Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31983L0513

    Id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Settembru 1983 dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju

    ĠU L 291, 24.10.1983, p. 1–8 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/12/2012; Imħassar b' 32008L0105

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1983/513/oj

    31983L0513



    Official Journal L 291 , 24/10/1983 P. 0001 - 0008
    Spanish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0131
    Portuguese special edition Chapter 15 Volume 4 P. 0131
    Finnish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0140
    Swedish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0140


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tas-26 ta’ Settembru 1983

    dwar il-limitu ta’ valuri u objettivi ta’ kwalità għall-iskariku tal-kadmju

    (83/513/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva 76/464/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċertu sustanzi perikolużi li jintremew fl-ambjent akwatiku tal-Komunità [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 12 ta’ din,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [4],

    Billi, biex jiġi protett l-ambjent akwatiku tal-Komunità mit-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE jintroduċi sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tistabbilixxi standards ta’ skariku tas-sustanzi msemmija fil-Lista I fl-Anness ta’ din; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva msemmija jistabbilixxi l-valuri ta’ limitu li għandhom jiġu stabbiliti għal dawn l-i standards ta’ skariku, kif ukoll l-għanijiet ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku affettwat bl-iskariku ta’ dawn is-sustanzi;

    Billi l-kadmju u l-komposti tiegħu huma inklużi fil-Lista I;

    Billi l-Istati Membri huma mitluba biex japplikaw il-valuri ta’ limitu, bl-eċċezzjoni ta’ każi fejn dawn jistgħu japplikaw għanijiet ta’ kwalità;

    Billi, peress li t-tniġġis ikkawżat mill-iskariku ta’ kadmju fl-ilma jiġi kkawżat minn numru kbir ta’ industriji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu speċifiċi in konformità mat-tip ta’ l-industrija kkonċernata, u li jiġu stabbiliti għanijiet ta’ kwalità għall-ambjent akwatiku li fih il-kadmju jintrema minn dawn l-industriji;

    Billi, pero’, fil-preżent mhuwiex possibbli li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu għal skariku li ġejja mill-manifattura ta’ aċtu fosforiku u fertilizzant fosfatiku minn blat fosfatiku;

    Billi l-objettiv ta’ l-għanijiet ta’ kwalità għandu jkun li jelimina t-tniġġis tal-kadmju mid-diversi partijiet ta’ l-ambjent akwatiku li jistgħu jkunu affettwati bl-iskariku tal-kadmju;

    Billi dawn l-għanijiet ta’ kwalità għandhom ikunu stabbiliti espressament għal dan l-għan u mhux bl-intenzjoni li jistabbilixxu regoli għall-protezzjoni tal-konsumatur jew għat-tmexxija ta’ prodotti fis-suq mill-ambjent akwatiku;

    Billi għandha tiġi stabbilità proċedura speċifika ta’ sorveljanza biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaraw li l-għanijiet ta’ kwalità jkunu qed jiġu mħarsa;

    Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għas-sorveljanza mill-Istati Membri ta’ l-ambjent akwatiku affettwat bl-iskariku tal-kadmju msemmi fuq, bl-intenzjoni li jkun hemm implimetazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE ma jipprovdix poteri biex tiġi introdotta din is-sorveljanza; billi, peress li l-poteri speċifiċi ma ġewx stabbiliti fit-Trattat, l-Artikolu 235 ta’ dan għandu jkun applikat;

    Billi huwa importanti li l-Kummissjoni tgħaddi lill-Kunsill, kull ħames snin, stima komparattiva ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri;

    Billi, peress li l-ilma ta’ taħt l-art huwa s-suġġett tad-Direttiva 80/68/KEE [5], dan huwa eskluż mill-iskop ta’ din id-Direttiva;

    Billi l-livell ta’ l-industrijalizzazzjoni huwa baxx ħafna fi Greenland minħabba s-sitwazzjoni ġenerali ta’ dik il-gżira, u b’mod speċjali l-fatt li ma tantx hija popolata, il-qies konsiderevoli tagħha, kif ukoll il-pożizzjoni ġeografika tagħha; billi, għalhekk, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal Greenland,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva:

