Help Print this page 
Title and reference
Użu ta' Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fl-Ewropa

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Użu ta' Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fl-Ewropa

Sistemi ta’ trasport Intelliġenti (ITS) huma mistennija illi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ sistema ta’ trasport aktar nadifa, aktar sigura u aktar effiċjenti madwar l-Unjoni Ewropea (UE).

ATT

Direttiva 2010/40/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport.

SOMMARJU

Sistemi ta’ trasport Intelliġenti (ITS) huma mistennija illi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ sistema ta’ trasport aktar nadifa, aktar sigura u aktar effiċjenti madwar l-Unjoni Ewropea (UE).

X'TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Tfittex illi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ trasport innovattivi sabiex jinħolqu Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS). Dan isir billi jiġu introdotti standards u speċifikazzjonijiet komuni għall-UE. Dawn għandhom l-għan illi jistabbilixxu servizzi tal-ITS interoperabbli u effiċjenti waqt li jħallu lill-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu b’mod individwali fuq liema sistemi jinvestu fihom.

PUNTI EWLENIN

L-ITS tkopri firxa wiesa’ ta’ servizzi

Id-Direttiva tapplika għal applikazzjonijiet u servizzi ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS) fis-settur tat-trasport bit-triq tal-UE u għall-mod ta’ kif dawn l-applikazzjonijiet jikkomunikaw ma’ modi oħrajn ta’ trasport.

L-ITSs huma sistemi li fihom it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jkunu applikati fil-qasam tat-trasport bit-triq, inklużi l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti, u fl-immaniġġjar tat-traffiku u tal-mobilità.

Li ġejjin huma oqsma li ġew identifikati bħala prijorità għall-iżvilupp u l-użu tal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards:

użu ottimali tad-dejta dwar l-użu tat-toroq, it-traffiku u l-ivjaġġar, eżempju, sabiex jippermettu lill-utenti tat-toroq illi jippjanaw il-vjaġġi;

kontinwità tas-servizzi tal-ITS għall-immaniġġjar tat-traffiku u tal-merkanzija);

applikazzjonijiet tal-ITS għas-sikurezza u s-sigurtà (eżempju twissija dwar riskji ta’ tnaqqis fil-viżibilità, jew ta’ nies, annimali u ħmieġ fit-triq);

rabta tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport jiġifieri tagħmir tal-vetturi sabiex jippermettu l-iskambju ta’ dejta jew informazzjoni.

F’dawn l-oqsma ta’ prijorità, hemm 6 azzjonijiet ta’ prijorità li jiffukaw fuq:

1.

servizzi multimodali madwar l-UE ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar (għal vjaġġi li jinvolvu modi differenti ta’ trasport, eżempju ferrovija u vapur);

2.

servizzi madwar l-UE ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fi żmien reali;

3.

kif tipprovdi informazzjoni b’xejn relatata mas-sigurtà fit-triq għall-utenti;

4.

disponibbilità armonizzata ta’ servizz ta’ eCall madwar l-UE interoperabbli;

5.

servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali;

6.

servizzi ta’ prenotazzjoni ta’ postijiet ta’ parkeġġ sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali;

Fir-rigward ta’ varar ta’ applikazzjonijiet u servizzi tal-ITS, il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu dak li huwa meħtieġ sabiex jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni jiġu applikati. Pajjiżi individwali tal-UE jżommu d-dritt illi jiddeċiedu dwar it-tnedija ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorji tagħhom.

