Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija prinċipju bażiku tal-politika komuni tat-trasport u titlob li t-trasportaturi mill-pajjiżi kollha tal-UE jkollhom aċċess għas-swieq tat-trasport internazzjonali mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post tal-istabbiliment. Dan ir-regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank ġewwa l-UE permezz ta’ trasportaturi għall-kiri jew għal ħlas.

SOMMARJU

Dan ir-regolament jgħaqqad ir-Regolamenti Nri 684/92 u 12/98 f’regolament wieħed sabiex jiċċara u jissimplifika r-regoli għat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bit-triq fit-territorju tal-UE u l-kundizzjonijiet li taħthom it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport nazzjonali f’pajjiż tal-UE.

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

Trasportatur huwa permess li jagħti servizzi ta’ trasport internazzjonali regolari, inklużi servizzi regolari speċjali u servizzi okkażjonali bil-kowċ u bix-xarabank, mingħajr diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post tal-istabbiliment jekk huwa:

  • jkun awtorizzat fil-pajjiż tal-UE fejn ikun stabbilit biex jidħol għat-trasport permezz ta’ servizzi regolari b’konformità mal-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq stabbiliti fil-liġi nazzjonali;
  • jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti skont ir-regoli tal-UE dwar id-dħul għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq ta’ passiġġieri f’operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali u internazzjonali;
  • jissodisfa r-rekwiżiti legali relatati mal-istandards tal-UE għax-xufiera u l-vetturi.

Liċenzja Komunitarja

It-trasport internazzjonali tal-passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa soġġett għal liċenzja Komunitarja maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta’ stabbiliment fl-UE. Il-liċenzja tinħareġ f’isem it-trasportatur għal perjodu rinnovabbli ta’ mhux aktar minn 10 snin u ma għandhiex tkun trasferibbli. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jiddeċiedu wkoll li l-liċenzja Komunitarja tkun valida għal operazzjonijiet ta’ trasport nazzjonali.

Servizzi regolari soġġetti għal awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjonijiet jinħarġu f’isem it-trasportatur għal perjodu ta’ mhux aktar minn ħames snin u ma għandhomx ikunu trasferibbli. Madankollu, trasportatur awtorizzat, bil-kunsens tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn jinsab il-punt tat-tluq, jista’ jopera s-servizz permezz ta’ subkuntrattur. L-awtorizzazzjonijiet jinħarġu bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi kollha tal-UE li fit-territorji tagħhom il-passiġġieri jitrikkbu jew jitniżżlu. Huma għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ servizz, ir-rotta, il-waqfiet u l-iskeda tal-ħinijiet, kif ukoll il-perjodu tal-validità, filwaqt li jintitolaw lid-detentur tagħhom sabiex jopera servizzi regolari fit-territorji tal-pajjiżi kollha tal-UE li minnhom jgħaddu r-rotot tas-servizz.

L-awtorizzazzjoni, inkluż għal tiġdid u modifika tal-awtorizzazzjoni, għandha tingħata minbarra jekk:

  • l-applikant ma jkunx jista’ jipprovdi s-servizzi meħtieġa bit-tagħmir li jkollu direttament għad-dispożizzjoni tiegħu;
  • l-applikant ma jkunx ikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew internazzjonali dwar it-trasport bit-triq;
  • fil-każ ta’ applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni, il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ma jkunux ġew osservati;
  • pajjiż tal-UE jiddeċiedi li s-servizz ikkonċernat ser jaffettwa serjament il-vijabbiltà ta’ servizz komparabbli kopert minn kuntratt ta’ servizz pubbliku wieħed jew aktar;
  • pajjiż tal-UE jiddeċiedi li l-iskop prinċipali tas-servizz mhuwiex it-trasport tal-passiġġieri bejn pajjiżi differenti tal-UE.

Ħlief fil-każ ta’ force majeure, l-operatur ta’ servizz regolari għandu jieħu l-miżuri kollha sabiex jiggarantixxi servizz ta’ trasport li jissodisfa l-istandards ta’ kontinwità, regolarità u kapaċità u jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti.

Kabotaġġ

L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ huma awtorizzati għas-servizzi li ġejjin:

  • is-servizzi nazzjonali tat-trasport bit-triq tal-passiġġieri pprovduti fuq bażi temporanja minn trasportatur f’pajjiż tal-UE ospitanti;
  • it-trikkib u l-inżul tal-passiġġieri fl-istess pajjiż tal-UE matul il-kors ta’ servizz internazzjonali regolari, diment li l-kabotaġġ ma jkunx l-iskop prinċipali tas-servizz.

Kontrolli u penali

It-trasportaturi li joperaw servizz regolari għandhom joħorġu biljetti tat-trasport individwali jew kollettivi li jindikaw il-punti tat-tluq u tal-wasla, il-perjodu ta’ validità tal-biljett u n-noll tat-trasport.

F’każ ta’ ksur serju tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport bit-triq, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn huwa stabbilit it-trasportatur ikkonċernat għandhom jieħdu azzjoni xierqa, li tista’ tinkludi twissija jew l-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. Jekk trasportatur mhux residenti jikser serjament il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport bit-triq, il-pajjiż tal-UE fejn huwa aċċertat il-ksur jibgħat lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn huwa stabbilit it-trasportatur deskrizzjoni tal-ksur, il-kategorija, it-tip u s-serjetà tal-ksur, kif ukoll il-penali imposti. Kull ksur serju għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2009.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1073/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tas-servizzi tal-kowċ u x-xarabank u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 88–105)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1073/2009 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija għal referenza biss.

l-aħħar aġġornament 13.12.2015

Top