Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
L-operat ta’ servizzi tal-ajru: Regoli tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

L-operat ta’ servizzi tal-ajru: Regoli tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 — regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-UE

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru fl-UE, inkluż il-ħruġ ta’ liċenzji għat-trasportaturi tal-ajru tal-UE u t-trasparenza tal-prezzijiet.

PUNTI EWLENIN

Il-liċenzji operattivi u l-kiri tal-inġenji tal-ajru

  • Il-kriterji għall-għoti u l-validità tal-liċenzji operattivi tal-linji tal-ajru fl-UE huma armonizzati.
  • Il-kundizzjonijiet għall-għoti u l-validità ta’ liċenzja operattiva fl-UE jinkludu:
    • il-pussess ta’ ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) validu li jispeċifika l-attivitajiet koperti mil-liċenzja operattiva,
    • is-sjieda u l-kontroll mill-pajjiżi tal-UE u miċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi tal-UE, u
    • l-issodisfar ta’ numru ta’ kundizzjonijiet finanzjarji.
  • In-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja operattiva jista’ fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fis-sospensjoni jew fl-irtirar tal-liċenzja.
  • Il-kiri ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati fl-UE huwa permess. Madankollu, il-kiri ta’ inġenji tal-ajru rreġistrati f’pajjiżi terzi huwa possibbli biss f’ċirkostanzi speċjali, pereżempju sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kapaċità staġjonali. F’dan il-każ, it-trasportatur tal-ajru tal-UE kkonċernat għandu jkun jista’ juri lill-awtorità kompetenti rilevanti li l-inġenju tal-ajru jissodisfa l-istandards tas-sikurezza kollha tal-UE.

It-trasparenza tal-prezzijiet

  • Il-linji tal-ajru huma liberi li jistabbilixxu l-prezz tas-servizzi tal-ajru tagħhom ġewwa l-UE.
  • Il-prezz finali – flimkien mat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasport – tas-servizz tal-ajru għandhom jiġu ppubblikati, inklużi t-taxxi, it-tariffi tal-ajruport, il-ħlasijiet u l-ħlasijiet addizzjonali kollha li huma inevitabbli u prevedibbli fil-ħin tal-prenotazzjoni. Barra minn hekk, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu tqassim ta’ dawn l-elementi tal-prezzijiet inevitabbli u prevedibbli kollha li jikkostitwixxu l-prezz finali.
  • Is-supplimenti tal-prezzijiet fakultattivi għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mhux ambigwu fil-bidu ta’ kwalunkwe prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom għandha tkun fuq bażi ta’ inklużjoni fakultattiva (“opt-in”).
  • Id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta’ residenza tal-klijent, kif ukoll abbażi tal-post fejn huwa stabbilit l-aġent tat-trasportatur tal-ajru jew kwalunkwe bejjiegħ ieħor tal-biljetti, hija pprojbita.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiggarantixxu l-konformità mar-regoli dwar il-prezzijiet; il-penali għall-ksur għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Obbligi ta’ servizz pubbliku

  • Pajjiż tal-UE jista’ jimponi obbligu ta’ servizz pubbliku għal rotta tal-ajru skedata bejn ajruport tal-UE u ajruport li jservi reġjun periferali jew ta’ żvilupp fit-territorju tiegħu, jew fuq rotta b’densità ta’ traffiku baxxa lejn ajruport fit-territorju tiegħu, jekk l-iżgurar ta’ servizzi minimi fuq dik ir-rotta jitqies bħala vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport iservi.
  • Pajjiż tal-UE għandu jivvaluta n-neċessità u l-adegwatezza ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku previst.
  • F’każ li ebda trasportatur tal-ajru ma jkun interessat fl-operat tar-rotta li fuqha ġew imposti l-obbligi, il-pajjiż ikkonċernat jista’ jirrestrinġi l-aċċess għar-rotta għal trasportatur tal-ajru wieħed għal perjodu massimu ta’ 4 snin u jikkumpensa t-telf operattiv tiegħu li jirriżulta mill-obbligu ta’ servizz pubbliku. L-għażla tal-operatur għandha ssir permezz ta’ sejħa għall-offerti pubblika fil-livell tal-UE.

Id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirregolaw id-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru bejn l-ajruporti, diment li, b’mod partikolari:

  • huma jservu l-istess belt jew konurbazzjoni,
  • huma jiġu servuti minn infrastruttura ta’ trasport adegwata u jkunu konnessi ma’ xulxin u mal-belt jew mal-konurbazzjoni li jservu b’servizzi ta’ trasport pubbliku frekwenti, affidabbli u effiċjenti,
  • id-deċiżjoni li tiġi rregolata d-distribuzzjoni tat-traffiku tal-ajru tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u hija bbażata fuq kriterji oġġettivi.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Huwa daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2008.

SFOND

L-ajru — Is-suq intern ”! fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3–20)

l-aħħar aġġornament 22.02.2016

Top