Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili: Regoli għall-UE kollha

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili: Regoli għall-UE kollha

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

SOMMARJU

X'JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi regoli komuni u standards bażiċi fuq is-sigurtà tal-avjazzjoni u fuq proċeduri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.
  • Japplika għall-ajruporti ċivili kollha fl-UE, kif ukoll għal trasportaturi tal-ajru u entitajiet li jipprovdu oġġetti u servizzi lil jew minn dawn l-ajruporti.

PUNTI EWLENIN

Standards bażiċi komuni għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili

Eżempji ta' aspetti koperti minn dawn l-istandards jinkludu:

  • skrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina sabiex oġġetti pprojbiti, bħal armi u splussivi, jitwaqqfu milli jinġarru abbord ajruplani;
  • il-bagalja li tkun se titpoġġa fl-istiva (bagalja li l-passiġġieri jagħmlu check-in tagħha) hija wkoll soġġetta għal skrinjar qabel titgħabba;
  • is-sigurtà tal-ajruport (eż. aċċess ikkontrollat għal żoni differenti tal-ajruporti, skrinjar tal-persunal, kontrolli tal-vetturi kif ukoll sorveljanza u rondi sabiex nies mhux awtorizzati ma jitħallewx jidħlu f'dawn iż-żoni);
  • il-protezzjoni tal-ajruplani u kontrolli jew tiftix tas-sigurtà tal-ajruplani qabel it-tluq sabiex jiġi żgurat li ebda oġġett ipprojbit ma jittella' abbord;
  • kontrolli ta' sigurtà għall-merkanzija u tal-posta qabel titgħabba fuq l-ajruplan;
  • kontrolli ta' sigurtà fuq provvisti tal-ajruport (jiġifieri provvisti maħsubin sabiex jinbiegħu fi ħwienet duty-free u f'ristoranti u provvisti ta' matul it-titjira (eż. ikel u xorb għall-passiġġieri);
  • reklutaġġ u taħriġ tal-persunal:
  • il-prestazzjoni tat-tagħmir ta' sigurtà (eż. t-tagħmir li jintuża għall-iskrinjar u l-kontrolli tal-aċċess jikkonforma ma' speċifikazzjonijiet definiti u huwa kapaċi jwettaq il-kontrolli tas-sigurtà kkonċernati).

F'Novembru 2015, Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 2015/1998 li jistabbilixxi miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards ta' sigurtà. Huwa jirrevoka regolament preċedenti (ir-Regolament (UE) Nru 185/2010), li ġie emendat aktar minn 20 darba.

Obbligi fuq il-pajjiżi tal-UE u fuq ajruporti u operaturi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jaħtru awtorità kompetenti waħda għas-sigurtà tal-avjazzjoni;
  • jistabbilixxu programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili sabiex jiddefinixxi responsabilitajiet għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni;
  • jistabbilixxu programm nazzjonali ta' kontroll tal-kwalità sabiex jiċċekkja l-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili;

L-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet għandhom:

  • jiddefinixxu u jimplimentaw programm tas-sigurtà tal-ajruporti;
  • jiżguraw kontroll tal-kwalità intern.

Spezzjonijiet tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet ta' awtoritajiet nazzjonali, inklużi spezzjonijiet ta' ajruporti, trasportaturi tal-ajru u entitajiet (mhux imħabbra). Kwalunkwe nuqqas għandu jitranġa mill-awtorità nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-kontroll u għall-infurzar primarji tal-kwalità u għaldaqstant ikollhom iwettqu wkoll verifiki u spezzjonijiet li jkopru l-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet kollha.

Ir-rikonoxximent ta' standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni ekwivalenti ma' pajjiżi mhux tal-UE

L-UE tista' tirrikonoxxi standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni ta' pajjiżi mhux tal-UE bħala ekwivalenti għall-istandards tal-UE sabiex tippermetti sistema “ta' kontroll tas-sigurtà unika”. Dan ifisser, pereżempju, li l-passiġġieri li jaslu fl-ajruporti tal-UE u li jkunu sejrin lejn destinazzjonijiet oħrajn ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jiġu skrinjati. Dan iwassal għal ħinijiet ta' konnessjoni aktar veloċi, inqas spejjeż u konvenjenza akbar għall-vjaġġaturi. “Sistema ta' kontroll tas-sigurtà unika” hija waħda mill-objettivi tal-leġislazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà fl-avjazzjoni.

Rapport ta’ implimentazzjoni

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 jikkonkludi li “jkompli jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà fl-UE biex jipproteġi lill-avjazzjoni ċivili kontra atti ta' interferenza illegali” u li l-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni urew livell stabbli ta' konformità. Jindika li n-nuqqasijiet identifikati kienu dovuti l-aktar għal fatturi umani. Ġie nnotat ukoll li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għal azzjoni korrettiva ġew segwiti.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Dan japplika mid-29 ta' April 2008.

SFOND

Wara dak li ġara fil-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 li stabbilixxa regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2320/2002.

Għal aktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

ATT

Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72-84)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 300/2008 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta' valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 23 tas-27.1.2010, p. 1–5). Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2009 li jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà (ĠU L 338 tad-19.12.2009, p. 17)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 272/2009 tat-2 ta' April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (ĠU L 91 tat-3.4.2009, p. 7–13). Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta' Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1-142). Ara l-verżjoni konsolidata.

Rapport

Ir-Rapport Annwali tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (COM(2015) 360 final tat-23.7.2015)

l-aħħar aġġornament 02.05.2016

Top