Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata tal-biljetti tal-ajru

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata tal-biljetti tal-ajru

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata

SOMMARJU

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi Kodiċi ta’ Kondotta armonizzat dwar l-użu ta’ sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (CRS) għall-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi.
  • Huwa japplika għat-trasport bl-ajru (u għat-trasport bil-ferrovija meta dan jiġi kkombinat ma’ titjira).

PUNTI EWLENIN

  • Il-bejjiegħa tas-sistema* ma għandhomx:
    • jorbtu lil-linji tal-ajru jew lill-abbonati tagħhom stess b’kundizzjonijiet inġusti jew mhux ġustifikati;
    • iwaqqfu linja tal-ajru milli tuża sistemi ta’ riservazzjoni oħrajn, inkluż is-servizz ta’ riservazzjoni minn fuq l-internet u ċ-ċentri telefoniċi tagħha stess;
    • jirriservaw kwalunkwe proċedura speċifika ta’ dħul jew ipproċessar għal wieħed jew aktar mit-trasportaturi parteċipanti.
  • Il-bejjiegħa tas-sistema għandhom:
    • jaħżnu u jipproċessaw id-dejta pprovduta mil-linji tal-ajru bl-istess attenzjoni u prontezza;
    • jiżvelaw pubblikament l-ammont ta’ ishma kapitali diretti jew indiretti li għandhom f’linja tal-ajru jew viċi versa;
    • jipprovdu viżwal prinċipali għal kull tranżazzjoni individwali permezz tas-CRS tagħhom;
    • jidentifikaw b’mod ċar fil-viżwal kwalunkwe linja tal-ajru li hija pprojbita milli ttir ġewwa l-UE;
    • jipproċessaw dejta personali biss għall-iskopijiet li għalihom tkun ingħatat (sabiex issir riservazzjoni jew jinħareġ biljett);
    • jissottomettu rapport ivverifikat b’mod indipendenti fuq l-istruttura tas-sjieda u l-mudell ta’ governanza tagħhom kull 4 snin.
  • Il-bejjiegħa tas-sistema jistgħu jagħmlu disponibbli dejta dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-prenotazzjoni u l-bejgħ, dment li tali dejta tiġi offruta fuq bażi mhux diskriminatorja lit-trasportaturi parteċipanti kollha u ma tidentifikax lill-klijent.
  • Jekk il-bejjiegħa tas-sistema f’pajjiż terz jiddiskriminaw kontra trasportaturi tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tista’ titlob lill-bejjiegħa li joperaw fl-UE sabiex japplikaw l-istess trattament għal-linji tal-ajru ta’ dak il-pajjiż.
  • Il-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ mhux aktar minn 10 % tal-fatturat totali tas-sena ta’ qabel fuq il-kumpaniji li intenzjonalment jew b’mod negliġenti jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni.

Fl-2009, il-Kummissjoni adottat nota ta’ spjegazzjoni li tispjega kif hija tinterpreta l-kunċett ta’ “trasportatur ewlieni”, li jista’ jkollha influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tan-negozju tal-bejjiegħ tas-sistema.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa ilu japplika mid-29 ta’ Marzu 2009.

SFOND

Għal aktar tagħrif, ara “It-trasport bl-ajru — Netwerks ta’ distribuzzjoni — CRS” fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINU EWLIENI

* Bejjiegħ tas-sistema: kwalunkwe korp u l-affiljati tiegħu responsabbli għall-operat jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ CRS.

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 47-55)

ATTI RELATATI

Nota ta’ spjegazzjoni fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “trasportatur prinċipali” fir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU C 53, 6.3.2009, p. 4-6)

l-aħħar aġġornament 21.04.2016

Top