EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, it-Trattat tal-KEFA

 

SOMMARJU TA’:

It-Trattat ta’ Pariġi li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA)

X’KIEN L-GĦAN TAT-TRATTAT?

  • Dan stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) li laqqgħet flimkien 6 pajjiżi (il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands) biex jorganizzaw il-moviment ħieles tal-faħam u tal-azzar u biex jilliberaw l-aċċess għal sorsi ta’ produzzjoni.
  • Karatteristika importanti kienet l-istabbiliment ta’ Awtorità Superjuri komuni biex:
    • tissorvelja s-suq;
    • tagħmel monitoraġġ fuq il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni; u
    • tiżgura t-trasparenza tal-prezzijiet.
  • It-Trattat tal-KEFA kien l-oriġini tal-istituzzjonijiet tal-UE kif nafuhom illum. Maħluqa fl-1951, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-KEFA rrappreżentat l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni Ewropea.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

L-għan tat-trattat, kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tiegħu, kien li jikkontribwixxi, permezz tas-suq komuni għall-faħam u tal-azzar, favur l-espansjoni ekonomika, l-impjieg u standards ta’ għajxien aħjar. Għalhekk, l-istituzzjonijiet kellhom jiżguraw provvista ordnata ta’ faħam u azzar lis-suq komuni billi jiżguraw aċċess ugwali għas-sorsi tal-produzzjoni, l-istabbiliment tal-prezzijiet l-iktar baxxi u kondizzjonijiet tax-xogħol imtejba. Dan kollu kellu jkun akkumpanjat mit-tkabbir fil-kummerċ internazzjonali u mill-modernizzazzjoni tal-produzzjoni.

Bil-ħolqien ta’ suq komuni, it-trattat introduċa l-moviment liberu tal-prodotti mingħajr dazji doganali jew taxxi. Dan ipprojbixxa miżuri jew prattiċi diskriminatorji, sussidji, għajnuniet mill-istat jew tariffi speċjali imposti mill-istati u prattiċi restrittivi.

Struttura

It-trattat kien maqsum f’4 titoli:

  • 1.

    il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

  • 2.

    l-istituzzjonijiet tal-Komunità;

  • 3.

    regoli ekonomiċi u soċjali; u

  • 4.

    regoli ġenerali.

Dan inkluda wkoll:

  • 2 protokolli, wieħed dwar il-Qorti tal-Ġustizzja u l-ieħor dwar ir-relazzjonijiet tal-KEFA mal-Kunsill tal-Ewropa, u
  • konvenzjoni dwar ir-regoli tranżitorji, li indirizzat l-implimentazzjoni tat-trattat, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-KEFA u s-salvagwardji ġenerali.

Istituzzjonijiet

It-trattat stabbilixxa Awtorità Superjuri, Assemblea, Kunsill tal-Ministri u Qorti tal-Ġustizzja. Il-KEFA kellha personalità ġuridika.

  • L-Awtorità Superjuri, il-prekursura tal-Kummissjoni Ewropea tal-lum, kienet l-eżekuttiv kolleġjali indipendenti li kellha l-kompitu li tilħaq l-objettivi stipulati fit-trattat u li taġixxi fl-interess ġenerali tal-KEFA. Din kienet tinkludi 9 membri (li minnhom mhux aktar minn 2 setgħu jkunu tal-istess nazzjonalità) maħtura għal 6 snin. Kienet korp tassew supranazzjonali b’setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet. Din issorveljat:
    • il-modernizzazzjoni u t-titjib tal-produzzjoni;
    • il-provvista ta’ prodotti taħt kondizzjonijiet identiċi;
    • l-iżvilupp ta’ politika ta’ esportazzjoni komuni; u
    • it-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol fl-industriji tal-faħam u tal-azzar.

L-Awtorità Superjuri ħadet deċiżjonijiet, għamlet rakkomandazzjonijiet u tat opinjonijiet. Kienet assistita minn Kumitat Konsultattiv (il-prekursur tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-lum) magħmul minn rappreżentanti ta’ produtturi, ħaddiema, konsumaturi u negozjanti.