    - in konformità ma’ l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-valuri ta’ limitu għall-standards ta’ skariku ta’ kadmju li jintrema minn impjanti industrijali, hekk kif deskritt fl-Artikolu 2(e) ta’ din,

    - in konformità ma’ l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-għanijiet ta’ kwalità għall-kadmju fl-ambjent akwatiku,

    - f’konformità ma’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-limitu ta’ żmien għal konformità mal-kondizzjonijiet speċifikati fl-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fejn jidħol skariku eżistenti,

    - in konformità ma’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, tistabbilixxi l-metodi ta’ referenza biex jitkejjel il-kontenut ta’ kadmju li jintrema u li jkun hemm fl-ambjent akwatiku,

    - in konformità ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, twaqqaf proċedura ta’ sorveljanza,

    - titlob lill-Istati Membri biex jikooperaw ma’ xulxin fil-każ ta’ skariku li taffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stati Membru wieħed.

    2. Din id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/464/KEE bl-eċċezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art.

    Artikolu 2

    Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a) "kadmju" tfisser:

    - l-element kimiku magħruf bħala kadmju,

    - il-kadmju li jkun jinsab f’xi wieħed mill-komposti tiegħu;

    (b) "valuri ta’ limitu" tfisser il-valuri speċifikati fl-Anness I;

    (ċ) "għanijiet ta’ kwalità" tfisser il-kriterji speċifikati fl-Anness II;

    (d) "immaniġġjar ta’ kadmju" tfisser kull proċess industrijali li jinvolvi l-użu jew il-produzzjoni tal-kadmju, jew kull proċess ieħor li fih il-preżenza ta’ kadmju hija inerenti;

    (e) "Impjant industrijali" tfisser kull impjant li fih il-kadmju jew xi sustanza oħra li jkun fiha l-kadmju tkun immaniġġjata;

    (f) "impjant eżistenti" tfisser impjant industrijali li jkun jaħdem fid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva;

    (g) "impjant ġdid" tfisser:

    - impjant industrijali li jkun beda jopera wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva,

    - impjant industrijali li l-kapaċità ta’ l-ipproċessar tal-kadmju tkun żdiedet sostanzjalment wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1. Il-valuri ta’ limitu, il-limiti ta’ żmien li fihom dawn għandhom jiġu osservati u l-proċeduri ta’ sorveljanza dwar l-iskariku huma stabbiliti fl-Anness I.

    2. Il-valuri ta’ limitu normalment għandhom japplikaw fil-punt fejn l-ilma maħmuġ li jkun fih il-kadmju iħalli l-impjant industrijali.

    Meta l-ilma mniġġes li jkun fih il-kadmju jiġi ttrattat barra l-impjanti industrijali f’impjant ta’ trattament maħsub għall-eliminazzjoni tal-kadmju, l-Istati Membri jistgħu jħallu l-valuri ta’ limitu biex jiġu applikati fil-punt fejn l-ilmijiet imniġġsa jħallu l-impjant tat-trattament.

    3. L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE għandu jkollhom dispożizzjonijiet stretti daqs dawk li hemm fl-Anness I għal din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni fejn Stat Membru jkun qed jikkonforma ruħu ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE fuq il-bażi ta’ l-Annessi II u IV ta’ din id-Direttiva.

    L-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu rriveduti għal ta’ lanqas darba kull erba’ snin.

    4. Mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet tagħhom li jinsabu fil-paragrafi 1, 2 u 3 u għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni għal impjanti ġodda biss jekk dawk l-impjanti japplikaw il-standards ta’ kwalità li jikkorrispondu għall-aħjar mezzi tekniċi disponibbli meta dak ikun neċessarju għall-eliminazzjoni tat-tniġġis fin konformità ma’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva msemmija, jew għall-prevenzjoni ta’ distorzjoni ta’ kompetizzjoni.

