Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħra: Inizjattivi tal-UE

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Languages and formats available
Multilingual display
Text

Il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħra: Inizjattivi tal-UE

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2009) 380 final) dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħra

SOMMARJU

X’TAGĦMEL DIN IL-KOMUNIKAZZJONI?

Din tistabbilixxi stadji importanti għal inizjattiva tal-UE dwar id-dimenzja*.

PUNTI EWLENIN

F’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza erba’ oqsma fejn jeħtieġ li tittieħed azzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-marda ta’ Alzheimer u forom oħra ta’ dimenzja:

  • 1.

    It-tnaqqis tar-riskju tad-dimenzja u d-dijanjożi minn kmieni: il-prevenzjoni tal-marda jew dijanjożi bikrija jistgħu jipposponu l-iżvilupp tal-marda. Madankollu, il-fatturi ta’ riskju mhumiex l-istess għall-forom differenti ta’ dimenzja. Pereżempju, huwa aktar faċli li tiġi evitata d-dimenzja vaskulari mill-marda ta’ Alzheimer peress li l-fatturi ta’ riskju għad-dimenzja vaskulari diġà huma magħrufa sew, jiġifieri pressjoni għolja, livelli għoljin ta’ kolesterol u t-tipjip. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-pajjiżi tal-UE jimplimentaw azzjonijiet sabiex:

    • jippromwovu s-saħħa kardjovaskulari u l-attività fiżika;
    • jipproduċu rakkomandazzjonijiet biex jinfurmaw lill-pubbliku;
    • persuni akbar fl-età jiġu inklużi fi skema ta’ rtirar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jibqgħu attivi.
  • 2.

    Il-fehim tad-dimenzja — it-titjib tal-għarfien u l-koordinazzjoni tar-riċerka: data affidabbli dwar l-inċidenza u l-prevalenza b'rabta mad-dimenzja hija essenzjali biex il-pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jippjanaw kif is-servizzi pubbliċi tagħhom jistgħu jindirizzaw id-dimenzja bl-aħjar mod, kif ukoll biex jinstabu kriterji ġodda għad-dijanjożi minn kmieni. B’mod parallel mal-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni nediet inizjattiva pilota sabiex tiżviluppa strateġija ta’ riċerka fil-qasam tal-mard newrodeġenerattiv. Dan ikun jippermetti l-ġbir flimkien u l-koordinazzjoni tal-isforzi ta’ riċerkaturi bażiċi u kliniċi fil-qasam. Dan wassal għall-azzjoni konġunta Alcove (Alzheimer Cooperative Valuation in Europe) — li indirizzat dawn l-erba’ sfidi kollha kemm huma — bejn l-2011 u l-2013, bl-involviment ta’ 30 imsieħeb minn mal-Ewropa.

  • 3.

    L-iskambju tal-prassi tajba: dan jista’ jsir permezz tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (OMC) għall-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali u l-kura fuq perjodu twil. L-OMC tista’ tgħin biex jiġu definiti l-istrutturi u l-istandards ta’ kwalità għal servizzi mediċi u ta’ kura għal persuni affettwati mill-marda.

  • 4.

    Ir-rispett tad-drittijiet, l-awtonomija u d-dinjità tal-pazjenti: it-telf tal-kapaċità tagħhom jagħmilha diffiċli għall-persuni bid-dimenzja li jżommu posthom u jipparteċipaw attivament fis-soċjetà. Il-persuni li jieħdu ħsiebhom ukoll jistgħu jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali minħabba l-effetti tad-dimenzja fuq dawk qrib tagħhom. Il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew għad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni bid-dimenzja. Fl-2009, l-ogranizzazzjoni tal-pazjenti Alzheimer Europe stabbiliet in-Netwerk Ewropew għall-Etika b'rabta mad-Dimenzja.

Fl-2014, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni. Dan jiddeskrivi l-attivitajiet kollha li saru mill-2009 u jenfasizza r-riżultati tal-proġett Alcove. Ta’ min jinnota wkoll is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-tixjiħ Attiv u b’Saħħtu u l-fatt li l-inizjattiva tal-UE ħeġġet lil aktar minn nofs il-pajjiżi tal-UE jadottaw pjanijiet jew strateġiji nazzjonali fuq id-dimenzja jew li jibdew jaħdmu fuqhom.

F’Diċembru 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jenfasizzaw il-ħtieġa li jittejbu l-politiki u l-prassi tal-kura fil-qasam tad-dimenzja.

SFOND

Waħda mill-konsegwenzi tal-popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ hija ż-żieda fil-mard newrodeġenerattiv bħall-Alzheimer’s u forom oħra ta’ dimenzja. Il-mard jirrappreżenta spiża għolja għas-soċjetà, li tista’ titnaqqas permezz ta’ azzjoni kkoordinata mal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara “Id-Dimenzja” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

TERMINU EWLIENI

* Dimenzja: marda newrodeġenerattiva li taffettwa l-kapaċità mentali bħall-memorja, il-ħsieb u t-teħid ta’ ġudizzji, u li tista’ tikkawża wkoll deterjorament fil-personalità. L-aktar forom komuni huma:

  • Il-marda ta’ Alzheimer (50-70 % tal-każijiet);
  • dimenzja kkawżata minn attakki ta' puplesija suċċessivi (30 % tal-każijiet);
  • dimenzja frontotemporali;
  • il-marda ta’ Pick;
  • il-marda ta’ Binswanger;
  • dimenzja bil-Lewy bodies.

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn (KUMM(2009) 380 finali tat-22.7.2009)

ATTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Rapport ta’ implimentazzjoni dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea dwar il-marda ta’ Alzheimer u dimenzji oħrajn (SWD(2014) 321 final tas-16.10.2014)

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-appoġġ għall-persuni li jgħixu bid-dimenzja: it-titjib tal-politiki u l-prassi tal-kura (ĠU C 418, 16.12.2015, p. 9–12)

l-aħħar aġġornament 24.05.2016

Top