  • L-Assemblea, il-prekursura tal-Parlament Ewropew, kienet magħmula minn 78 membru, li kienu rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tagħhom. Kien hemm 18 kull wieħed għall-Ġermanja, għal Franza u għall-Italja, 10 għall-Belġju u għan-Netherlands u 4 għal-Lussemburgu. It-trattat assenja setgħa superviżorja lil din l-Assemblea.
  • Il-Kunsill, il-prekursur tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-lum, kien jikkonsisti minn 6 rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali. Il-Presidenza tal-Kunsill kienet tinżamm minn kull pajjiż tal-KEFA tul perjodu ta’ 3 xhur. Ir-rwol tagħha kien li tarmonizza l-attivitajiet tal-Awtorità Superjuri u l-politika ekonomika ġenerali tal-gvernijiet. Kien jenħtieġ l-approvazzjoni tagħha għal deċiżjonijiet importanti meħuda mill-Awtorità Superjuri.
  • Il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prekursura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kienet tikkonsisti minn 7 imħallfin nominati għal 6 snin bi ftehim komuni bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-KEFA. Din kienet tiżgura li t-trattat kien jiġi interpretat u implimentat b’mod korrett.

Kompiti

  • Biex issegwi l-objettivi tagħha, il-KEFA:
    • kienet tiġbor informazzjoni minn kumpaniji u assoċjazzjonijiet tal-faħam u tal-azzar;
    • kienet tikkonsulta mal-partijiet varji (kumpaniji tal-faħam u tal-azzar, ħaddiema, eċċ); u
    • kellha s-setgħat li twettaq kontrolli biex tivverifika l-informazzjoni li kienet taslilha.
  • Meta l-kumpaniji tal-faħam u tal-azzar ma kinux jirrispettaw dawn is-setgħat, l-Awtorità Superjuri setgħet timponi multi (massimu ta’ 1 % tal-fatturat annwali) u ħlasijiet penali (5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum għal kull jum dewmien).
  • Abbażi tal-informazzjoni miġbura, l-Awtorità Superjuri kienet tħejji tbassir biex tiggwida l-attivitajiet ta’ dawk involuti u tiddetermina kif il-KEFA kellha taġixxi. Biex tissupplimenta l-informazzjoni li kienet taslilha minn kumpaniji u assoċjazzjonijiet, il-KEFA kienet twettaq l-istudji tagħha dwar ix-xejriet tal-prezzijiet u l-imġiba tas-suq.

Aspetti ta’ finanzjament

  • Il-baġit tal-KEFA kien iffinanzjat mill-imposti fuq il-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar u bl-ikkuntrattar tas-self. L-imposti kienu maħsuba biex ikopru n-nefqa amministrattiva, l-għajnuna li ma titħallasx lura għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u r-riċerka teknika u ekonomika (li kien jenħtieġ titħeġġeġ). Il-flus li kienu jaslu mis-self setgħu jintużaw biss biex jingħata self.
  • Fil-qasam tal-investiment, minbarra l-għoti ta’ self, il-KEFA setgħet tiggarantixxi self ikkuntrattat minn kumpaniji ma’ partijiet terzi. Il-KEFA kellha wkoll is-setgħa li tagħti gwida dwar investimenti li ma kinitx tiffinanzja.

Produzzjoni

Il-KEFA kellha rwol prinċipalment indirett u sussidjarju permezz ta’ kooperazzjoni mal-gvernijiet u ta’ intervent fir-rigward tal-prezzijiet u tal-politika kummerċjali. Madankollu, f’każi ta’ tnaqqis fid-domanda jew ta’ nuqqas, din setgħet tieħu azzjoni diretta billi timponi kwoti bil-għan li tillimita l-produzzjoni b’mod organizzat jew, għan-nuqqasijiet, billi tfassal programmi ta’ produzzjoni li jiffissaw prijoritajiet ta’ konsum li kienu jiddeterminaw kif ir-riżorsi kellhom jiġu allokati u jiffissaw il-livelli tal-esportazzjoni.

L-iffissar tal-prezzijiet u l-kompetizzjoni

  • It-trattat ipprojbixxa prattiċi li kienu joħolqu preġudizzji skont il-prezz, prattiki kompetittivi inġusti u prattiki diskriminatorji li kienu jinvolvu l-applikazzjoni ta’ kondizzjonijiet differenti għal tranżazzjonijiet komparabbli. Dawn ir-regoli kienu japplikaw ukoll għat-trasport.
  • Barra minn hekk, f’ċerti ċirkostanzi, bħal kriżi evidenti, l-Awtorità Superjuri setgħet tiffissa prezzijiet massimi jew minimi jew fi ħdan il-KEFA jew fir-rigward tas-suq tal-esportazzjoni.
  • Sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-kompetizzjoni ħielsa, l-Awtorità Superjuri kellha tkun infurmata b’kull azzjoni minn pajjiżi tal-KEFA li setgħet tipperikolaha. Barra minn hekk, it-trattat indirizza b’mod speċifiku t-3 każi li setgħu jgħawwġu l-kompetizzjoni:
    • ftehimiet,
    • konċentrazzjonijiet u
    • abbuż minn pożizzjonijiet dominanti.

