Help Print this page 
Title and reference
Pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Pjan ta’ azzjoni għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija

Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija tixpruna l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea (UE). Hija tkopri l-ippjanar, l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, il-kontroll u t-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ trasport tal-merkanzija.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Pjan ta’ Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija (COM(2007) 607 final tat-18 ta’ Ottubru 2007).

SOMMARJU

Il-loġistika tat-trasport tal-merkanzija tixpruna l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea (UE). Hija tkopri l-ippjanar, l-organizzazzjoni, il-ġestjoni, il-kontroll u t-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ trasport tal-merkanzija.

X’JAGĦMEL IL-PJAN TA’ AZZJONI?

Huwa fih miżuri għal perjodu ta’ żmien qasir sa medju. Huwa wieħed minn serje ta’ inizjattivi ta’ politika li nediet il-Kummissjoni Ewropea bil-għan li ttejjeb l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Merkanzija elettronika: l-użu tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni (ICTs) jista’ jippermetti li l-fluss fiżiku tal-oġġetti jkun akkumpanjat minn fluss elettroniku ta’ informazzjoni mingħajr l-użu ta’ karti.

Ostakoli: ġew identifikati kważi 500 ostakolu, li jvarjaw minn infrastruttura insuffiċjenti għal ostakoli amministrattivi. Dawn jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ taħriġ għall-persunal tas-sengħa, l-użu ta’ indikaturi tal-prestazzjoni u dejta statistika aħjar.

Ktajjen tat-trasport: is-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti amministrattivi permezz tal-użu ta’ dokument wieħed għall-forom kollha tat-trasport u regoli ċari ta’ responsabbiltà tista’ tnaqqas l-ispejjeż u l-burokrazija.

Piżijiet u qisien: Il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi limiti dwar il-piżijiet u l-qisien tal-vetturi. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali għad għandhom ċerta diskrezzjoni fir-rigward ta’ aspetti tal-piż. Reviżjoni tal-leġiżlazzjoni fl-2012 irriżultat fl-adozzjoni ta’ regoli tal-UE riveduti fl-2015. Dawn għandhom l-għan li jtejbu l-ajrudinamika tal-vetturi u l-effiċjenza tagħhom fl-użu tal-enerġija.

Kurituri tat-trasport ekoloġiċi: dawn ir-rotot integrati jippermettu l-merkanzija tiġi ttrasportata b’inqas impatt ambjentali permezz ta’ taħlita ta’ vjaġġi qosra bil-baħar, vjaġġi bil-ferrovija, bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni u permezz tat-teknoloġiji rilevanti (bħall-ICTs użati f’sistemi tat-trasport intelliġenti).

Merkanzija urbana: Il-bliet u l-irħula tal-Ewropa sikwit ikunu d-destinazzjoni għall-merkanzija li tkun ivvjaġġat distanzi twal. L-ippjanar tal-ibliet għandu jieħu dan f’kunsiderazzjoni.

Inizjattivi tal-UE oħrajn relatati jinkludu:

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li tagħmel il-finanzi disponibbli għall-proġetti transkonfinali u għal proġetti ewlenin oħrajn relatati man-netwerks tat-trasport.

Tkabbir Blu li jenfasizza kif it-trasport bil-baħar, li jniġġes inqas mit-trasport fuq l-art, jgħin sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra.

Id-direttiva dwar l-ippjanar spazjali marittimu iżżid il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE f’oqsma bħar-rotot tal-baħar għall-bastimenti.

Il-“Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” jidentifika modi kif jistgħu jitneħħew l-ostakoli ewlenin għat-trasport tal-merkanzija u tan-nies.

SFOND

Huwa stmat li l-industrija tal-loġistika tikkontribwixxi kważi 14% għall-PDG tal-UE. Hija gawdiet minn tkabbir maġġuri fis-snin riċenti, b’mod partikolari fil-kummerċ tal-kontejners. Dan wassal għal konġestjoni f’xi portijiet u żoni tal-madwar.

ATTI RELATATI

White Paper: Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport - Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (COM(2011) 144 finali tat-28 ta’ Marzu 2011).

L-aħħar aġġornament: 26.06.2015

Top