Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Regoli komuni għall-aċċess għas-suq tal-UE tat-trasport bit-triq

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Regoli komuni għall-aċċess għas-suq tal-UE tat-trasport bit-triq

L-operazzjonijiet internazzjonali tat-trasport bit-triq* kienu liberalizzati b’mod sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Madankollu, it-trasport nazzjonali bit-triq f’pajjiż tal-UE minn trasportaturi li mhumiex residenti f’dak il-pajjiż, magħruf bħala kabotaġġ*, għadu soġġett għal restrizzjonijiet. L-introduzzjoni ta’ regoli komuni għall-aċċess għas-swieq internazzjonali u tal-kabotaġġ tgħin fil-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta.

ATT

Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija.

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli komuni applikabbli għall-aċċess għas-suq fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija* bit-triq fl-UE. Huwa jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom it-trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta’ trasport f’pajjiż tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-liġi tapplika:

  • għat-trasport bit-triq internazzjonali tal-merkanzija bil-kiri jew b’kumpens* għall-vjaġġi li jsiru fl-UE;
  • għat-trasport nazzjonali tal-merkanzija bit-triq imwettaq temporanjament minn trasportatur mhux residenti;
  • għall-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE fi tranżitu, meta t-trasport isir bejn pajjiż tal-UE u pajjiż terz - Hija ma tapplikax għall-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju tal-pajjiż tal-UE fejn isiru t-tagħbija jew il-ħatt.

Sabiex ikun jista’ jwettaq trasport internazzjonali, trasportatur għandu jkollu fil-pussess tiegħu liċenzja tal-Komunità u, jekk ix-xufier ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, dan għandu jkollu wkoll attestazzjoni ta’ xufier.

Liċenzja Komunitarja:

  • tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE tal-istabbiliment lil kwalunkwe trasportatur li jkun intitolat li jwettaq it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bil-kiri jew b’kumpens;
  • tiġġedded għal perjodu ta’ mhux aktar minn 10 snin;
  • tinħareġ f’isem it-trasportatur u mhijiex trasferibbli.

Attestazzjoni tax-xufier:

  • tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE fejn huwa bbażat it-trasportatur li jkollu liċenzja tal-UE, li juża jew jimpjega xufier f’dak il-pajjiż li la jkun ċittadin tal-UE u lanqas residenti fit-tul;
  • hija valida għal perjodu sa massimu ta’ ħames snin.

Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, l-istess awtoritajiet jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ liċenzja jew għall-ħruġ ta’ attestazzjoni. Jekk id-detentur ta’ liċenzja Komunitarja jew ta’ attestazzjoni tax-xufier ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet jew ikun ipprovda informazzjoni skorretta, il-liċenzja jew l-attestazzjoni tiġi rtirata.

Il-liġi timponi regolamenti stretti fuq l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ, b’mod partikolari:

  • kwalunkwe trasportatur b’kera jew b’kumpens li huwa detentur ta’ liċenzja Komunitarja u li x-xufier tiegħu, jekk ikun ċittadin ta’ pajjiż terz, ikollu attestazzjoni tax-xufier, huwa intitolat li jwettaq operazzjonijiet ta’ kabotaġġ f’pajjiż tal-UE (għajr dak fejn huwa stabbilit) fuq bażi temporanja wara operazzjoni internazzjonali f’dak il-pajjiż;
  • wara li titwassal il-merkanzija kkonċernata fit-trasport internazzjonali, it-trasportaturi għandhom sebat ijiem li matulhom jistgħu jwettqu sa tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ;
  • jistgħu jitwettqu tliet operazzjonijiet ta’ kabotaġġ fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE wara trasport internazzjonali, b’limitu ta’ operazzjoni waħda għal kull pajjiż.

Din il-liġi tapplika biss jekk it-trasportatur ikun jista’ jipproduċi prova tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija fil-pajjiż tal-UE kkonċernat, kif ukoll prova ta’ kull operazzjoni ta’ kabotaġġ konsekuttiva.

L-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-pajjiż tal-UE ospitanti rigward:

  • il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratt tat-trasport;
  • il-piżijiet u l-qisien tal-vetturi tat-triq;
  • ir-rekwiżiti li jikkonċernaw it-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ merkanzija, b’mod partikolari oġġetti perikolużi, affarijiet tal-ikel li jeħżienu u annimali ħajjin;
  • il-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ;
  • it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-servizzi tat-trasport.

Il-liġijiet u r-regolamenti msemmija hawn fuq japplikaw b’mod ugwali għat-trasportaturi mhux residenti u għat-trasportaturi stabbiliti fil-pajjiż tal-UE ospitanti.

Meta trasportatur jikser il-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq fl-UE:

  • l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE tal-istabbiliment jistgħu joħorġu twissija jew jimponu penali amministrattivi bħall-irtirar tal-liċenzja Komunitarja;
  • jekk it-trasportatur ma jkunx residenti, il-pajjiż tal-UE fejn seħħ il-ksur jgħarraf lill-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-istabbiliment tat-trasportatur, fejn jiddeskrivi l-ksur u l-penali imposti.

Kull ksur serju għandu jiġi rreġistrat fir-reġistru elettroniku nazzjonali tal-impriżi tat-trasport bit-triq.

Rapport maħruġ mill-Kummissjoni fl-2014 dwar is-suq tat-trasport bit-triq fl-UE sab li:

  • l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE għandhom isaħħu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE b’mod aktar konsistenti u b’mod aktar effettiv;
  • l-UE tista’ tgħin billi tikkjarifika r-regoli li jinftiehmu, jiġu interpretati u implimentati b’mod differenti f’pajjiżi differenti tal-UE;
  • ir-regoli soċjali għandhom jiġu applikati aħjar fis-settur tat-trasport bit-triq sabiex jiġu attirati xufiera ġodda u tkun tista’ tiġi mmaniġġjata d-domanda għat-trasport tal-merkanzija fil-ġejjieni;
  • dawn il-bidliet jistgħu jżidu l-effikaċja tal-ekonomija tal-UE kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra mit-trasport bit-triq.

Għal aktar tagħrif, ara s-sit elettroniku dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINI EWLENIN:

* Operazzjoni ta’ trasport bit-triq: il-vjaġġ kollu tal-merkanzija bit-triq lejn id-destinazzjoni finali tagħha

* Kabotaġġ: meta trasportatur irreġistrat f’pajjiż wieħed tal-UE iwettaq trasport nazzjonali f’pajjiż ieħor tal-UE.

* Trasport ta’ merkanzija: l-att tal-ġarr u tat-trasport tal-merkanzija.

* Kiri jew kumpens: it-trasport għal rimunerazzjoni, ta’ persuni jew merkanzija, f’isem partijiet terzi (definizzjoni tal-OECD).

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (KE) Nru 1072/2009

4.12.2009

-

ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72-87

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 612/2012

11.7.2012

-

ĠU L 178, 10.7.2012, p. 5-5

Regolament (UE) Nru 517/2013

1.7.2013

-

ĠU L 158 10.6.2013, p. 1-71

ATTI RELATATI

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tas-suq tat-trasport bit-triq tal-Unjoni (COM(2014) 222 final tal-14.4.2014).

l-aħħar aġġornament 30.06.2015

Top