Help Print this page 

Summaries of EU Legislation

Title and reference
Is-sikurezza tal-pazjent u l-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

Summaries of EU legislation: direct access to the main summaries page.
Multilingual display
Text

Is-sikurezza tal-pazjent u l-prevenzjoni ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Rakkomandazzjoni – is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

  • Is-sikurezza tal-pazjenti waqt it-trattament hija sfida ewlenija tas-saħħa pubblika u tiġġenera spiża konsiderevoli. Kull sena, minn 8 sa 12 % tal-pazjenti ammessi l-isptar ibatu minn kumplikazzjonijiet relatati mal-kura li jkunu ngħataw fl-isptarijiet fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Din ir-rakkomandazzjoni titlob għall-introduzzjoni ta’ qafas sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-pazjenti* u biex jiġu evitati konsegwenzi mhux mixtieqa*, b’mod partikolari infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa* li jistgħu jkunu marbuta mal-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa.

PUNTI EWLENIN

Is-sikurezza tal-pazjent

L-istabbiliment u l-iżvilupp ta’politiki u programmi nazzjonali dwar is-sikurezza tal-pazjent

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru awtorità kompetenti responsabbli għas-sikurezza tal-pazjenti fit-territorju tagħhom. Din il-miżura tikkontribwixxi, fost l-oħrajn, sabiex is-saħħa tal-pazjent tiġi enfasizzata bħala kwistjoni ta’ prijorità fil-politiki u l-programmi dwar is-saħħa fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livelli reġjonali u lokali.
  • Sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-pazjenti, għandhom jiġu żviluppati sistemi, proċessi u għodod aktar effiċjenti fil-qasam tas-sikurezza fil-kura tas-saħħa. L-istandards u l-prattiki tas-sikurezza li japplikaw għall-kura tas-saħħa għandhom jiġu riveduti regolarment.
  • L-organizzazzjonijiet tal-professjonisti tas-saħħa wkoll għandhom jitħeġġu jkollhom rwol aktar attiv fis-sikurezza tal-pazjenti.
  • Għandu jiġi introdott approċċ biex jiġu promossi prattiki siguri biex jiġu evitati l-konsegwenzi mhux mixtieqa l-aktar komuni bħal konsegwenzi relatati ma’ medikamenti, infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa u kumplikazzjonijiet relatati mal-intervent kirurġiku.

Il-pazjenti jsiru parti mill-proċess

Il-pazjenti għandhom ikunu involuti fid-definizzjoni tal-politiki dwar is-sikurezza tal-pazjenti permezz ta’ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom., Barra minn hekk, huma għandhom jingħataw informazzjoni dwar l-istandards tas-sikurezza li huma stabbiliti kif ukoll dwar proċeduri ta’ lmenti u rimedji jew rikorsi disponibbli. Il-pazjenti għandhom ikunu permessi wkoll jiksbu għarfien bażiku dwar is-sikurezza tal-pazjent.

It-titjib tal-informazzjoni u l-introduzzjoni ta’sistemi ta’rappurtar

  • L-introduzzjoni u t-titjib tas-sistemi ta’ rappurtar eżistenti għandhom jippermettu l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-portata, it-tipi u l-kawżi ta’ inċidenti relatati mal-kura tal-pazjent. Sistemi bħal dawn għandhom jiġu mfassla biex iħeġġu lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jirrapportaw kwalunkwe konsegwenza mhux mixtieqa. Dawn jippermettu wkoll lill-pazjenti u l-familji tagħhom jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
  • Dawn is-sistemi jkunu jippermettu wkoll li jiġu ssupplimentati sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju oħrajn fil-qasam tas-sikurezza fis-saħħa, bħal dawk li jikkonċernaw il-farmakoviġilanza.

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa

  • Il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa għandhom rwol importanti x’jaqdu fit-titjib tas-sikurezza tal-pazjent. Għalhekk huwa essenzjali li jkollhom taħriġ u edukazzjoni multidixxiplinari f’dan il-qasam. Il-programmi ta’ qabel il-gradwazzjoni u wara l-gradwazzjoni, l-iżvilupp professjonali kontinwu u t-taħriġ fuq ix-xogħol tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa għalhekk għandhom jinkludu l-kwistjoni tas-sikurezza tal-pazjenti.
  • Il-ħaddiema kollha tal-kura tas-saħħa għandhom jiġu infurmati kif xieraq dwar ir-riskji eżistenti u l-miżuri ta’ sikurezza.

Il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-esperjenzi u l-aħjar prattika fil-livell tal-UE

  • Ikun rilevanti li tiġi żviluppata sistema biex is-sikurezza tal-pazjent tiġi kklassifikata u evalwata fil-livell tal-UE. Dan l-approċċ jeħtieġ it-tħejjija ta’ definizzjonijiet u terminoloġija komuni kif ukoll indikaturi komparabbli li jippermettu lill-pajjiżi tal-UE jagħmlu użu reċiproku mill-informazzjoni u l-esperjenza miksuba fil-livell nazzjonali.
  • Dan l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattika jkun jippermetti wkoll it-titjib fil-politiki dwar is-sikurezza tal-pazjent u li r-riċerka f’dan il-qasam tkun immirata aħjar.

Il-prevenzjoni ta’infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa

Għandha tiġi stabbilita strateġija biex tipprevjeni u tikkontrolla l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa sabiex:

  • il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll jiġu implimentati fil-livell nazzjonali jew reġjonali;
  • jittejbu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa;
  • jiġu stabbiliti sistemi ta’ sorveljanza attivi;
  • jitrawmu l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa;
  • jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni għall-pazjenti.

SFOND

  • Bħala medja, l-infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa jseħħu f’pazjent wieħed minn kull 20 li jinżammu l-isptar, jiġifieri 4.1 miljun pazjent fis-sena fl-Unjoni Ewropea, u jikkawżaw 37 000 mewta. Ħafna minn dawn l-imwiet jistgħu jiġu evitati. Din ir-rakkomandazzjoni tibni fuq il-ħidma tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bl-għan li tipproponi qafas għas-sikurezza tal-pazjent.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Sikurezza tal-pazjent: il-ħelsien, għal pazjent, minn kwalunkwe ħsara bla bżonn jew minn ħsara potenzjali assoċjata mal-kura tas-saħħa.

Konsegwenza mhux mixtieqa: inċident li jirriżulta fi ħsara għal pazjent.

Infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa: mard jew patoloġiji relatati mal-preżenza ta’ aġent infettuż jew il-prodotti tiegħu b’rabta mal-espożizzjoni għall-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jew il-proċeduri jew it-trattamenti tal-kura tas-saħħa;

DOKUMENT EWLIENI

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad- 9 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-pazjent, inkluż il-prevenzjoni minn u l-kontroll ta’ infezzjonijiet assoċjati mal-kura tas-saħħa (2009/C 151/01) (ĠU C 151, 3.7.2009, p. 1–6)

l-aħħar aġġornament 30.11.2016

Top