    Kwalunkwe metodu li l-Istat Membru jadotta, għandu, fejn għal raġunijiet tekniċi l-miżuri maħsuba ma jkunux jikkorrispondu ma’ l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, jipprovdi lill-Kummissjoni, qabel kull awtorizzazzjoni, b’evidenza li ssostni dawn ir-raġunijiet.

    Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-evidenza lill-Istati Membri l-oħra immedjatament u għandha tibgħat lill-Istati Membri kollha rapport kemm jista’ jkun malajr li fih tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu. Jekk ikun meħtieġ, fl-istess ħin għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill.

    5. Il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi li għandu jintuża biex jistabbilixxi l-preżenza ta’ kadmju huwa mogħti fl-Anness III (1). Metodi oħra jistgħu jintużaw, basta li l-limiti ta’ kixfa, preċiżjoni u eżattezza ta’ dawn il-metodi jkunu tajbin daqs dawk stabbiliti fl-Anness III (1). L-eżattezza meħtieġa fil-kejl ta’ skariku hija mogħtija fl-Anness III (2).

    Artikolu 4

    L-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu responsabbli għas-sorveljanza ta’ l-ambjent akwatiku affettwat minn skariku ta’ skart industrijali.

    Fil-każ ta’ tniġġis li jaffettwa l-ilmijiet ta’ aktar minn Stati Membru wieħed, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikooperaw bejniethom biex jarmonizzaw il-proċeduri ta’ sorveljanza.

    Artikolu 5

    1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima komparattiva ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tingħatalha minn għandhom skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 76/464/KEE fuq it-talba tagħha, li hija għandha tissottometti każ b’każ.. L-informazzjoni kkonċernata għandha, b’mod partikolari, tikkomprendi:

    - dettalji ta’ l-awtorizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-i standards ta’ skariku tal-kadmju,

    - ir-riżultati ta’ l-inventarju tal-kadmju mormi fl-ilmijiet msemmija fl-Artikolu 1(2),

    - ir-riżultati tal-qisien li jkunu saru min-network nazzjonali mwaqqaf apposta biex jistabbilixxi il-konċentrazzjonijiet ta’ kadmju.

    2. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-istima msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kunsill kull ħames snin, u għal ewwel darba erba’ snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva.

    3. Fil-każ li jkun hemm bidla fl-għarfien xjentifiku li jittratta prinċipalment fuq it-tossiċità, il-persistenza u l-akkumulazzjoni tal-kadmju fi ħlejjaq ħajjin u alluvium, jew fil-każ li jkun hemm żvilupp fl-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill bl-iskop li tinforza, jekk ikun hemm il-bżonn, il-valuri ta’ limitu kif ukoll l-għanijiet ta’ kwalità, jew li tistabbilixxi valuri ta’ limiti ġodda jew għanijiet ta’ kwalità ġodda.

    Artikolu 6

    1. L-Istati Membri għandhom ipoġġu fis-seħħ il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva fi żmien sentejn wara n-notifika tagħha. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam ikkontrollat b’din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva ma tapplikax għall-Groenlandja.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Settembru 1983.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. Simitis

    [1] ĠU L 129, tat-18.5.1976, p. 23.

    [2] ĠU C 118, tal-21.5.1981, p. 3.

    [3] ĠU C 334, ta’ l-20.12.1982, p. 138.

    [4] ĠU C 230, ta’ l-10.9.1981, p. 22.

    [5] ĠU L 20, tas-26.1.1980, p. 43.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    Valuri ta’ limitu, limiti ta’ żmien iffissati biex jikkonformaw ma’ dawn il-proċeduri ta’ valuri ta’ sorveljanza li għandhom japplikaw għal skariku ta’ tniġġis

    1. Valuri ta’ limitu u limiti ta’ żmien

    Settur industrijali | Unitajiet ta’ kejl | Valuri ta’ limitu li għandhom jiġu osservati mill– |

    ta’ l- 1.1.1986 | ta’ l- 1.1.1989 |

    1.tħaffir għaż-żingu, irfinar taċ-ċomb u ż-żingu, u l-industrija ta’ metalli li ma fihomx ħadid | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,3 | 0,2 |

