Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31982L0176

    Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1982 dwar il-valuri ta’ limitu u l-objettivi tal-kwalità għall-iskariki ta’ merkurju mill-industrija ta’ l-elettrosi tal-kloruri alkalini

    ĠU L 81, 27.3.1982, p. 29–34 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/12/2012; Imħassar b' 32008L0105

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1982/176/oj

    31982L0176



    Official Journal L 081 , 27/03/1982 P. 0029 - 0034
    Spanish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0142
    Portuguese special edition Chapter 15 Volume 3 P. 0142
    Finnish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0211
    Swedish special edition: Chapter 15 Volume 3 P. 0211


    Id-Direttiva tal-kunsill

    tat-22 ta’ Marzu 1982

    dwar il-valuri ta’ limitu u l-objettivi tal-kwalità għall-iskariki ta’ merkurju mill-industrija ta’ l-elettrosi tal-kloruri alkalini

    (82/176/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 100 u 235 tiegħu,

    Wara li kunsidra d-Direttiva 76/464/KEE ta’ l-4 ta’ Mejju 1976 dwar it-tniġġis ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi skarikati fl-ambjent akwatiku tal-Komunità [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

    Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

    Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

    Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

    Billi, sabiex jipproteġi l-ambjent akwatiku tal-Komunità mit-tniġġis b’ċerti sustanzi perikolużi, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE jipprovdi għal sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li tistabbilixxi l-livelli ta’ l-emissjoni għall-iskariki tas-sustanzi fil-Lista 1 fl-Anness ta’ din id-Direttiva; billi l-Artikolu 6 ta’ l-istess Direttiva jipprovdi li valuri ta’ limitu għandhom jiġu stabbiliti għal dawn il-livelli ta’ l-emissjoni, kif ukoll għal objettivi tal-kwalità għall-ambjent akwatiku milqut minn dawn is-sustanzi;

    Billi l-Lista I tinkludi l-merkurju u l-komposti tiegħu;

    Billi l-Istati Membri meħtieġa japplikaw il-valuri ta’ limitu ħlief f’dawk il-każijiet fejn jistgħu japplikaw l-objettivi tal-kwalità;

    Billi t-tniġġis mill-iskariku tal-merkurju fl-ilma huwa kawżat, fil-biċċa l-kbira, mill-elettrolisi tal-kloruri alkalini, valuri ta’ limitu għandhom l-ewwelnett jiġu stabbiliti għal din l-industrija kif ukoll objettivi tal-kwalità għall-ambjent akwatiku fejn il-merkurju jiġi skarikat minn din l-industrija; billi dawn l-iskariki għalhekk jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel;

    Billi l-iskop ta’ dawn l-objettivi tal-kwalità għandu jkun l-eliminazzjoni tat-tniġġis mill-merkurju mid-diversi partijiet ta’ l-ambjent akwatiku li jistgħu jiġu milquta mill-iskariki tal-merkurju mill-industrija ta’ l-elettrolisi tal-kloruri alkalini;

    Billi dawn l-objettivi tal-kwalità għandhom jiġu stabbiliti b’mod definit għal dan l-iskop u mhux bl-intenzjoni li jiġu stabbiliti regoli marbutin mal-protezzjoni tal-konsumatur jew mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-ambjent akwatiku;

    Billi għandha titwaqqaf proċedura speċifika ta’ moniteragg sabiex tgħin lill-Istati Membri juru li l-objettivi tal-kwalità qegħdin jiġu mħarsa;

    Billi l-applikazzjoni effikaċi ta’ din id-Direttiva teħtieġ dispożizzjonijiet għall-moniteragg mill-Istati Membri ta’ l-ambjent akwatiku milqut mill-iskariki tal-merkurju msemmija; billi l-Artikolu 6 tad-Direttiva 76/464/KEE ma’ jipprovdix is-setgħa sabiex jiġi introdott dan il-moniteragg; billi, minħabba li s-setgħa meħtieġa għall-azzjoni mhix ipprovduta fit-Trattat, l-Artikolu 235 tiegħu għandu jiġi invokat;

    Billi huwa importanti li, kull ħames snin, il-Kummissjoni tgħaddi lill-Kunsill stima komparattiva ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri;

    Billi, minħabba li l-ilma ta’ taħt l-art huwa s-suġġett ta’ Direttiva speċifika, huwa eskluż mill-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva:

    - tistabbilixxi, skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, il-valuri ta’ limitu għall-livelli ta’ emissjoni ta’ merkurju fl-iskariki mill-impjanti industrijali definiti fl-Artikolu 2 punt (d) tad-Direttiva preżenti,

