Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
It-tilqim kontra l-influwenza staġjonali

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

It-tilqim kontra l-influwenza staġjonali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rakkomandazzjoni 2009/1019/UE dwar it-tilqim kontra l-influwenza

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Hija għandha l-għan li tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jieħdu miżuri tas-saħħa sabiex jiġġieldu l-influwenza staġjonali.

PUNTI EWLENIN

Sfidi

  • L-influwenza hija infezzjoni respiratorja li tittieħed ta’ oriġini virali, li sseħħ bħala epidemija fix-xhur tax-xitwa. Din tista’ tikkawża kumplikazzjonijiet serji, anki l-mewt.
  • Għall-influwenza staġjonali fuq skala żgħira, in-numru ta’ mwiet bħala medja huwa stmat għal 8 f’popolazzjoni ta’ 100 000. Din iċ-ċifra tista’ togħla għal 44 matul snin aktar severi.
  • Fil-każ ta’ epidemiji tal-influwenza, l-isptarijiet u s-servizzi mediċi jistgħu jġarrbu piż eċċessiv. Dan iwassal għal żieda fl-ispejjeż diretti (li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi mediċi u mhux mediċi) u spejjeż indiretti (minħabba telf fil-produttività u assenteiżmu mix-xogħol).

L-effikaċja u l-effettività tat-tilqima

  • L-influwenza staġjonali tista’ titnaqqas permezz tat-tilqim. Il-gruppi fil-popolazzjoni li jinsabu “f’riskju” iridu jiġu mlaqqma kontra l-influwenza. Barra minn hekk, aspetti loġistiċi, bħall-għoti u l-amministrazzjoni tat-tilqim, ma jistgħux jiġu sottovalutati sabiex tiġi pprovduta kopertura effettiva tat-tilqim.
  • Huwa importanti li jkun hemm azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi evitat li varjant ġdid tal-virus tal-influwenza jsir pandemija, kif ġara fl-1918, l-1957 u l-1968.

Pjanijiet u strateġiji nazzjonali

  • Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE jadottaw pjan jew strateġija nazzjonali dwar il-kopertura tat-tilqim.
  • L-għan kien li tiġi koperta 75 % tal-popolazzjoni f’riskju preferibbilment sax-xitwa tal-2014-2015. Dan il-grupp ġie ddefinit fil-linji gwida ppubblikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).
  • Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni Ewropea, fuq bażi volontarja dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni u speċifikament dwar il-kopertura tat-tilqim miksuba fi ħdan il-gruppi f’riskju.
  • Għandhom isiru kampanji ta’informazzjoni diretti lejn il-professjonisti fil-kura tas-saħħa u persuni fil-gruppi ta’ riskju u l-familji tagħhom.
  • Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lill-Kunsill regolarment dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni rċevuta mingħand il-pajjiżi tal-UE.

Evalwazzjoni

  • Rapport ippubblikat fl-2015 mill-ECDC jissuġġerixxi li l-pajjiżi tal-UE kollha jistgħu jkunu jeħtieġu jikkunsidraw mill-ġdid l-approċċ tagħhom sabiex jiġbru informazzjoni aktar komprensiva u preċiża dwar il-kopertura tat-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun għall-gruppi ta’ popolazzjoni fil-mira.
  • Huwa jħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE li ma jwettqux monitoraġġ tal-kopertura tat-tilqim fost gruppi ta’ età akbar biex jintroduċu sistemi sabiex jitwettaq dan il-monitoraġġ, biex jippermettu lill-organizzazzjonijiet tas-saħħa pubblika jintraċċaw il-progress tagħhom u jidentifikaw ostakoli għall-kisba tal-miri nazzjonali u tal-UE.
  • Ir-rapport jinnota li aktar pajjiżi setgħu jipprovdu informazzjoni dwar ir-rati tal-kopertura tat-tilqim għal gruppi bħal ħaddiema fil-kura tas-saħħa u nisa tqal,u joffri rakkomandazzjonijiet bħala triq ’il quddiem biex jinkisbu rati ta’ tilqim ogħla u monitoraġġ imtejjeb.
  • Fl-2015, il-Kummissjoni organizzat smigħ ta’ livell għoli dwar is-suġġett, u enfasizzat l-importanza li dejjem qed tiżdied tal-prevenzjoni tal-mard fin-nefqa tal-kura tas-saħħa.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/1019/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 dwar it-tilqim kontra l-influwenza staġjonali (ĠU L 348, 29.12.2009, p. 71–72)

l-aħħar aġġornament 30.01.2017

Top