    2.Manifattura ta’ komposti ta’ kadmju | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,5 | 0,2 |

    Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat | 0,5 | |

    3.Manifattura ta’ żebgħa | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,5 | 0,2 |

    Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat | 0,3 | |

    4Manifattura ta’ stabilizzanti | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,5 | 0,2 |

    Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat | 0,5 | |

    5.Manifattura ta’ batteriji primarji u sekondarji | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,5 | 0,2 |

    Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat | 1,5 | |

    6.Electroplating | Milligrammi ta’ kadmju għal kull litru ta’ skariku | 0,5 | 0,2 |

    Grammi ta’ kadmju mormi għal kull kilogramm ta’ kadmju użat | 0,3 | |

    7.Manifattura ta’ aċtu fosforiku u/jew fertilizzant fosfatiku minn blat fosfatiku | | – | – |

    2. Valuri ta’ limitu espressi bħala konċentrazzjonijiet, li fil-prinċipju m’għandhomx jinqabżu, huma mogħtija fit-tabella fuq għas-setturi industrijali fis-sezzjonijiet 2, 3, 4, 5 u 6. Fl-ebda ċirkostanza m’għandhom dawn il-valuri ta’ limitu jkunu, espressi bħala konċentrazzjonijiet massimi, akbar minn dawk espressi bħala kwantitajiet massimi divisi bil-kriterji ta’ l-ilma għal kull kilogramm ta’ kadmju mmaniġġjat. Iżda, peress li l-konċentrazzjoni ta’ kadmju fl-iskariku ta’ tniġġis tiddependi fuq il-volum ta’ ilma użat, li jkun differenti għal proċessi u impjanti differenti, il-valuri ta’ limitu, espressi f’termini tal-kwantità ta’ kadmju mormi meta mqabbel mal-kwantità tal-kadmju mmaniġġjat, murija fit-tabella ta’ fuq għandhom jiġu mħarsa fil-każijiet kollha.

    3. Il-valuri ta’ limitu medji ta’ kuljum ikunu d-doppju tal-valuri ta’ limitu medji ta’ kull xahar li jikkorrispondu, murija fit-tabella ta’ fuq.

    4. Għandha titwaqqaf proċedura ta’ sorveljanza biex tivverifika jekk l-skariku ta’ tniġġis ikunux jikkonformaw ma’ l-i standards ta’ skariku li jkunu ġew iffissati skond il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’dan l-Anness.

    Din il-proċedura għandha tipprovdi għat-teħid u l-analiżi ta’ kampjuni, kif ukoll għall-kejl ta’ skariku ta’ tniġġis u l-kwantità ta’ kadmju mmaniġġjat.

    Jekk il-kwantità ta’ kadmju mmaniġġjata tkun impossibbli li tiġi stabbilita, il-proċedura ta’ sorveljanza tista’ tiġi bbażata fuq il-kwantità ta’ kadmju li jista’ jintuża fid-dawl tal-kapaċità tal-produzzjoni li fuqha l-awtorizzazzjoni kienet ibbażata.

    5. Għandu jittieħed kampjun rappreżentattiv ta’ l-iskariku fuq perjodu ta’ 24 siegħa. Il-kwantità ta’ kadmju li tkun intremiet f’xahar għandu tiġi kkalkulata fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ kadmju li jintremew ta’ kuljum.

    Iżda, proċedura ta’ sorveljanza aktar simplifikata tista’ tiġi stabbilità fil-każ ta’ impjant industrijali li ma jkunx jarmi aktar minn 10 kg ta’ cadmium fis-sena. Fil-każ ta’ impjanti industrijali ta’ l-electroplating, proċedura ta’ sorveljanza aktar simplifikata tista’ tiġi stabbilità biss jekk il-volum totali ta’ tankijiet ta’ l-electroplating ikunu anqas minn 1,5 m3.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    Għanijiet ta' kwalità

    Għal dawk l-Istati Membri li japplikaw l-eċċezzjoni msemmija fl-L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-i standards ta' skariku, li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jiżguraw li jiġu applikati in konformità ma’ l-L-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu ffissati biex l-għanijiet xierqa ta' kwalità, jew għanijiet minn fost dawk imniżżla hawn taħt, ikun jew ikunu mħarsa fiż-żona affettwata mill-iskariku tal-kadmju. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi ż-żona affettwata f'kull każ u għandha tagħżel minn fost l-għanijiet ta' kwalità msemmija fil-paragrafu 1, l-għan jew l-għanijiet li hija tikkunsidra bħala xierqa, waqt li tikkunsidra l-użu taż-żona affettwata, kif ukoll il-fatt li l-għan ta' din id-Direttiva huwa li jelimina t-tniġġis kollu.