    - tistabbilixxi, skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-objettivi tal-kwalità għall-merkurju fl-ambjent akwatiku,

    - tistabbilixxi, skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 76/464/KEE, il-limiti taż-żmien għall-konformità mal-kondizzjonijiet ta’ l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-każ ta’ skariki eżistenti,

    - tistabbilixxi, skond l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 76/464/KEE, il-metodi ta’ referenza tal-kejl sabiex jista’ jiġi kkalkolat il-kontenut tal-merkurju fl-iskariki u fl-ambjent akwatiku,

    - tistabbilixxi, skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, proċedura ta’ moniteragg,

    - teħtieġ li l-Istati Membri jikkoperaw ma’ xulxin fil-każ ta’ skariki li jolqtu l-ilmijiet ta’ aktar minn Stat Membru wieħed.

    2. Din id-Direttiva tapplika għall-ilmijiet riferiti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 76/464/KEE minbarra għall-ilma ta’ taħt l-art.

    Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

    (a) "il-merkurju" ifisser:

    - il-merkurju bħala element kimiku,

    - il-merkurju f’kull wieħed mill-komposti tiegħu;

    (b) "il-valuri ta’ limitu" ifissru:

    il-valuri speċifikati fl-Anness I;

    (ċ) "l-objettivi tal-kwalità" ifissru:

    il-ħtiġiet speċifikati fl-Anness II;

    (d) "impjant industrijali" ifisser:

    impjant fejn il-kloruri alkalini jiġu elettrolizzati permezz ta’ ċelloli tal-merkurju;

    (e) "impjant eżistenti" ifisser:

    - impjant industrijali li jkun jopera fid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva;

    (f) "impjant ġdid" ifisser:

    - impjant industrijali li jibda jopera wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva;

    - impjant industrijali eżistenti b’ kapaċità għall-elettrolisi tal-kloruri alkalini permezz taċ-ċelloli tal-merkurju li tkun żdiedet b’mod sostanzjali wara d-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1. Il-valuri ta’ limitu, il-limiti taż-żmien għall-konformità magħhom u l-proċedura tal-moniteragg ta’ l-iskariki huma stabbiliti fl-Anness I.

    2. L-awtorizzazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 76/464/KEE irid ikollhom dispożizzjonijiet stretti għall-inqas daqs dawk fl-Anness I tad-Direttiva preżenti, minbarra f’dawk il-każijiet fejn Stat Membru jkun konformi ma’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE fuq il-bażi tal-Annessi II u IV tad-Direttiva preżenti.

    L-awtorizzazzjonijiet għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid mill-anqas kull erba’ snin.

    3. Bla ħsara għall-obligazzjonijiet tagħhom skond il-paragrafi 1 u 2 u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet għal impjanti ġodda fil-każ biss li dawn l-awtorizzazzjonijiet jinkludu referenza għall-istandards li jikkorispondu ma’ l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli biex ma jsirux skariki ta’ merkurju.

    Fejn għal raġunijiet tekniċi l-miżuri maħsuba ma’ jkunux jikkonformaw ma’ l-aħjar mezzi tekniċi disponibbli, l-Istat Membru, b’mod indipendenti mill-metodu li jadotta, għandu qabel kull awtorizzazzjoni jipprovdi lill-Kummissjoni l-ġustifikazzjonijiet għal dawn ir-raġunijiet.

    Fi żmien tliet xhur, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Istati Membri fejn tagħti l-opinjoni tagħha dwar id-deroga koperta fit-tieni subparagrafu.

    4. Il-metodu ta’ l-analiżi ta’ referenza li jiddetermina l-preżenza tal-merkurju jinsab fl-Anness III.1. Jistgħu jintużaw metodi oħra jekk il-limiti tat-tkixxif, il-preċiżjoni u l-akkuratezza ta’ dawn il-metodi jkunu minn ta’ l-inqas tajbin daqs dawk stabbiliti fl-Anness III.1. L-akkuratezza meħtieġa fil-kejl tal-fluss hija speċifikata fl-Anness III.2.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri konċernati għandhom ir-responsabbiltà għall-moniteragg ta’ l-ambjent akwatiku milqut mill-iskariki industrijali.

    F’każ ta’ skariki li jolqtu l-ilmijiet ta’ diversi Stati Membri, l-Istati Membri konċernati għandhom jikkoperaw bl-għan li jarmonizzaw il-proċeduri tal-moniteragg.