Servizz ta’ eCall għar-rapporti ta’ inċidenti tat-traffiku fit-toroq

Eżempju ta’ 1 mis-6 azzjonijiet ta’ prijorità huwa servizz ta’ eCall madwar l-UE. Qed isir xogħol sabiex ikun introdott servizz ta’ eCall għal inċidenti tat-traffiku fit-toroq madwar l-UE. L-ideja prinċipali hija li eCall lejn 112 iċċempel direttament in-numru tal-emerġenza waħdieni tal-Ewropa 112 f’każ ta’ inċident tat-traffiku serju u tikkomunika l-pożizzjoni tal-vettura lis-servizzi ta’ emerġenza. Rabta telefonika hija stabbilita maċ-ċentru adattat tas-sejħiet għall-emerġenza (magħruf ukoll bħala Punti ta’ Tweġiba għas-Sigurtà Pubblika - PSAPs) u d-dettalji tal-inċident jintbagħtu lis-servizzi ta’ salvataġġ, inklużi, l-pożizzjoni eżatta tal-vettura kraxxjata u d-direzzjoni tal-ivjaġġar. Il-pajjiżi tal-UE qablu li jallokaw l-infrastruttura tal-PSAP eCall meħtieġa għal akkoljenza u mmaniġġjar xieraq tal-eCalls fit-territorju tagħhom sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017.

Xogħol li għaddej fuq azzjonijiet ta’ prijoirtà

Rapport adottat fl-2014 għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ITS tinnota li 3 settijiet ta’ speċifikazzjonijiet ġew adottati (eCall, informazzjoni universali minima dwar it-traffiku relatata mas-sigurtà tat-triq u servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet siguri għall-parkeġġ).

Speċifikazzjonijiet għal informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali madwar l-UE ġew adottati f’Diċembru tal-2014 u x-xogħol fuq speċifikazzjonijiet għal servizzi ta’ informazzjoni multimodali madwar l-UE qegħdin isiru fl-2015. Għall-aħħar azzjoni ta’ prijorità - servizzi ta’ prenotazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ siguri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali - m’hemm ippjanat l-ebda azzjoni oħra fil-futur qarib.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Mis-26 ta’ Awwissu 2010.

SFOND

Il-volum tat-trasport fit-toroq huwa mistenni li jiżdied fl-UE. Dan probabbli li jwassal għal żieda fil-konġestjoni fit-toroq, żieda fil-konsum tal-enerġija u problemi ambjentali u soċjali. Innovazzjonijiet bħal ITSs huma meħtieġa sabiex isibu soluzzjonijiet għal dawn it-tipi ta’ problemi. Huma applikazzjonijiet avvanzati li għandhom l-għan illi jipprovdu servizzi innovattivi għal diversi modi ta’ trasport u mmaniġġjar ta’ trasport. Jippermettu lill-utenti illi jkunu aktar infurmati dwar il-kundizzjonijiet tat-trasport u li jagħmlu użu aħjar u aktar sigur min-netwerks tat-trasport.

Għal aktar informazzjoni, ara Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINU EWLIENI

* Interoperabilità: il-kapaċità tas-sistemi u l-proċessi tan-negozju sottostanti illi jagħmlu skambju ta’ dejta u jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Direttiva 2010/40/UE

26.8.2010

27.2.2012

ĠU L 207 tas-6.8.2010, p. 1-13

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 305/2013

23.4.2013- ħlief għall-infrastrutturi diġà varati (23.4.2014)

-

ĠU L91 tat-3.4.2013, p. 1-4

Ir-Regolament (UE) Nru 885/2013

1.10.2013 - ħlief għas-servizzi diġà varati (1.10.2015)

-

ĠU L 247 tat-18.9.2013, p. 1-5

Ir-Regolament (UE) Nru 886/2013

1.10.2013 - ħlief għas-servizzi diġà varati (1.10.2015)

-

ĠU L 247 tat-18.9.2013, p. 6-10

Regolament (UE) 2015/962

13.7.2017

-

ĠU L 157 tat-23.6.2015, p. 21-31

ATTI RELATATI

Deċiżjoni Nru 585/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-varar ta' eCall interoperabbli madwar l-UE kollha (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 6-9).

Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77-89)

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-Implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (COM(2014) 642 finali tal-21.10.2014).

L-aħħar aġġornament: 02.04.2015

Top