    1. L-għanijiet ta' kwalità li ġejjin [1], li għandhom jitkejlu qrib kemm jista’ jkun fejn issir l-iskariku, għandhom ikunu ffissati, bl-iskop li jiġi eliminat it-tniġġis fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 76/464/KEE u skond l-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva [2]:

    1.1. Il-konċentrazzjoni totali ta' kadmju fl-ilma tal-wiċċ fl-inħawi ta' ġewwa affettwat minn skariku m'għandhiex teċċedi aktar minn 5μg/litru.

    1.2. Il-konċentrazzjoni ta' kadmju maħlul fl-ilmijiet ta' l-estwarji milquta mill-skariku m'għandhiex teċċedi l-5 μg/litre.

    1.3. il-konċentrazzjoni ta' kadmju li jkun inħall fl-ibħra territorjali u fl-ibħra kostali interni, barra minn ilmijiet ta' l-estwarji, affettwati minn skariku m'għandhiex teċċedi l-2,5 μg/litru.

    1.4. Fil-każ ta' ilmijiet użati għall-astrazzjoni ta' ilma tax-xorb, il-kontenut ta' kadmju irid jikkonforma mal-kriterji tad-Direttiva 75/440/KEE [3].

    2. Barra minn dawn il-kriterji t'hawn fuq, il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju għandhom jiġu stabilitti min-network nazzjonali msemmi fl-Artikolu 5 u r-riżultati għandhom ikunu pparagunati mal-konċentrazzjonijiet li ġejjin [4]:

    2.1. Fil-każ ta' ilma tal-wiċċ fl-inħawi ta' ġewwa, irid ikun hemm konċentrazzjoni totali ta' kadmju ta' 1 μg/litru.

    2.2. Fil-każ ta' ilmijiet ta' estwarji, irid ikun hemm konċentrazzjoni ta' kadmju maħlul ta' 1 μg/litru.

    2.3. Fil-każ ta' ilmijiet territorjali u ilmijiet kostali interni, barra minn ilmijiet ta' estwarji, irid ikun hemm konċentrazzjoni ta' kadmju maħlul ta' 0,5 μg/litru.

    Jekk dawn il-konċentrazzjonijiet ma jkunux imħarsa f'wieħed mill-postijiet indikati fuq in-network nazzjonali, ir-raġunijiet għandhom jiġu rappurtati lill-Kummissjoni.

    3. Il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju f'depożiti u/jew frott tal-baħar, possibilment ta' l-ispeċi Mytilus edulis, m'għandhomx jiżdiedu b'mod sinifikanti maż-żmien.

    4. Fejn diversi għanijiet ta' kwalità jkunu mogħtija għal ilmijiet f'żona partikolari, il-kwalità ta' l-ilmijiet għandha tkun konformi b’mod suffiċjenti ma’ kull wieħed minn dawk l-objettivi.

    [1] Il-konċentrazzjonijiet ta' kadmju indikati f'1.1, 1.2 u 1.3 huma l-kriterji minimi neċessarji biex tiġi protetta l-ħajja akkwatika.

    [2] Bl-eċċezzjoni għall-għan ta' kwalità 1.4, il-konċentrazzjonijiet kollha jirreferu għall-medja aritmetika tar-riżultati miksuba fi żmien sena.

    [3] Id-Direttiva 75/440/KEE tikkonċerna l-kwalità meħtieġa ta' ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26). Hija tipprovdi għal valur ta' kadmju obbligatorju ta' 5μg/litru, fuq il-bażi ta' 95 % tal-kampjuni li jkunu ttieħdu.