    Artikolu 5

    1. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri fuq it-talba tagħha li għandha tissottometti f’kull każ, skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 76/464/KEE, u b’mod partikolari dak li jikkonċerna:

    - d-dettalji ta’ l-awtorizzazzjonijiet li jistabbilixxu l-livelli ta’emissjoni għall-iskariki tal-merkurju,

    - r-riżultati tal-kejl magħmul min-network nazzjonali mwaqqfa sabiex tistabbilixxi l-konċentrazzjonijiet tal-merkurju,

    il-Kummissjoni għandha tagħmel stima komparattiva ta’ l-implimentazzjoni tad-Direttiva preżenti mill-Istati Membri.

    2. Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Kunsill l-istima komparattiva riferita fil-paragrafu 1.

    F’każ ta’ tibdil fl-għarfien xjentifiku relatat prinċiparjament mat-tossiċità, il-persistenza u l-akkumulazzjoni tal-merkurju f’organiżmi ħajjin u fis-sedimenti, jew f’każ li jkun hemm titjib fl-aħjar meżżi tekniċi disponibbli, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti xierqa lill-Kunsill bl-għan li tirrinforza, jekk ikun hemm bżonn, il-valuri ta’ limitu u l-objettivi tal-kwalità.

    Artikolu 6

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1983. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

    2. L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-22 ta’ Marzu 1985.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. Tindemans

    [1] ĠU L 129, tat-18.5.1976, p. 23.

    [2] ĠU C 169, tas-6.7.1979, p. 2.

    [3] ĠU C 341, tal-31.12.1980, p. 24.

    [4] ĠU C 83, tat-2.4.1980, p. 16.

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    Il-valuri ta’ limitu, it-temma taż-żmien għall-konformità magħhom, u l-proċeduri tal-monitorjar ta’ l-iskariki

    1. It-tabella li ġejja tindika l-valuri ta’ limitu espressi f’termini ta’ konċentrazzjoni li, bħala prinċipju, m’għandhomx jiġu skorruti.

    Unità ta’ kejl | Valuri ta’ limitu medji għal kull xahar li ma’ għandhomx jiġu skorruti mill-1 ta’ Lulju | Rimarki |

    1983 | 1986 |

    Salmura riċiklata u salmura mitlufa

    Mikrogrammi ta’ merkurju għall kull litru | 75 | 50 | Applikabbli għall-kwantità totali ta’ merkurju preżenti fl-ilma kollu li jkun fih il-merkurju skarikat mis-sit ta’ l-impjant industrijali |

    Fil-każijiet kollha, il-valuri ta’ limitu espressi bħala konċentrazzjonijiet massimi ma’ jistgħux ikunu akbar minn dawk espressi bħala kwantitajiet massimi diviżi bil-ħtiġiet ta’ l-ilma għal kull tunnellata ta’ kapaċità installata għall-produzzjoni tal-klorin

    2. Madankollu, minħabba li l-konċentrazzjoni tal-merkurju fl-iskariki tiddependi mill-volum ta’ l-ilma involut, li jvarja skond il-proċessi u l-impjanti differenti, il-valuri ta’ limitu espressi f’termini ta’ kwantità ta’ merkurju skarikat f’relazzjoni mal-kapaċità installata għall-produzzjoni tal-klorin indikati fit-tabella li ġejja għandhom jiġu osservati f’kull każ.

    Unità ta’ Kejl | Valuri ta’ limitu medji għal kull xahar li ma għandhomx jiġu skorruti mill-1 ta’ Lulju | Rimarki |

    1983 | 1986 |

    Salmura riċiklata

    Grammi ta’ merkurju għal kull tunnellata ta’ kapaċità installata għall-produzzjoni tal-klorin | 0.5 | 0.5 | Applikabbli għall-merkurju preżenti fl-iskariki mill-unità tal-produzzjoni tal-klorin |

    | 1.5 | 1.0 | Applikabbli għall-kwantità totali ta’ merkurju preżenti fl-ilma kollu li jkun fih il-merkurju skarikat mis-sit tal-impjant industrijali |

    Salmura mitlufa

    Grammi ta’ merkurju għal kull tunnellata ta’ kapaċità installata għall-produzzjoni tal-klorin | 8.0 | 5.0 | Applikabbli għall-kwantità totali tal-merkurju preżenti fl-ilma kollu li jkun fih il-merkurju skarikat mis-sit ta’ l-impjant industrijali |

    3. Il-valuri ta’ limitu medji ta’ kuljum huma erba’ darbiet daqs il-valuri ta’ limitu medji korrispondenti għal kull xahar speċifikati fil-punti 1 u 2.