Il-ftehimiet jew l-assoċjazzjonijiet bejn l-impriżi setgħu jiġu kkanċellati mill-Awtorità Superjuri jekk b’mod dirett jew b’mod indirett kienu jxekklu, jirrestrinġu jew jgħawwġu l-kompetizzjoni normali.

Aspetti tal-ħaddiema

  • Għalkemm il-pagi tal-ħaddiema baqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiżi tal-KEFA, l-Awtorità Superjuri setgħet tintervjeni, taħt ċerti kondizzjonijiet, f’każi ta’ pagi baxxi żżejjed u ta’ tnaqqis anormali fil-pagi.
  • L-Awtorità Superjuri setgħet tagħti għajnuna finanzjarja lil programmi biex tikkumpensa l-effetti negattivi possibbli tal-avvanzi teknoloġiċi fl-industrija fuq il-forza tax-xogħol (kumpensi, benefiċċji u taħriġ vokazzjonali mill-ġdid).
  • F’dak li għandu x’jaqsam mal-moviment tal-ħaddiema tas-sengħa, il-pajjiżi tal-KEFA kellhom ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-impjieg li kienu bbażati fuq in-nazzjonalità. Għall-kategoriji l-oħrajn ta’ ħaddiema, u f’każ ta’ nuqqas ta’ dan it-tip ta’ xogħol, il-pajjiżi ġew mistiedna jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa fir-regoli tal-immigrazzjoni biex jippermettu l-impjieg ta’ ħaddiema minn pajjiżi oħra.

Politika kummerċjali

  • It-trattat ittratta wkoll il-politika kummerċjali tal-KEFA lejn pajjiżi mhux tal-KEFA. Għalkemm is-setgħat tal-gvernijiet nazzjonali baqgħu fis-seħħ, il-KEFA kellha għadd ta’ setgħat bħall-iffissar ta’ rati massimi u minimi għal dazji doganali u s-sorveljanza fuq l-għoti ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni. Il-KEFA kellha wkoll id-dritt li tinżamm infurmata dwar ftehimiet kummerċjali marbuta mal-faħam u mal-azzar.
  • L-Awtorità Superjuri setgħet tintervjeni wkoll fil-każ ta’ dumping, jiġifieri l-użu minn negozji tal-faħam u tal-azzar barra l-ġurisdizzjoni tal-KEFA ta’ mezzi ta’ kompetizzjoni li kienu jmorru kontra t-trattat u żidiet sostanzjali fl-importazzjonijiet li setgħu jheddu serjament il-produzzjoni tal-KEFA.

MINN META BEDA JAPPLIKA T-TRATTAT?

It-trattat beda japplika mill-1952, kien validu għal 50 sena u skada fl-2002. Is-suq komuni maħluq mit-trattat fetaħ fl-10 ta’ Frar 1953 għall-faħam, għall-mineral tal-ħadid u għar-ruttam u fl-1 ta’ Mejju 1953 għall-azzar.

SFOND

  • Qabel l-iskadenza tiegħu, it-trattat ġie emendat f’diversi okkażjonijiet bit-trattati li ġejjin:
  • Meta skada t-Trattat tal-KEFA, ir-regoli dwar is-setturi tal-faħam u tal-azzar ġew integrati fit-trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea, it-Trattat ta’ Ruma.
  • Protokoll dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-iskadenza tat-Trattat tal-KEFA u dwar il-fond tar-riċerka għall-faħam u l-azzar huwa anness mat-Trattat ta’ Nizza. Dan il-protokoll jipprovdi għat-trasferiment tal-assi u tal-obbligazzjonijiet kollha tal-KEFA lejn il-Komunità Ewropea u għall-użu tal-valur nett ta’ dawn l-assi u l-obbligazzjonijiet għar-riċerka fis-setturi marbuta mal-industrija tal-faħam u l-azzar.
  • Xi deċiżjonijiet ta’ Frar 2003 fihom il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-artikoli tal-protokoll, il-linji gwida finanzjarji u l-artikoli marbuta mal-fond tar-riċerka għall-faħam u l-azzar.

DOKUMENT EWLIENI

It-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

l-aħħar aġġornament 11.12.2017



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top