    [4] Bl-eċċezzjoni għall-għan ta' kwalità 1.4, il-konċentrazzjonijiet kollha jirreferu għall-medja aritmetika tar-riżultati miksuba fi żmien sena.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS III

    Metodi ta’ referenza ta’ kejl

    1. Il-metodu ta’ referenza ta’ analiżi użat biex jistabbilixxi l-kontenut ta’ kadmju fl-ilma, f’depożiti u fi frott tal-baħar huwa dak magħruf bħala atomic absorption spectrophotometry. Dan il-metodu jista’ jsir wara l-preservazzjoni u t-trattament adattat tal-kampjun.

    Il-limiti ta’ determinazzjoni [1] għandhom ikunu tali li l-konċentrazzjoni ta’ kadmju tkun tista’ titkejjel bi preċiżjoni [2] ta’ ± 30 % u għal preċiżjoni [3] ta’ ± 30 % b’dawn il-konċentrazzjonijiet li ġejjin:

    - fil-każ ta’ skariku, wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni massima ta’ kadmju permessa speċifikata fl-awtorizzazzjoni,

    - fil-każ ta’ ilma tal-wiċċ, 0,1 μg/litru jew wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni ta’ kadmju speċifikata fl-għan ta’ kwalità, liema minnhom ikun l-akbar,

    - fil-każ ta’ frott tal-baħar, 0,1 mg/kg, toqol imxarrab,

    - fil-każ ta’ depożiti, wieħed minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni ta’ kadmju fil-kampjun jew 0,1 mg/kg, toqol xott, fejn l-inxif ikun sar bejn 105 u 110 oC b’toqol kostanti, liema valur minnhom ikun l-akbar.

    2. Il-kejl ta’ l-iskariku għandu jsir għal eżattezza ta’ ± 20 %.

    [1] Id-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini huma mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1979 dwar il-metodi ta’ kejl u l-frekewenzi ta’ kemm jittieħdu kampjuni u ta’ analiżi ta’ l-ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    [2] Id-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini huma mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1979 dwar il-metodi ta’ kejl u l-frekewenzi ta’ kemm jittieħdu kampjuni u ta’ analiżi ta’ l-ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    [3] Id-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini huma mogħtija fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1979 dwar il-metodi ta’ kejl u l-frekewenzi ta’ kemm jittieħdu kampjuni u ta’ analiżi ta’ l-ilma tal-wiċċ maħsub għax-xorb mill-bniedem fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS IV

    Proċedura ta’ sorveljanza għall-għanijiet ta’ kwalità

    1. Għal kull awtorizzazzjoni li tkun ingħatat in konformità ma’ din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-restrizzjonijiet, il-proċedura ta’ sorveljanza u l-limiti ta’ żmien biex jiżguraw konformità mal-għanijiet ta’ kwalità kkonċernati.

    2. In konformità ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri għandhom, għal kull għan ta’ kwalità li huma jagħżlu u japplikaw, jirrappurtaw lill-Kummissjoni, fuq:

    - il-post fejn issir l-iskariku u l-mezzi li jintużaw fit-tixrid,

    - iż-żona li fiha l-għan ta’ kwalità jkun applikat,

    - il-post fejn ikunu ttieħdu l-kampjuni,

    - il-frekwenza ta’ kemm ittieħdu kampjuni,

    - il-metodi ta’ kif ittieħdu l-kampjuni u kif dawn ġew imkejla,

    - ir-riżultati miksuba.

    3. Il kampjuni għandhom ikunu suffiċjentement rappreżentattivi tal-kwalità ta’ l-ambjent akwatiku fiż-żona milquta mill-skariku, u l-frekwenza ta’ kemm jittieħdu kampjuni għandha tkun suffiċjenti biex turi xi tibdiliet fl-ambjent akwatiku, waqt li tikkunsidra, b’mod partikolari, il-varjazzjonijiet naturali fir-reġim idroloġiku.

    --------------------------------------------------

    Top