impatt fit-tul tal-miżuri li jkunu ttieħdu qabel.
5. L-impatti fit-tul u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm għandhom jiġu evalwati wkoll bil-ħsieb li jinfurmaw deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni possibbli ta’ kull programm sussegwenti.
6. Barra minn hekk sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni finali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm.
Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 hija mogħtija lill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 15
Tħassir
Id-Deċiżjonijiet 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE huma b’dan imħassra.
Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet segwiti taħt dawk id-Deċiżjonijiet għandhom ikomplu jkunu regolati minn dawk id-Deċiżjonijiet sat-twettiq ta’ dawk l-obbligi..
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Marzu 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
(1) 1. ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7.
(2) 2. Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2013 (għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014.
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 6).
(4) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1339/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jestendi l-effetti tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001, li jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar għal dawk l-Istati Membri li m’adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (ĠU L 181, 4.7.2001, p. 11).
(5) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/923/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 50).
(6) Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/924/KE tas-17 ta’ Diċembru 2001 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi skambju, għajnuna u programm ta’ taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) għall-Istati Membri li għadhom m’adottawx l-euro bħala munita unika (ĠU L 339, 21.12.2001, p. 55).
(7) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/75/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 40).
(8) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/76/KE tat-30 ta’ Jannar 2006 li testendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/75/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, għajnuna u taħriġ għall-protezzjoni tal-Euro kontra l-falsifikazzjoni (il-programm Pericles) (ĠU L 36, 8.2.2006, p. 42).
(9) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/849/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi d-Deċizjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm Pericles) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 28).
(10) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/850/KE tal-20 ta’ Novembru 2006 li testendi għall-Istati Membri li m’humiex parteċipanti l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2006/849/KE li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2001/923/KE li tistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar (il-programm Pericles) (ĠU L 330, 28.11.2006, p. 30).
(11) Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).
(12) Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(13) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(14) Serje ta’ Trattati tal-Lega tan-Nazzjonijiet Nru 2623 (1931), p. 372.
(15) Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(16) Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
ANNESS
Allokazzjoni indikattiva tal-fondi għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8(2)
Fil-pakkett finanzjarju għall-programm kif stipulat fl-Artikolu 9, minimu ta’ 90 % tal-baġit għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet eliġibbli li ġejjin elenkati fl-Artikolu 8(2):
— |
Skambju u tixrid ta’ informazzjoni; |
— |
Assistenza teknika, xjentifika u operazzjonali; |
— |
Għotjiet għall-finanzjament ta’ xiri ta’ tagħmir li jkun maħsub biex jintuża minn awtoritajiet speċjalizzati kontra l-iffalsifikar. |