EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-operat tas-servizzi tal-ajru: Regoli tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru fl-Unjoni Ewropea (UE), inkluż il-ħruġ ta’ liċenzji għat-trasportaturi tal-ajru tal-UE u t-trasparenza tal-prezzijiet.

PUNTI EWLENIN

Il-liċenzji operattivi u l-kiri tal-inġenji tal-ajru

  • Il-kriterji għall-għoti u l-validità tal-liċenzji operattivi tal-linji tal-ajru fl-UE huma armonizzati.
  • Il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-validità ta’ liċenzja operattiva fl-UE jinkludu:
    • il-pussess ta’ ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) validu li jispeċifika l-attivitajiet koperti mil-liċenzja operattiva,
    • is-sjieda u l-kontroll mill-pajjiżi tal-UE u miċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE, u
    • l-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet finanzjarji.
  • In-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja operattiva jista’ fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fis-sospensjoni jew fl-irtirar tal-liċenzja.
  • Il-kiri ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fl-UE huwa permess. Madankollu, il-kiri ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiżi terzi huwa possibbli biss f’ċirkostanzi speċjali, pereżempju sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kapaċità staġunali. F’dan il-każ, it-trasportatur tal-ajru tal-UE kkonċernat irid ikun jista’ juri lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-inġenju tal-ajru jissodisfa l-istandards tas-sikurezza kollha tal-UE.

It-trasparenza tal-prezzijiet

  • Il-linji tal-ajru huma liberi li jistabbilixxu l-prezz tas-servizzi tal-ajru tagħhom ġewwa l-UE.
  • Il-prezz finali — flimkien mat-termini u mal-kundizzjonijiet tat-trasport — tas-servizz tal-ajru iridu jiġu ppubblikati, inklużi t-taxxi, l-imposti tal-ajruport, l-imposti u l-ħlasijiet addizzjonali kollha li huma inevitabbli u prevedibbli fil-ħin tal-prenotazzjoni. Barra minn hekk, it-trasportaturi tal-ajru jridu jipprovdu tqassim ta’ dawn l-elementi tal-prezzijiet inevitabbli u prevedibbli kollha li jikkostitwixxu l-prezz finali.
  • Is-supplimenti tal-prezzijiet fakultattivi iridu jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu fil-bidu ta’ kwalunkwe prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom trid tkun fuq bażi ta’ “inklużjoni fakultattiva”.
  • Id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza tal-klijent, kif ukoll abbażi tal-post fejn huwa stabbilit l-aġent tat-trasportatur tal-ajru jew kwalunkwe bejjiegħ ieħor tal-biljetti, hija pprojbita.
  • Il-pajjiżi tal-UE iridu jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar il-prezzijiet; il-penali għall-ksur għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-obbligi tas-servizz pubbliku

  • Pajjiż tal-UE jista’ jimponi obbligu tas-servizz pubbliku għal rotta tal-ajru skedata bejn ajruport tal-UE u ajruport li jservi reġjun periferali jew ta’ żvilupp fit-territorju tiegħu, jew fuq rotta b’densità ta’ traffiku baxxa lejn ajruport fit-territorju tiegħu, jekk l-iżgurar ta’ servizzi minimi fuq din ir-rotta jitqies bħala essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport iservi.
  • Pajjiż tal-UE jeħtieġ li jivvaluta n-neċessità u l-adegwatezza ta’ obbligu tas-servizz pubbliku previst.
  • F’każ li l-ebda trasportatur tal-ajru ma jkun interessat fl-operat tar-rotta li fuqha ġew imposti l-obbligi, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jirrestrinġi l-aċċess għar-rotta għal trasportatur tal-ajru uniku għal perjodu massimu ta’ 4 snin u jikkumpensa t-telf operatorju tiegħu li jirriżulta mill-obbligu tas-servizz pubbliku. L-għażla tal-operatur trid issir permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika fil-livell tal-UE.

Id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirregolaw id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti, diment li, b’mod partikolari:

  • huma jservu l-istess belt jew konurbazzjoni,
  • huma jiġu servuti minn infrastruttura tat-trasport adegwata u jkunu konnessi ma’ xulxin u mal-belt jew mal-konurbazzjoni li jservu b’servizzi ta’ trasport pubbliku frekwenti, affidabbli u effiċjenti,
  • id-deċiżjoni li tiġi rregolata d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u hija bbażata fuq kriterji oġġettivi.

COVID-19 — miżuri speċjali

Ir-Regolament (UE) 2020/696 u r-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/2114 u 2020/2115 jemendaw temporanjament ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex jgħin lil-linji tal-ajru u lill-ajruporti jlaħħqu mat-tnaqqis qawwi fit-traffiku tal-ajru kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19.

Dawn ir-regolamenti:

  • jemendaw temporanjament ir-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzji tat-trasportaturi tal-ajru fil-każ ta’ diffikultajiet finanzjarji minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Dawn se jissospendu temporanjament l-obbligu għall-pajjiżi tal-UE li jissospendu jew jirrevokaw il-liċenzja operattiva ta’ kwalunkwe trasportatur li jkun qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji jew li jissostitwixxuha b’liċenzja temporanja, sakemm is-sikurezza ma tkunx f’riskju. Dan se jevita l-ħolqien ta’ piżijiet amministrattivi bla bżonn għall-awtoritajiet u għat-trasportaturi tal-ajru;
  • jintroduċi deroga temporanja mill-proċeduri li japplikaw meta l-pajjiżi tal-UE jkunu jridu jirrifjutaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku sabiex jittrattaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ żmien qasir. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu temporanjament iżommu fis-seħħ miżura ta’ emerġenza għal perjodu itwal minn 14-il jum iżda tali miżura tista’ tibqa’ fis-seħħ biss sakemm ikun hemm riskji ċari għas-saħħa pubblika relatati mal-pandemija. Kwalunkwe miżura ta’ emerġenza trid tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji;
  • tintroduċi regoli temporanji ġodda dwar il-forniment ta’ servizzi fuq l-art biex jgħinu lill-ajruporti jkomplu bl-attivitajiet tagħhom fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19:
    • billi jippermettu lill-ajruporti jestendu l-kuntratti eżistenti tal-fornituri tas-servizzi fuq l-art sal-31 ta’ Diċembru 2022, u
    • fil-każ tal-falliment ta’ kumpanija tas-servizzi fuq l-art, billi jippermettu lill-ajruport jagħżel direttament fornitur ġdid ta’ servizzi fuq l-art għal perjodu massimu ta’ 6 xhur jew sal-31 ta’ Diċembru 2021.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Novembru 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, pp. 3-20)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 14.01.2021

Top