    4. Trid tiġi stabbilità proċedura ta’ moniteragg għall-verifika tal-konformità ta’ l-iskariki ma’ l-livelli ta’ l-emissjoni li ġew stabbiliti skond il-valuri ta’ limitu stabbiliti f’dan l-Anness. Din il-proċedura għandha tipprovdi għal:

    - it-teħid ta’ kuljum ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ l-iskariku fuq perijodu ta’ 24 siegħa u l-kejl tal-konċentrazzjoni tal-merkurju f’ dak il-kampjun, u

    - il-kejl tal-fluss totali ta’ l-iskariku tul dak il-perijodu.

    Il-kwantità ta’ merkurju skarikat matul ix-xahar għandu jiġi kalkulat billi jingħaddu flimkien il-kwantitajiet ta’ merkurju skarikati kuljum matul dak ix-xahar. Dan it-total imbagħad irid jiġi diviż bil-kapaċità installata għall-produzzjoni tal-klorin.

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    Objettivi tal-kwalità

    Għal dawk l-Istati Membri li japplikaw l-eċċezzjoni provduta fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, il-livelli ta' emissjoni li l-Istati Membri jridu jistabbilixxu u jiżguraw li jiġu applikati, skond l-Artikolu 5 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu stabbiliti sabiex l-objettiv jew l-objettivi tal-kwalità xierqa fost dawk elenkati aktar il-quddiem jiġi jew jiġu mħarsa fiż-żona milquta mill-iskariki tal-merkurju mill-industrija ta' l-elettrolisi tal-kloruri alkalini. L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi ż-żona milquta f'kull każ u mill-objettivi tal-kwalità elenkati fil-paragrafu 1 għandha tagħżel l-objettiv jew l-objettivi li jidhrilha li jkun jew ikunu xierqa billi tqis l-użu intenzjonat taż-żona milquta, u wara li tkun ikkonsidrat il-fatt li l-iskop ta' din id-Direttiva huwa li t-tniġġis jiġi eliminat għal kollox.

    1. L-objettivi tal-kwalità li ġejjin huma stabbiliti sabiex jiġi eliminat it-tniġġis definit fid-Direttiva 76/464 KEE, u skond l-Artikolu 2 ta' dik id-Direttiva:

    1.1. Il-konċentrazzjoni ta' merkurju f'kampjun rappreżentattiv ta' laħam tal-ħut magħżul bħala indikatur ma tridx taqbeż iż-0; 3 mg/kg ta' laħam imxarrab.

    1.2. Il-konċentrazzjoni totali ta' merkurju fl-ilma tal-wiċċ il-ġewwa mix-xtut milqut mill-iskariki ma tridx taqbeż il-1 g/1 bħala l-medja aritmetika tar-riżultati miksuba matul is-sena.

    1.3. Il-konċentrazzjoni ta' merkurju maħlul fl-ilma ta' l-estwarji milqut mill-iskariki ma tridx taqbeż iż-0; 5 g/1 bħala l-medja aritmetika tar-riżultati miksuba matul is-sena.

    1.4. Il-konċentrazzjoni ta' merkurju maħlul fl-ilmijiet tal-baħar territorjali u fl-ilmijiet ta' qrib il-kosta apparti l-ilmijiet ta' l-estwarji milquta mill-iskariki ma tridx taqbeż iż-0; 3 mg/1 bħala l-medja aritmetika tar-riżultati miksuba matul is-sena.

    1.5. Il-kwalità ta' l-ilmijiet trid tkun suffiċjenti biex tikkonforma mal-ħtiġiet rigward il-preżenza tal-merkurju ta' kull Direttiva oħra tal-Kunsill li tapplika għal dawn l-ilmijiet.

    2. Il-konċentrazzjoni tal-merkurju fis-sedimenti jew fil-frott tal-baħar bil-qoxra ma jridx jiżdied b'mod sinifikanti biż-żmien.

    3. Fejn diversi objettivi tal-kwalità japplikaw għall-ilmijiet f' żona waħda, il-kwalità ta' l-ilmijet trid tkun suffiċjenti biex tissodisfa kull wieħed minnhom.

    4. Il-valuri fl-għamla numerika ta' l-objettivi tal-kwalità speċifikati f'1.2, f'1.3 u f'1.4, bħala eċċezzjoni u fejn meħtieġ għal raġunijiet tekniċi, jistgħu jiġu mmoltiplikati b'1; 5 sat-30 ta' Ġunju 1986jekk il-Kummissjoni tkun ġiet innotifikata minn qabel.

