Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Aċċidenti u inċidenti fl-avjazzjoni ċivili

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (UE) Nru 996/2010 — l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza fl-avjazzjoni billi jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ħeffa u kwalità fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili Ewropea.
  • Huwa jistabbilixxi regoli dwar id-disponibbiltà fil-ħin tal-informazzjoni relatata mal-persuni u mal-merkanzija perikoluża kollha abbord l-inġenju tal-ajru involut f’aċċident.
  • Għandu wkoll l-għan li jtejjeb l-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-ajru u l-qraba tagħhom.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’applikazzjoni

  • Dan ir-regolament japplika għal investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti* u inċidenti serji*:
    • li jseħħu fit-territorji tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE);
    • li jseħħu barra t-territorji tal-pajjiżi tal-UE iżda jinvolvu inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiż tal-UE jew li huma operati minn kumpanija stabbilita f’pajjiż tal-UE;
    • fejn pajjiż tal-UE huwa intitolat (skont l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata), li jaħtar rappreżentant akkreditat biex jipparteċipa fl-investigazzjoni;
    • fejn pajjiż tal-UE — li jkollu interess speċjali minħabba l-fatalitajiet jew il-feriti serji liċ-ċittadini tiegħu — ikollu permess mill-pajjiż li jwettaq l-investigazzjoni biex jaħtar espert.
  • Ir-regolament ma japplikax għal investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti u inċidenti serji li jinvolvu inġenji tal-ajru impenjati f’servizzi militari, tad-dwana, tal-pulizija jew simili.

Awtoritajiet indipendenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza (SIAs)

  • Kull pajjiż tal-UE jrid jiżgura li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza dwar aċċidenti u inċidenti serji fl-avjazzjoni ċivili jitwettqu, mingħajr interferenza esterna, minn awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali permanenti (SIA).
  • Kull SIA trid tkun tiffunzjona b’mod indipendenti minn kwalunkwe awtorità jew kull parti oħra li tista’ tkun f’konflitt mal-kompiti tagħha jew tinfluwenza l-oġġettività tagħha.
  • Kull SIA trid tkun kapaċi twettaq investigazzjoni tas-sikurezza kompleta b’mod indipendenti. Il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu lill-SIAs rispettivi tagħhom bil-mezzi u l-finanzi — inkluż baġit — sabiex iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom b’mod indipendenti u jkollhom aċċess għal riżorsi suffiċjenti.
  • B’mod partikolari, l-SIA irid ikollha għad-dispożizzjoni tagħha persunal kwalifikat u faċilitajiet adegwati, inklużi uffiċċji u ħangers, biex tkun tista’ taħżen u teżamina l-inġenju tal-ajru, il-kontenut u l-fdalijiet tiegħu.

L-obbligu ta’investigazzjoni

  • Kull aċċident tal-avjazzjoni ċivili jew inċident serju li jinvolvi inġenju tal-ajru apparti minn dawk speċifikati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 216/2008 irid ikun is-suġġett ta’ investigazzjoni tas-sikurezza fil-pajjiż tal-UE li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-aċċident jew l-inċident serju.
  • L-SIAs jistgħu jiddeċiedu li jinvestigaw inċidenti li ma jissemmewx fil-paragrafu t’hawn fuq, kif ukoll aċċidenti jew inċidenti serji għal tipi oħrajn ta’ inġenji tal-ajru, meta jkunu qed jistennew li jisiltu tagħlim dwar is-sikurezza minnhom.
  • L-investigazzjonijiet tas-sikurezza fl-ebda każ m’għandhom jiddeterminaw it-tort jew responsabbiltà. Dawn iridu jkunu indipendenti, separati minn u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv biex jiddetermina t-tort jew ir-responsabbiltà.

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’investigazzjoni tas-sikurezza

Ir-regolament jippermetti l-kooperazzjoni bejn l-SIAs kif ukoll il-possibbiltà tad-delegazzjoni tal-kompiti.

Netwerk Ewropew ta’Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-settur tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA)

Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-SIAs tagħhom jistabbilixxu fosthomNetwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-settur tal-Avjazzjoni Ċivili (ENCASIA) biex:

  • ikompli jtejjeb il-kwalità tal-investigazzjonijiet magħmula mill-SIAs u jsaħħaħ l-indipendenza tagħhom;
  • jinkoraġġixxi standards għoljin fil-metodi ta’ investigazzjoni u fit-taħrig ta’ investigaturi.

Investigazzjoni

  • Minkejja kwalunkwe investigazzjoni ġudizzjarja, l-investigatur responsabbli għandu l-awtorità li jieħu l-miżuri neċessarji biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-investigazzjoni tas-sikurezza. Fost affarijiet oħrajn, l-investigatur huwa intitolat sabiex:
    • ikollu aċċess immedjat, mhux ristrett u mingħajr xkiel għas-sit tal-aċċident jew tal-inċident kif ukoll għall-inġenju tal-ajru, il-kontenut jew il-fdalijiet tiegħu;
    • jirrikjedi li jinġabru l-evidenza u t-tifrik jew komponenti jitneħħew għall-analiżi;
    • jitlob li jsiru awtopsji u l-eżami mediku tal-persuni involuti fl-operat tal-inġenju tal-ajru;
    • isejjaħ lix-xhieda u jitlobhom jagħtu evidenza.
  • Il-pajjiż tal-UE li fit-territorju tiegħu jkun seħħ aċċident jew inċident serju huwa responabbli biex jiżgura t-trattament sigur u l-protezzjoni tal-evidenza kollha.