    --------------------------------------------------

    ANNESS III

    Metodu tal-kejl ta' referenza

    1. Il-metodu ta' referenza għall-analiżi sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tal-merkurju fl-ilmijiet, fil-laħam tal-ħut, fis-sedimenti u fil-frott tal-baħar bil-qoxra huwa permezz ta' l-ispettrofotometrija bl-assorbiment atomiku mingħajr fjamma wara trattament xieraq minn qabel tal-kampjun li jikkonsidra b'mod partikolari il-preossidazzjoni tal-merkurju u r-riduzzjoni suċċessiva tal-joni tal-merkurju Hg (II).

    Il-limiti tat-tkixxif [1] iridu jkunu hekk illi l-konċentrazzjoni tal-merkurju tista' tiġi mkejla b' akkuratezza [2] ta' ± 30 % u bi preċiżjoni [3] ta' ± 30 % f'dawn il-konċentrazzjonijiet li ġejjin:

    - fil-każ ta' skariki, parti minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni massima ta' merkurju permessa, speċifikata fl-awtorizzazzjoni,

    - fil-każ ta' l-ilma tal-wiċċ, parti minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni tal-merkurju speċifikata fl-objettiv tal-kwalità,

    - fil-każ tal-laħam tal-ħut u tal-frott tal-baħar bil-qoxra, parti minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni tal-merkurju speċifikata fl-objettiv tal-kwalità,

    - fil-każ tas-sedimenti, parti minn kull għaxra tal-konċentrazzjoni tal-merkurju fil-kampjun jew 0; 05 mg/kg piż niexef, skond liema ċifra tkun l-akbar.

    2. Il-kejl ta' l-fluss irid isir b'akkuratezza ta' ± 20 %.

    [1] Id-definizzjonijiet ta' dawn it-termini huma dawk speċifikati fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta' Ottubru 1979 li tirrigwarda l-metodi tal-kejl u l-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni u ta' l-analiżi ta' l-ilma tal-wiċċ maħsub għall-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    [2] Id-definizzjonijiet ta' dawn it-termini huma dawk speċifikati fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta' Ottubru 1979 li tirrigwarda l-metodi tal-kejl u l-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni u ta' l-analiżi ta' l-ilma tal-wiċċ maħsub għall-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    [3] Id-definizzjonijiet ta' dawn it-termini huma dawk speċifikati fid-Direttiva tal-Kunsill 79/869/KEE tad-9 ta' Ottubru 1979 li tirrigwarda l-metodi tal-kejl u l-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni u ta' l-analiżi ta' l-ilma tal-wiċċ maħsub għall-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb fl-Istati Membri (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).

    --------------------------------------------------

    ANNESS IV

    Proċedura tal-moniteragg għall-objettivi tal-kwalità

    1. Għal kull awtorizzazzjoni mogħtija skond din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti għandha tispeċifika r-restrizzjonijiet, il-proċedura tal-moniteragg u t-temma taż-żmien sabiex tiġi żgurata l-konformita ma' l-objettiv jew l-objettivi tal-kwalità konċernati.

    2. B'konformità ma' l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 76/464/KEE, l-Istati Membri għandhom jirraportaw lill-Kummissjoni kull objettiv tal-kwalità magħżul u applikat, dwar:

    - il-punti ta' l-iskariku u l-mezzi tat-tixrid,

    - iż-żona fejn l-objettiv tal-kwalità ikun qiegħed jiġi applikat,

    - is-sit tal-punti tat-teħid tal-kampjuni,

    - il-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni,

    - il-metodi użati għat-teħid tal-kampjuni u għall-kejl,

    - ir-riżultati miksuba.

    3. Il-kampjuni jridu jirrappreżentaw tajjeb il-kwalità ta' l-ambjent akwatiku fiż-żona milquta mill-iskariki, u l-frekwenza tat-teħid tal-kampjuni trid tkun biżżejjed biex tindika kull bidla fl-ambjent akwatiku, wara li jitqiesu b'mod partikolari l-varjazzjonijet naturali fis-sistema idroloġika. L-analiżi tal-ħut ta' l-ilma mielaħ trid issir fuq numru ta' kampjuni u speċi li jkun rappreżentattiv biżżejjed.

    4. Rigward l-objettiv tal-kwalità f'1.1 ta' l-Anness II, l-awtorità kompetenti għandha tagħżel dawk l-ispeċi tal-ħut li għandhom jintużaw bħala indikaturi ta' referenza għall-analiżi. Għall-ilma mielaħ l-ispeċi magħżula minn fost dawk li jgħixu fl-ilmijet ta' madwar il-kosta u maqbuda lokalment jistgħu jinkludu l-merluzz, il-merlangu, il-barbun tat-tbajja, il-kavall, il-Melanogrammus aeglefinus u l-barbun ta' l-għain.

    --------------------------------------------------

    Top