Il-koordinazzjoni ma’awtoritajiet oħraj

  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li l-SIAs u awtoritajiet oħra (eż. ġudizzjarji, tal-avjazzjoni ċivili, tat-tiftix u salvataġġ involuti fl-investigazzjoni tas-sikurezza) jikkooperaw ma’ xulxin permezz ta’ arranġamenti avvanzati, u jipprovdu li dawk l-arranġamenti ma jikkompromettux l-indipendenza tal-SIAs.
  • Il-pajjiżi tal-UE jridu jikkomunikaw dawn l-arranġamenti lill-Kummissjoni Ewropea li teħtieġ tibgħathom lill-President tal-ENCASIA, lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kunfidenzjalità u l-użu xieraq tal-informazzjoni

  • Ir-regolament jistabbilixxi lista ta’ rekords li ma jistgħux isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza (eż. ir-reġistrazzjonijiet tar-reġistru tad-data tat-titjira, l-abbozz ta’ rapporti, l-identità tal-persuni li jkunu taw l-evidenza, noti tal-investigaturi).
  • Ir-regoli fir-regolament dwar l-użu kunfidenzjali tal-informazzjoni, inkluża informazzjoni, bħal numri tas-serje u tar-reġistrazzjoni, li tidentifika l-inġenju tal-ajru suġġett għar-rapport tal-okkorrenza direttament, huma emendati bir-Regolament (UE) Nru 376/2014. Ir-regolament jirrikonoxxi wkoll li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi dwar l-iżvelar tar-rekords skont id-dritt nazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-każijiet li fihom tista’ tittieħed tali deċiżjoni ta’ żvelar, filwaqt li josservaw l-atti legali tal-UE.

Assistenza għall-vittmi u l-qraba

  • Il-pajjiżi tal-UE kollha kemm huma jridu jistabbilixxu pjan ta’emerġenza b’dispożizzjonijiet għall-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti u l-qraba tagħhom. Dawn iridu jiżguraw ukoll li l-linji tal-ajru għandhom il-pjan tagħhom stess sabiex jgħinu lill-vittmi u l-qraba tagħhom, filwaqt li jqisu b’mod partikolari l-appoġġ psikoloġiku.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom iħeġġu lil linji tal-ajru mhux tal-UE li joperaw fi ħdan l-UE sabiex jadottaw pjan simili.
  • Kull pajjiż tal-UE involut f’aċċident irid jaħtar persuna bħala punt ta’kuntatt u ta’ informazzjoni għall-vittmi u l-qraba.
  • Il-linji tal-ajru jridu joffru lill-vjaġġaturi l-opportunità li jipprovdu d-data ta’ kuntatt ta’ persuna li għandha tiġi kkuntattata fil-każ ta’ aċċident. L-isem ta’ persuna abbord irid isir pubbliku qabel ma jiġu infurmati l-qraba ta’ dik il-persuna.

Rapport u rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

  • Matul l-investigazzjoni, l-awtorità tas-sikurezza ser tirrakkomanda kwalunkwe azzjoni immedjata li tqis neċessarja sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni lill-persuni responsabbli għall-inġenji tal-ajru jew għall-manifattura jew il-manutenzjoni tal-inġenju tal-ajru, u lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru jew għat-taħriġ tal-persunal.
  • L-investigazzjoni tikkonkludi b’rapport li jkun fih rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza wara konsultazzjonijiet finali mal-awtoritajiet ikkonċernati, inkluża l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Ir-rapport finali huwa ppubblikat fl-iqsar żmien possibbli, jekk possibbli fi żmien 12-il xahar mid-data tal-aċċident jew l-inċident. L-awtorità ser tirreġistra wkoll it-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
  • Kull parti li tirċievi rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza, inkluż l-awtoritajiet tas-sikurezza fil-livell nazzjonali u tal-UE, trid ukoll twettaq monitoraġġ tal-progress tal-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza rċevuti.
  • Ir-regolament jirrevoka d-Direttiva 94/56/KE.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-2 ta’ Diċembru 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

aċċident: okkorrenza relatati mal-operat ta’ inġenju tal-ajru li sseħħ fil-ħin minn meta kwalunkwe persuna titla’ abbord l-inġenju tal-ajru għall-għanijiet ta’ titjira sal-ħin meta kull persuna tkun niżlet minn fuqu, u li fiha persuna tkun feruta b’mod fatali jew serju, jew l-inġenju tal-ajru jġarrab ħsara sostanzjali.

inċident: okkorrenza, minbarra aċċident, assoċjata mal-operat ta’ inġenju tal-ajru u li taffettwa jew li tista’ taffettwa s-sikurezza tal-operat.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, pp. 35-50)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, pp. 18-43)

l-aħħar aġġornament 08.11.2016

Top